Legislature:
Category:
Reset
Active:

Binġemma — Arbli tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-arbli tad-dawl ġo Binġemma mill-arja magħrufa bħala l-Madonna sal-Plier se jsiru ġodda, liema arbli ilhom biex jiġu mibdula ġmielhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-area msemmija hija kbira, nistaqsu lill-Onor. Interpellant biex jagħtina ndikazzjoni ta' liema arbli qed jirreferi għalihom.

Triq bejn Tal-Virtu' u l-Buskett

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn Tal-Virtu' ir-Rabat, Malta u l-Buskett, tiġi rranġata peress li din it-triq tintuża ħafna minn Maltin u turisti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li parti mit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant li tmur minn misraħ San Duminku sal-Buskett taqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill Lokali. Xorta waħda daqs xahar ilu d-Direttorat għamel xogħol ta’ resurfacing tul Triq Borg Olivier kif ukoll patching ġo Triq il-Buskett.

Impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu t-tħejjijiet għall-bini ta' tliet impjanti ġodda għat-tisfija tad-drenaġġ? Meta mistenni jibda x-xogħol fuq kull wieħed minn dawn l-impjanti? Kemm se jkun jista' jipproduċi ilma kull impjant? Kemm mistennija tkun in-nefqa fuq kull impjant u jekk il-flus hux se joħroġhom kollha l-gvern Malti? Meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq kull impjant?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' infermiera impjegati mal-gvern fl-1987 u kemm hu fil-preżent? Jista' jgħid ukoll x'kien l-ammont globali ta' pagi/salarji, kif ukoll ta' sahra mħallsa lill-infermiera fl-1987 u fl-2005 rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Bini/manutenzjoni ta' skejjel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-1999 'il hawn kienu investiti flus mill-gvern: a) f'bini ta' skejjel ġodda u b) f'manutenzjoni ta' skejjel eżistenti? Jista' jgħid ukoll xi proġetti maġġuri saru ta' manutenzjoni u ta' bini ta' skejjel u kemm swew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investiment kollu li għamlet l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel t'Għada minn meta bdiet topera f'2001 (ammonti jirreflettu x-xogħolijiet kollha li ġew ċċertifikati sa 31 Dicembri 2005) ilaħħaq is-somma is-somma ta' Lm16,373,046 għall-proġetti ta' kostruzzjoni u estensjoni ta' skejjel, proġetti ta' bini ta' swali u upgrading, u proġetti ta' manutenzjoni. Minbarra xogħol ta' manutenzjoni fuq l-iskejjel kollha tal-Gvern, sar xogħol ieħor kbir bħal : Kuleġġ S.Benedittu, Sir Adrian Dingli Junior Lyceum, Skola Primarja Luqa, Skola Adelaide Cini, Skola Primarja Wied il-Għajn, Skola Primarja Siġġiewi u oħrajn.

Tiftix għaż-Żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni kurrenti fir-rigward tat-tiftix taż-żejt u cioe' kemm hawn kumpanniji li għandhom konnessjoni, xi stħarriġ qed isir u jekk humiex jitħaffru xi bjar? F'liema nħawi qed issir it-tali attivita'? Jista' il-Ministru jgħid kemm-il konċessjoni ngħataw f'dawn l-aħħar 30 sena, fiex kienet tikkonsisti l-attivita' li saret, f'liema nħawi u kemm tħaffru bjar s'issa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li bħalissa hawn ħames kumpaniji li qed jagħmlu studji dwar it-tfittix taż-żejt fl-ibħra Maltin. Diversi xogħlijiet ta’ stħarriġ qed isiru b’konnessjoni ma’ dawn il-liċenzji skond il-programm ta’ xogħol stipulat ma’ kull liċenzja. Bħalissa m’hemmx tħaffir ta’ bjar. L-inħawi ta’ dawn il-liċenzji, kif ukoll informazzjoni oħra dwar liċenzji li ngħataw u bjar li tħaffru f'dawn l-aħħar 50 sena jinstabu fuq il-websitetal-Ministeru www.mri.gov.mt.
Leg 10 PQ #18606 Sitting 379 2006-05-02 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Ftehim mat-Tuneżija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress, wara l-ftehim li kien iffirmat mat-Tuneżija li jipprovdi fost l-oħrajn għal tiftix bi sħab għaż-żejt?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Taħdidiet dwar dan is-suġġett għadhom għaddejin. Il-ftehim jagħti perjodu ta` 3 xhur u ħmistax -il ġurnata biex l-esperti jistabilixxu żoni fil-blata Kontinentali fejn iż-żewġ pajjiżi fejn jista` jsir tiftix u tħaffir għaż-żejt bi sħab bejn Malta u t-Tuneżija.

