Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li għandhom 'il fuq minn 100 sena? Kemm minnhom qed jgħixu fi djar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Uffiċċju Elettorali, hawn 105 anzjani li għandhom 'il fuq minn 100 sena. Sebgħa minnhom huma residenti fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paul.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li fis-sajf il-karozzi tal-linja lejn Għajn Tuffieħa jiżdiedu fil-frekwenza?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li r-rotta 47 lejn il-Belt u mill-Belt lejn Għajn Tuffieħa fis-sajf ser ikollha frekwenza ta' kull nofs siegħa u filgħaxija l-aħħar ħin ser ikun tas-7.20 minflok tas-6.20. Ir-rotta diretta li taħdem bejn tas-Sliema, Buġibba u Għajn Tuffieħa ser tibda taħdem sas-7.30 minflok sal-5.00pm.
Barraminhekk, jekk ikun hemm domanda akbar ser jittieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid x'perċentwali ta' bdiewa full-time u part-time għandhom 'il fuq minn 50 sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond il-Land Parcel Identification System hawn 331 bdiewa full time u 4,932 bdiewa part time li għandhom ‘il fuq minn 50 sena.
Tajjeb li ngħidu li jekk l-Onor. Interpellant irid li jkollu ċifri iżjed eżatti nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Employment and Training Corporation (ETC)
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-sussidju li jirċievu l-bdiewa mill-Unjoni Ewropea hux meqjus bħala dħul taxxabbli? Tagħmel differenza jekk il-bidwi jkun full-time jew part-time f'dan l-aspett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati full-time u part-time?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO), u mill-Employment and Training Corporation (ETC).
Tista' il-Ministru tgħid kemm-il lift ġew stallati s'issa fi blokki ta' appartamenti tal-gvern/Awtorita' tad-Djar, f'liema lokalitajiet u kemm kienet l-ispiża globali s'issa? Tista' tgħid ukoll jekk humiex ikunu stallati lifts oħra u fejn u x'talbiet oħra hemm pendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mis-sena 2002, meta ġiet varata l-iskema ta’ stallar ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar stallat 72 lift għal spiża totali ta’ Lm1,128,755.
Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fil-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna hi rrapportata li mietet kawża ta' mard marbut mat-tipjip matul is-sena li għaddiet u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Kemm kien hemm li mietu minn mard tan-cancer fl-istess perijodu? Kemm minn dawn mietu f'Malta u kemm mietu f'Għawdex? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul is-sena 2005 kien hemm 718 persuna li mietu bil-marda tal Kanċer f’residenti ta’ Malta u Għawdex, skont ir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet. Minn dawn kien hemm 366 rġiel li mietu Malta u 33 rġiel li mietu Għawdex, kief ukoll 296 nisa li mietu Malta u 23 nisa li mietu Għawdex.
Matul l-ewwel tliet xhur ta’ 2006 kien hemm 195 persuna li mietu bil-marda tal-Kanċer. Minn dawn kien hemm 97 rġiel li mietu Malta u 8 rġiel li mietu Għawdex, kif ukoll 84 nisa li mietu Malta u 6 nisa li mietu Għawdex.
Matul is-sena 2005 kien hemm 381 mewt li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewg sessi f’residenti f’ Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 243 rġiel li mietu Malta u 26 rġiel li mietu Għawdex, kif ukoll 103 nisa li mietu Malta u 9 nisa li mietu Għawdex.
