Legislature:
Category:
Reset
Active:

Landrijiet — Wied il-Busbies

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol urġenti fuq Wied il-Busbies fil-Landrijiet, limiti tar-Rabat, fejn dan l-aħħar it-triq sfrundat fuq bir li hu fond u ma jistax isir aċċess għal xi residenzi u anke għall-ristorant fil-viċinanza? Trakkijiet, anke dawk li jneħħu d-drenaġġ, qed jirrifjutaw li jgħaddu minn fuq planka tal-ħadid li tpoġġiet temporanjament fuq din il-parti li sfrundat.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #17966 Sitting 370 2006-03-27 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għajn Tuffieħa — Banji Rumani

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx proġettat li l-Banji Rumani f'Għajn Tuffieħa jiġux restawrati u jekk hemmx xi fondi ta' l-Unjoni Ewropea li jistgħu jkopru dawn l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Heritage Malta diġà żvillupat bażi għal proġett għal dan is-sit storiku. Il proġett huwa fl-istadji inizjali u bħalissa qed issir konsultazzjoni ma’ diversi aġenziji sabiex il-proġett li issir fil-futur ikun wieħed ħolistiku. Heritage Malta għadha kemm rebħet fondi mill-UNESCO sabiex tagħmel rapport intensiv fuq il-qagħda tal-konservazzjoni tal-mosaiċi kollha ta’ Malta li ftit minnhom jinsabu wkoll fuq dan is-sit Ruman. Barra minn dan, l-Aġenzija f’Settembru 2005 issottomettiet proġett għal riabilitazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu madwar is-sit arkeoloġiku taħt il-programm ta’ l-Unjoni Ewropea INTERREG MEDOCC, u ssottometiet proġett ieħor għal żvilupp ta’ ċentru għal viżitaturi taħt il-programm tal-EEA/Norwegian Transition Fund. Ir-riżultati ta’ dawn l-applikazzjonijiet għadhom mhumiex magħrufa

Żebbiegħ — Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal it-tendering process tas-sistema tad-drenaġġ fiż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li, issa li l-MEPA approvat il-permessi meħtieġa biex ikun jista jsir dan ix-xogħol, il-kuntrattur ingħata l-ordni biex jibda x-xogħol b'effett mis-17 ta' April 2006.

Żebbiegħ — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' tarmac f'dawn it-toroq fiż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, Malta: Triq l-Imqades, Triq is-Saqwi u Triq Skorba?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' bini ta' numru ta' toroq residenzjali. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta' l-ADT.

Bajja tal-Ġnejna

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-fatt li dan l-aħħar fil-bajja tal-Ġnejna ġo l-Imġarr, Malta qed jaqa' ġebel kbir minn fuq l-għolja għal ġol-bajja? Jista' jaċċerta li jekk dan hu fl-affermattiv, isiru t-tiswijiet neċessarji?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-każ ser jiġi investigat minn Perit tad-‘ Dangerous Structures ’ fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet. Għal dan il-għan sar kuntatt mal-Kunsill Lokali sabiex minn naħa tagħhom ikunu jistgħu jindikaw il-post in kwistjoni.
Leg 10 PQ #17510 Sitting 361 2006-03-06 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Imġarr — Tempju Ta' Skorba

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tempju Ta' Skorba ġo l-Imġarr, Malta jistax ikollu l-parametri tiegħu li jinkludu dik il-parti li llum mhijiex mdawwra b'fence? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, x'jista' isir sabiex dan isir? Jista' il-Ministru jaċċertana wkoll li fit-tempju Ta' Skorba, dik il-parti li mhijiex imdawwra b'fence, tiġi mnaddfa u s-siġar tal-lewż jiġu miżbura?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-parti in kwestjoni ġiet akkwista b’dikjarazzjoni ta’ l-Aġent President ta’ Malta datata 13 ta’ Jannar 1992 u ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-21 ta’ Jannar 1992. Ta’ min iżid li s-sidien preċedenti għadhom ma rċevewx il-ħlas dovut lilhom għal din l-art. Il-ħsieb ta’ Heritage Malta hu li twettaq proġett għall-ħarsien ta’ dawn il-fdalijiet, b’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Landrijiet l/o Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex it-triq li tieħu għal-Landrijiet, limiti tar-Rabat, tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac peress li tant qiegħda fi stat ħażin li kważi ma tistax tidħol bil-vettura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant taqa’ taħt ir-responsabilita tal-Kunsill Lokali u b’hekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq hija parti mix-xogħlijiet li għandu jagħmel il-Kunsill. Sadanittant fil-gimgħat li għaddew l-Awtorita' dwar it-Trasport irriżultalha li numru ta’ toroq simili fir-Rabat kienu f’sitwazzjoni inaċċettabbli u għalhekk kellha tintervjeni u tagħmel xogħlijiet temporanji ta’ manutenzjoni fihom, wara li l-Kunsill Lokali naqas li jagħmel dan.

