Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta –performance bonus lill-Managers

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15785, jista' l-Ministru jikkonferma li filwaqt li Heritage Malta ħasset il-ħtieġa li tibdel xi miri ta' xi managers/senior curators, il-miri tac-CEO ma ġewx mibdula? Jekk fil-pożittiv, ma jaħsibx li kieku kien ikun iktar għaqli jekk il-miri tac-CEO ġew mibdula biex jinkorporaw il-funzjoni tal-Human Resources kif ukoll li jassigura li l-Heads jilħqu l-miri kollha tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-miri tas-CEO, flimkien ma’ oħrajn, ma kienx hemm ħtieġa li jinbidlu. Rigward il-funzjoni tal-HR nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 13338 u 16007.

Heritage Malta — training

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex il-budget ta' Heritage Malta relatat mat-training ġie mnaqqas? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-training programm li diġà sar fl-ewwel 6 xhur tas-sena u dawk li huma ppjanati għat-tieni nofs tas-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-baġitt għat-taħriġ ta’ Heritage Malta ma naqasx. Ġara li fis-snin preċedenti l-allokazzjoni għal taħriġ kienet ferm għola minn dak li attwalment kien qed jintuża. Għalhekk il-baġitt għas-sena 2015 ġie rivedut biex jirrifletti l-spiża attwali fis-snin preċedenti. Jiġifieri effettivament il-baġitt baqa fl-istess livell. Informat minn Heritage Malta li gie deciz li l-flus li ġew allokati jintuzaw sabiex ikopru sponsorships għal impjegati li jkollhom bżonn isegwu tagħlim f’suġġetti relatati max-xogħol tagħhom. Bħalissa hemm disa’ impjegati li qed igawdu minn dan l-inċentiv, li ħamsa minnhom bdew l-istudji tagħhom din is-sena.

Heritage Malta – equality mark

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna fiex wasal il-proċess sabiex Heritage Malta takkwista l-Equality Mark mogħti mill-NCPE? Jista' jelenka wkoll il-miżuri li Heritage Malta ħadet sabiex tkun konformi għall-Equality Mark?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ma applikatx sabiex ikollha din il-marka. Indipendentement minn dan, l-aġenzija qatt ma kelliex diffikultajiet marbuta ma’ din il-materja, kif wara kollox ġie ddikjarat fil-ftehim kollettiv.

Il-Baħrija – Limiti tar-Rabat — devjazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq li qed tintuża’ bħala devjazzjoni bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se tiġi rranġata, dan minħabba l-ammont ta’ ħofor li hemm fiha u issa ser tibda tintuża kuljum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għaddejjin mhumiex ta’ Transport Malta. It-triq li qiegħda tintuża bħala rotta ta’ devjazzjoni waqt dawn ix-xogħlijiet ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.

Il-Baħrija – Limiti tar-Rabat — devjazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-devjazzjoni li qed tintuża bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se titnaddaf u jinqata’ l-ħaxix tat-triq kollha minħabba li huwa ta’ periklu kbir u jista’ jsir inċident?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Katakombi ta’ San Pawl, Forti Sant’Iermu u Forti Sant’Anġlu — guidebooks

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna fiex wasal ix xogħol fuq guidebooks relatati mal-Katakombi ta' San Pawl, il-Forti Sant’Iermu u l-Forti Sant’Anġlu? Jista' jgħidilna ukoll meta Heritage Malta ħa tippubblika dawn il-kotba u jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi verżjoni b'lingwa oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed taħdem fuq il-produzzjoni ta’ brief guides bl-Ingliż għall-imsemmija siti. Dawn ser jkunu lesti aktar tard din is-sena u jekk ikun hemm il-ħtieġa jiġu tradotti għal ilsna oħra.

Gozo Museum

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna jekk l-interpretazzjoni tal-Gozo Museum ħa tkun outsourced jew inkella fdata f'idejn l-esperti ta' Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kif sar fi proġetti oħra maġġuri ta’ dan it-tip, l-interpretazzjoni dejjem tibqa’ f’idejn Heritage Malta.