Matul l-ewwel tliet xhur ta’ 2006 kien hemm 104 mewt li huma meqjusa li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewg sessi f’Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 65 rġiel li mietu Malta u 5 rġiel li mietu Għawdex, kif ukoll 30 nisa li mietu Malta u 4 nisa li mietu Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il każ ta' meningite ġew rapportati Malta u Għawdex f'dawn l-aħħar erba' xhur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-figuri mitluba dwar każijiet ta' Meninġite li ġew irrapurtati f' Malta u Għawdex fl-aħħar erba' xhur huma kif jidhru fit-tabella ta hawn taħt:
2006
Meningitis
Meningococcal
Septecaemia
Meningococcal
Meningite- Other bacteria
Jannar
0
0
1
Frar
1
2
1
Marzu
2
3
0
April
1
3
0
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17965 u jgħid jekk jistax isir xogħol urġenti fuq Wied il-Busbies fil-Landrijiet, limiti tar-Rabat, fejn dan l-aħħar it-triq sfrundat fuq bir li hu fond u ma jistax isir aċċess għal xi residenzi u anke għall-ristorant fil-viċinanza? Trakkijiet, anke dawk li jneħħu d-drenaġġ, qed jirrifjutaw li jgħaddu minn fuq planka tal-ħadid li tpoġġiet temporanjament fuq din il-parti li sfrundat.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u l-anqas distributorja u b’hekk ma taqax taħt ir-responsabilta' tal-Gvern Ċentrali.
Id-Direttorat xorta għamel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex ikun jista jsir xi xogħol fit-triq imsemmija. Dan ix-xogħol jiġi inkluż f’lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru.
Dan ix-xogħol ser issir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jintervjeni u jgħin sabiex tissolva l-problema fi Vjal Indipendenza fil-Mosta, fejn hemm parti tal-bankina (130 metru fuq iż-żewġ naħat) imkissra jew taħt il-livell tat-triq tant li lanqas kurduna ma hemm? Barra li hija eyesore din il-bankina, hi ta' periklu kbir u mhux l-ewwel darba li residenti anzjani tfixklu u waqgħu.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ser isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant biex dan ix-xogħol ikun jista jiġi nkluż fil-lista ta xogħlijiet li jridu jsiru.
Id-Direttorat qed ihejji program ta’ xogħlijiet u dawn ser isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentiari 18691 il-perijodu huwa mill-1 ta' Mejju, 2004 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-għajnuna għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ (mill-fondi li ġejjin mill-Pjan ta' l-Iżvilupp Rurali 2004-2006) kien hemm 1,212 applikanti li tefgħu applikazzjoni preliminari fl-2004. Minn dawn l-applikazzjonijiet, 711 l-applikant ħadu l-għajnuna. Il-bqija ma ħadux l-għajnuna għaliex jew ma ġabux id-dokumenti kollha meħtieġa, jew għax ma kenux eliġibbli. Fis-sena 2005 kien hemm total ta' 431 applikazzjoni. Minn dawn, 125 kienu estensjoni ta’ l-applikazzjonijiet tas-sena ta' qabel u 306 kienu applikazzjonijiet ġodda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il siġra taż-żebbuġ tħawwlu f'dawn l-aħħar sentejn minn mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn naħa tas-Sezzjoni tal-Park, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (PARKs) tħawwlu total ta’ 436 siġar taż-żebbuġ hekk kif ġej:
Fis-sena 2004 - Xejn
Fis-sena 2005 - 95.
Fis-sena 2006 - 341. (Sat-12 ta’ Mejju 2006)
Sa l-aħħar ta’ Mejju ghandhom ikunu tħawwlu elf (1,000) siġra taż-żebbuġ oħrajn.
Minn naħa tal-MELP ġew imħawlin 3,921 siġar taż-żebbuġ bejn l-ewwel ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006.
Fl-aħħar sentejn (2004-2005), madwar 1,000 siġra taż-żebbuġ ġiet irreġistrata mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Din ir-reġistrazzjoni ssir fuq bażi volontarja u għalhekk mhux bil-fors tirrifletti s-sitwazzjoni attwali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il student iggradwa mill-iskola ta' l-agrikoltura f'Malta mit-twaqqif tagħha, sena b'sena? Hemm statistika ta' kemm minn dawn l-istudenti sabu mpjieg fil-qasam agrikolu u jekk iva, jista' il-Ministru jagħtiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Nista' nagħti l-informazzjoni li ġiet mgħoddiha lili mill-MCAST.