Qui-si-Sana — Carpark

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra impressjoni grafika ta' kif suppost jidher il-carpark ta' Qui-si-Sana meta dan ikun lest?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra impressjoni grafika ta’ kif hu maħsub li jsir il-ġnien fi Qui-si-Sana. Dan il-proġett kif propost mill-applikant għad irid jiġi approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) a bażi tad-Development Brief. Qed inpoġġi wkoll ritratt mill-ajru ta’ kif inhu l-ġnien illum. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ immaġni jinduna li l-area tal-ġnien ser tikber b’2350 metri kwadri għaliex iż-żewġ żoni li bħalissa huma surface parking ser isiru parti integrali mill-ġnien.

Malta Enterprise

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-investiment ġdid u l-espansjonijiet li ġew approvati mill-Malta Enterprise is-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fis-sena 2005, il-Malta Enterprise approvat 33 proġett ġdid li mistennija jinvestu Lm10,987,270 sat-tielet sena ta' l-operat tagħhom. Malta Enterprise approvat ukoll 36 proġett ta' espansjoni li mistennija jinvestu Lm17,796,167 sat-tielet sena li l-proġett jiġi fis-seħħ.

Landrijiet l/o Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex it-triq li tieħu għal-Landrijiet, limiti tar-Rabat, tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac peress li tant qiegħda fi stat ħażin li kważi ma tistax tidħol bil-vettura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Landrijiet l/o Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tankijiet u skart mormi mat-triq u l-inħawi rurali li jagħtu għal Landrijiet, limiti tar-Rabat, jistgħux jiġu mnaddfa għax qed joħolqu inkonvenjent għan-nies ta' l-inħawi u t-turisti li jżuru dan il-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-tankijiet u skart ieħor tal-ħadid li qed jinġabar minn l-inħawi tal-Landrijiet l/o Rabat qed jitpoġġew ġo post temporanju fl-istess inħawi għal perjodu ta' mhux aktar minn jumejn. Wara jittieħdu kollha ġo scrapyard apposta.

Mosta — Triq il-Qares

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li Triq Tal-Qares, Mosta li qiegħda fi stat ħażin ħafna tiġi rranġata fil-futur qarib?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji programm għall-bini ta’ toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw minn dan il-programm.

Skema tal-Qbiela

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet fl-iskema tal-qbiela li ħarġet fis-sena 2000/2001? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati u kemm ġew rifjutati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li taħt l-iskema tal-Qbiela tas-sena 2000/2001 daħlu qrib l-10,000 applikazzjoni, li minnhom ġew iffinalizzati 450 u 226 ġew irrifjutati.

Santa Venera — Asfaltar fi Triq l-Għollieq

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu x-xogħlijiet ta' asfaltar fi Triq il-Ġdida, fi Triq l-Għollieq f'Santa Venera u dan għaliex l-istat tat-triq qed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta' dan il-lokal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-programm tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji programm għall-bini ta' toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritjiet li jirriżultaw.

Abbonati tal-Mobiles

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn abbonati tal-mobiles, sena b'sena, mill-1996 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru t'abbonati tal-mobiles hu hekk: 1997 15,117 1198 18,934 1999 24,305 2000 113,439 2001 221,196 2002 276,859 2003 289,992 2004 306,067 sa settembru 2005 324,763 Jien infurmat ukoll li l-istatistika kif miżmuma llum bdiet tinżamm hekk mis-sena 2001 meta twaqqfet l-Malta Communications Authority. In-numru ta' mobiles għas-snin l-oħra huma minn sorsi oħra (l-NSO). Dawn in-numri juru li f'perjodu ta' disgħa snin in-numru ta' mobiles żdiedu b'iktar minn 21 darba.

Abbonati fl-internet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn abbonati fl-internet, sena b'sena, mill-1996 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' abbonati fl-internet hu hekk: 1997 12,860 1998 22,710 1999 24,794 2000 34,409 2001 51,343 2002 67,001 2003 78,260 2004 87,870 sa settembru 2005 88,145 Jien infurmat ukoll li din l-istatistika kif miżmuma llum bdiet tinżamm hekk mis-sena 2001 meta twaqqfet l-Malta Communications Authority in-numru ta' Internet subscribers għas-snin l-oħra huma minn sorsi oħra (l-NSO). Dawn in-numri juru li l-Internet subscribers f'Malta żdiedu 9 darbiet fuq perjodu ta' 9 snin.

Liċenzji għal negozji ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji ġodda għal negozji, sena b'sena, mill-1996 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li liċenzji tal-kummerċ bdew jiġu proċessati fid-Diviżjoni tal-Kummerċ minn Mejju 2002. Qabel dan iż-żmien il-liċenzji kienu jiġu proċessati fl-għasses tal-lokalitajiet mill-Pulizija. Il-liċenzji għal negozji ġodda minn Mejju 2002 kienu kif ġej: 2002 1704 2003 1772 2004 1958 2005 1898
Leg 10 PQ #16817 Sitting 347 2006-01-31 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bars/restaurants — Liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji għal ftuh ta' bars u ristoranti, sena b'sena, mill-1996 'il hawn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma tinżammx statistika ta’ kemm jinfetħu bars u stabbilimenti li jservu ikel ġodda sena b’sena. Għalhekk qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ postijiet liċenzati għal din l-attività sena b’sena mill-1996 sa l-2006.