Polishing Plant għall-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat miksub mill-istallazzjoni ta' polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Meta kien stallat dan l-impjant, fejn u fiex jikkonsisti u kemm sewa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li jsiru impjanti simili f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #18621 Sitting 379 2006-05-02 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Ta' Ħaġrat, Imġarr

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex is-sit arkeoloġiku Ta' Ħaġrat fl-Imġarr, Malta jerġa' ikollu d-dawl peress li r-reflectors f'dan is-sit ilhom mkissrin? Jista' jassigura li l-post kollu jkun mdawwal aħjar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-bozoz li hemm Ta’ Ħaġrat ma xegħlux it-Tnejn, 24 ta’ April 2006. Dawn ġew irrapurtati lil Heritage Malta l-għada u ġew mibdula fid-29 ta’April 2006. Id-dawl huwa biss għas-sigurtà tal-post. M’hemmx pjani li din is-sitwazzjoni tinbidel fil-futur qarib.

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku

Question

Jista' il-Ministru jaċċerta li tiġi kkonsidrata zebra crossing fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, Mosta eżattament fejn ir-Roll-in Pastizzerija, peress li f'dak il-post qed ikun hemm diversi inċidenti tat-traffiku?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irrżulta li m'hemm ebda talba mill-Kunsill Lokali tal-Mosta għal tali zebra crossing. It-Traffic Management Unit ikkuntatja l-Kunsill u ġejna nfurmati li l-Kunsill ser jissottometti din il-proposta lill-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta.

Imġarr — Dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18126 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn iż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, u Għajn Tuffieħa tiġi mdawwla adegwatament, u dan biex tikkomplimenta t-triq il-ġdida li hija mdawwla bejn il-Mosta u ż-Żebbiegħ? Dan ikun importanti biex fl-istaġun tas-sajf idawwal triq arterjali importanti għat-turiżmu.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li t-triq imsemmija ma hiex triq arterja jew distributorja, r-responsabilita tad-dawl f'din it-triq ma taqax taht ir-responsabilita ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.

Imġarr — Triq Fisher

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-irranġar tal-bankina fi Triq Fisher, Imġarr, Malta taqa' taħt l-ADT u jekk iva, meta hemm il-ħsieb li dan ix-xogħol isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Fisher hi triq arterja u taqa' taħt ir-responsabilita tal-Awtorita' dwar it-Trasport. Għad m'hemmx ħsieb meta x-xogħol ser isir.

Imġarr — Letter Box

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li tiġi miżjuda letter box viċin il-pjazza prinċipali ta' l-Imġarr, Malta għaliex dik li diġa' hemm (li għandha tibqa' hemm) dejjem mimlija b'inkonvenjent għan-nies ta' dan ir-raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Maltapost qed tikkunsidra li tkabbar il-kaxxa ta' l-ittri li tinsab viċin il-pjazza prinċipali ta' l-Imġarr, iżda mhux l-intenzjoni tal-kumpanija li żżid kaxxa ta' l-ittri oħra fil-post indikat.

Sinjali tat-Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru s-sinjali tat-toroq fit-triq arterjali l-ġdida li tagħti bejn il-Mosta u l-Imġarr, Malta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjali tat-toroq fit-triq arterjali l-ġdida li tagħti bejn il-Mosta u l-Imġarr, Malta diga’ saru.

Victoria Lines

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett, forsi anke b'għajnuna ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, fejn il-Victoria Lines jiġu msebbħa u rranġati peress li dawn jistgħu jservu ta' attrazzjoni turistika kbira?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi bħalissa s-Sezzjoni tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qiegħda tipprepara pjan ta’ xogħlijiet biex il-linja ta’ fortifikazzjonijiet matul il-Victoria Lines tiġi rijabilitata’. Inżid ngħid illi matul dawn l-aħħar snin, is-Sezzjoni tar-Restawr kienet impenjata fuq diversi xogħlijiet ta’ restawr fuq dawn il-fortifikazzjoniet partikolarment fin-naħa tal-Madliena u Binġemma.

Imġarr — Dwal

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn iż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, u Għajn Tuffieħa tiġi mdawwla adegwatament, u dan biex tikkomplimenta t-triq il-ġdida li hija mdawwla bejn il-Mosta u ż-Żebbiegħ? Dan ikun importanti biex fl-istaġun tas-sajf idawwal triq arterjali importanti għat-turiżmu.

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-istallazzjoni ta' dwal ġodda hija responsabilita' tal-Kunsilli Lokali jew ta' ADT f'każ ta' toroq arterjali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirrreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.