Course 2003-04 2004-05 2005-06
*ESTS none 2 none
Foundation 6 8 In progress
First Diploma 8 6 In progress
National Diploma none none In progress
Studenti javvanzaw minn Level 1 Foundation għal Level 2 BTEC First Diploma.
Studenti javvanzaw minn Level 2 BTEC First Diploma għal Level 3 BTEC National Diploma.
Gradwati tal-First Diploma komplew il-kors ta' Diploma fl-Agrikoltura fl-Universita' ta' Malta, jew bdew jagħmlu xogħol agrikolu mal-familji tagħhom.
Gradwati fil-Foundation ingħaqdu ma' l-Industrija tal-Catering.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mill-400 triq residenzjali li ġie mwiegħed li jsir it-tarmac, saru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Mill-2002/2003 sa din is-sena l-ADT iffinanzjat il-bini ta' 393 triq residenzjali. Fil-ġimgħat li għaddew rappreżentanti mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u mill-ADT daru l-lokalitajiet kollha ta’ Malta biex jivverifikaw il-lista ta’ toroq li huma responsabbilta’ tal-Gvern Ċentrali. Bħalissa bdew isiru l-istimi ta' numru minn dawn it-toroq biex it-tenders jibdew jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Sadattant, l-ADT għaddejja b’xogħlijiet ta’ bini ta’ toroq residenzjali f’diversi lokalitajiet fosthom Ħal-Għaxaq, Birkirkara, Marsascala, Kalkara, Mġarr, Naxxar u Fgura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jdum biex isir ix-xogħol biex il-wires tad-dawl fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr, Malta jinbidlu minn aluminium għal ram? Huwa minnu jew le li wires ta' l-aluminium jistgħu jagħmlu ħsara għall-appliances domestiċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol biex jinbidlu l-wires fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr mistenni jsir fi żmien qasir.
Mhux minnu li l-linji ta' l-aluminium jagħmlu ħsara lil appliances domestiċi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti minn Binġemma għar-Rabat tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac mill-ġdid?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant m'hijiex triq arterjali u l-anqas distributorja u b'hekk il-manutenzjoni ta' din it-triq mhux parti tar-responsabilta' tal-Gvern Ċentrali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16571, jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju tal-lista ta' priorita' waslet din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-ġimgħat li għaddew, rappreżentanti tal-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u ta' ADT żaru l-lokalitajiet kollha ta' Malta u hejjew lista ta' toroq li huma responsabilta' tal-Gvern Ċentrali.
Bħalissa qed isiru l-prijoritajiet u jinħadmu l-istimi dettaljati għax-xogħlijiet meħtieġa f'dawn it-toroq.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie mogħti f'apparat u meta mill-organizzazzjoni Life Cycle f'dawn l-aħħar tliet snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-donazzjonijiet mill-Life Cycle f'dawn l-aħħar tlett snin huma kif ġej:
1 Kidney machine (2003-2004)
1 Dialysis couch (2003-2004)
Refurbishing and extension of Renal Unit (2003-2004)
9 Automated Peritoneal Dialysis machines (2003-2004)
14 Automated Peritoneal Dialysis machines (2004-2005)
1 Kidney machine (2004-2005)
1 Aloka Ultrasound machine (2004-2005)
1 Portable vascular Ultra sound machine (2004-2005)
1 Kidney machine (2006)
1 Exercise Cycling machine for use while patient is on Dialysis. (2006)
Jista' il-Ministru jgħid kemm jinġabar demm bil-mobile blood unit u jekk hemmx ħsieb li jkun hawn iktar minn waħda għal Malta u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 2005, minn total ta' 14,062 donazzjonijiet inġabru 3,404 mill-mobile unit.
Fis-sena 2006 (sal-aħħar ta' April) minn total ta' 4,787 donazzjonijiet, inġabru 1,128 mill-mobile unit.
S'issa m'hemmx ħsieb li jkun hemm iktar minn unit waħda.