Ħaġar Qim, l-Imnajdra u Sant'Iermu – electric vehicles

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb tinvesti f'electric vehicles għas-siti ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra kif ukoll Sant'Iermu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hija x-xewqa ta’ Heritage Malta li tkun tista’ toffri dan is-servizz fis-siti msemmija, l-istess kif se tagħmel fil-Forti Sant’ Anġlu. Naturalment wiehed irid ikun irid jara l-impatt finanzjarju ta' l-implimentazzjoni ta' dina l-idea.

Heritage Malta – Head Office – smoking shed

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna meta Heritage Malta se tlesti r-restawr fuq is-smoking shed storika li hemm fl-entratura tal-Head Office tagħha f'Bighi l-Kalkara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li hu ppjanat li x-xoghol jitkompla wara Settembru, meta jitlesta x-xogħol li bħalissa għaddej fuq siti o]ra. Barra minn hekk qed jinxtara materjal ta’ injam u ħadid meħtieġ sabiex imbagħad ikun jista’ jsir l-intervent neċessarju.

Forti Sant’Iermu u UNESCO World Heritage — kuraturi

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16397, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex hemm żewġ kuraturi fuq Sant'Iermu biss, filwaqt li fis-sezzjoni tal-UNESCO World Heritage sites hemm żewġ kuraturi u senior curator biss li jridu jieħdu ħsieb numru ta' proġetti kif ukoll numru kbir ta' issues relatati ma dawn is-siti ta' importanza mondjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li kif intqal fir-risposta għall-mistoqsija 16397, Forti Sant’Iermu għandu kuratur wieħed biss. Il-kuratur l-ieħor huwa responsabli mill-kollezzjoni tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra li jinsab fl-istess fortizza. Fl-istess waqt nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuraturi fis-sezzjoni tal-World Heritage Sites huma erbgħa u mhux tlieta. Minbarra l-imsemmija senior curator u żewġ kuraturi, it-Tempji tal-Ġgantija għandhom kuratur ieħor iddedikat għalihom.

Tempju Tas-Silġ u Tempji ta' Borġ in-Nadur? — konservazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x'inhuma l-pjani ta' Heritage Malta vis-a-vis il-konservazzjoni relatat mat-Tempju Tas-Silġ u mat-Tempji ta' Borġ in-Nadur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ladarba spiċċaw l-iskavi tal-Missione Archeologica Italiana f’Tas-Silġ, din is-sena bdew il-preparazzjonijiet sabiex jitħejjew l-istudji meħtieġa, fosthom conservation plan, sabiex eventwalment isir ix-xogħol neċessarju f’dan ir-rigward. F’Borġ in-Nadur għaddej proċess mad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex biċċiet ta’ art qrib it-tempji jgħaddu għand Heritage Malta sabiex is-sit ikun protett aħjar.

Heritage Malta — performance bonus - kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16012 u jgħid liema huma l-objettivi u l-kriterji kollha li fuqhom se jingħata l-performance bonus matul is-sena 2015 lis-CEO, il-Heads u l-Managers ta’ Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Heritage Malta – ħaddiema – communications allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna f'liema gradi qegħdin dawk il-ħaddiema ta' Heritage Malta li bbenefikaw mill-communications allowance? Jista’ jgħidilna fuq liema kriterji ngħataw din il-communication allowance? Jista’ jikkonferma li ma teżisti l-ebda proċedura f'dan ir-rigward u li ċertu ħaddiema tħallew barra minn din it-tip ta' allowance?

Response (BONNICI, OWEN)

Heads, Managers, Senior Curators, Senior Executives u Senior Conservators jieħdu allowance skont il-kuntratt ta’ mpjieg, filwaqt li gradi oħrajn jieħdu l-allowance fuq rakkomandazzjoni tal-manager tagħhom. Il-kriterji tal-proċedura huma sempliċi: l-impjegat jingħata allowance fissa (pro-rata skond il-ħin li jaħdem) jekk ix-xogħol jirrikjedi użu tal-mobile b’mod regolari.

Heritage Malta – mobile phone service provider — kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li Heritage Malta għamlet mal-mobile phone service provider, kif ukoll kopja tal-expression of interest li ħarġet f'dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Expression of Interest li ntbagħtet lill-operaturi kollha, kif ukoll il-kuntratt standard.

Heritage Malta – top management – kuntratt tat-telefon ċellulari

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x'kienu l-kriterji li fuqhom tqassam il-credit tal-kuntratt tat-telefon ċellulari lit-top management ta' Heritage Malta. Jista' wkoll il-Ministru jikkonferma li dan il-credit ma tqassamx b'mod ugwali bejniethom u li kien hemm min ħa benefiċċju/i iktar minn ħaddieħor?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-communication allowance tat-top management kif ukoll tal-gradi tal-management hija waħda fissa skond il-kuntratt tal-impieg. Fi gradi oħra il-kreditu tqassam b’mod li jirrifletti il-grad tal-impjegat. Kull impjegat ħa l-istess kreditu skond il-grad tiegħu fuq bażi pro-rata skond il-ħinijiet li jaħdem.

Ħaġar Qim — kafetterija

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kif Heritage Malta qiegħda tuża l-ispazju tal-kafetterija ġewwa ċ-ċentru tal-viżitaturi ta' Ħaġar Qim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-imsemmi spazju qed jiġi użat bħala sala multi-purpose għal attivitajiet edukattivi, laqgħat u seminars, kif ukoll tinkera għal attivitajiet privati

Heritage Malta – Forti San’Iermu u Forti Sant’Anġlu — użu tal-ilma tal-bjar

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kif Heritage Malta qiegħda tagħmel użu tal-ilma tal-bjar ġewwa l-Forti Sant'Iermu, u l-Forti Sant'Anġlu? Jista' jgħidilna wkoll jekk Heritage Malta għandhiex policy dwar l-użu ta' din ir-riżorsa (fejn applikabli) u jekk hemmx fondi allokati sabiex jista’ jsir investiment fuq l-użu tal-ilma tal-bjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħala parti mill-proġetti ko-finanzjati mill-UE għaż-żewġ siti msemmija, il-ġibjuni u l-bjar qed jiġu investigati u msewwija sabiex l-ilma tagħhom jintuża għat-tisqija, għall-ifflaxxjar tat-toilets u anki għat-tifi tan-nar skont il-bżonn.

Fortizza ta’ Delimara

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Fortizza ta' Delimara taqa taħt ir-responsabilità ta' Heritage Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħidilna xi pjani Heritage Malta għandha għal dan is-sit ta' importanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Fortizza ta’ Delimara tagħmel parti mir-responsabbiltajiet ta’ Heritage Malta. Irrid nghid li dan is-sit, minkejja li l-Heritage Malta qed tagħmel dak kollu li hu possibbli fejn tidħol iż-żamma tiegħu, żgur ma jinsabx f’sitwazzjoni ideali. Għandha ssir diskussjoni serja u oġġettiva biex wieħed jasal għal soluzzjonijiet li jagħmlu sens.

Heritage Malta – headoffice – lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Heritage Malta ħa tistalla lifts ġewwa l-Head office kif ukoll fil-laboratorji ġewwa Bighi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għalkemm dan huwa bżonn kullimkien, minħabba li jeħtieġ investiment konsiderevoli, tingħata projorità lil mużewijiet u siti fejn ma jkunx hemm ħaddiema biss iżda viżitaturi ukoll.

Heritage Malta – family friendly measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif Heritage Malta tħares lejn il-kunċett ta' family friendly measures b'referenza partikolari għat-teleworking?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-teleworking m’huwiex inkluż fil-Ftehim Kollettiv ta’ Heritage Malta. Madanakollu l-aġenzija tikkunsidra applikazzjonijiet skont il-Public Service Management Code skont l-esiġenzi tax-xogħol.