Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iddaħħlu membri ġodda fil-korp tal-pulizija mill-1998 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar 1998 u t-30 ta' Ġunju 2006 daħlu 461 membru ġdid fil-Korp tal-Pulizija u fil-preżent għaddej il-proċess ta' reklutaġġ ta' 100 kuntistabbli.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tiġi restawrata l-barrakka fejn jingħataw il-premjijiet tat-tiġrija fit-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, Malta? Jirriżultalu li dan il-bini qiegħed fi stat ħażin u ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu ta' kuljum mis-Saqqajja? Hemm ħsieb li jsir l-istess fuq il-funtana li qiegħda f'nofs it-Telgħa tas-Saqqajja li tagħti dehra kerha lil dan il-post li minnu jgħaddu eluf ta' Maltin u barranin kuljum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' restawr fuq il-Barrakka msemmija ser jiddaħħal fil-programmi ta' xogħlijiet għas-sena d-dieħla..
Rigward il-funtana, jien infurmat illi kienu saru studji preliminari, pero' x-xogħlijiet ta' restawr ma sarux minħabba prijoritajiet oħra. S'issa dawn ix-xogħlijiet m'humiex inklużi fil-programm tax-xoghol tat-Taqsima tar-Restawr.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew esportati tunnellati ta' patata f'April 2006?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-esportazzjoni ilha li ġiet liberalizzata mis-sens 2004 din l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni għaliex ix-xogħol fuq il-bypass ta' l-Imtarfa waqaf għal dawn l -aħħar ġimgħat u meta beħsiebu jitlesta? Ġaladarba jispiċċa x-xogħol, x'inhuma l-pjani ta' kif se tiddawwal din it-triq hekk sabiħa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ewwel fażi ta’ l-aħħar parti tal-bypass tlesta' bil-bini tal-ħajt. Il-Gvern Ċentrali fil-ġranet li ġejjin ser jippublika sejħa għall-offerti biex ikunu jistgħu jitkomplew jingħaddu s-servizzi kif kien sar fl-ewwel parti, tinbena triq u ssir il-bankina.
Il-bypass tkun tista’ tiġi mdawwla wara li jitlesta' x-xogħol imsemmi. Fil-fatt il-pajpijiet neċessarji ġew mgħoddija fis-central strip.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif qed javvanza x-xogħol fuq il-ġnien Howard fir-Rabat u jekk hemmx ħsieb li dan jitlesta qabel jispiċċa s-sajf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' tisbiħ fi Ġnien Howard qed isir mill-Ministeru għat-Turiżmu u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jikkonferma jew le jekk hemmx fondi mill-Unjoni Ewropea li bihom il-ġibjuni ta' l-ilma taż-Żebbiegħ, l/o Imġarr u Għajn Tuffieħa jiġu bbatmati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma hemmx fondi mill-Unjoni Ewropeja biex isir ix-xogħol fuq il-ġibjuni msemmija mill-Onor Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu t-tħejjijiet għall-bini ta' tliet impjanti ġodda għat-tisfija tad-drenaġġ? Meta mistenni jibda x-xogħol fuq kull wieħed minn dawn l-impjanti? Kemm se jkun jista' jipproduċi ilma kull impjant? Kemm mistennija tkun in-nefqa fuq kull impjant u jekk il-flus hux se joħroġhom kollha l-gvern Malti? Meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq kull impjant?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-impjant t'Għawdex inbeda fi Frar ta' din is-sena u għandu jitlesta għal nofs is-sena 2007. In-nefqa kapitali fuq l-impjant tammonta għall-madwar 3.2 miljun Lira Maltin. Wieħed u ħamsin fil-mija ta' l-ammont huwa kopert minn fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. L-impjant ser jipproduċi madwar 6,000 metru kubu ta' ilma kuljum.
Ix-xogħol fuq l-impjant fit-Tramuntana ta' Malta inbeda f'Mejju ta' din is-sena u mistenni jitlesta għal nofs is-sena 2007. In-nefqa kapitali mistennija tilħaq l-4 miljun Lira Maltin. Il-proġett huwa ffinanzjat mill-ħames Protokol Taljan. Dan l-impjant ser jipproduċi madwar 7,000 metru kubu ta' ilma kuljum.
L-Impjant fin-Nofsinhar ta' Malta qiegħed fl-istadju ta' disinn preliminari. L-iffinanzjar ta' l-impjant għadu qed jiġi deċiż. Dan l-impjant ser jipproduċi madwar 50,000 metru kubu ta' ilma kuljum.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' proprjeta' mibjugħa kull sena bejn l-2000 u l-2005, kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? X'kien l-ammont mibjugħ lill-barranin kull sena fl-istess perijodu kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ proprjeta’ immobbli mibjugħa kull sena bejn 2000 – 2006 kif ukoll l-ewwel tlett xhur ta’ l-2006 huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16294, jista; il-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħlijiet li kienu bdew fuq iċ-ċimiterju hekk kif indikat minnu reġgħu waqfu u jekk hemmx ħjiel jekk jistgħux jitkomplew mill-aktar fis, peress li qed joħolqu inkonvenjent kbir għall-pubbliku ta' l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita' qabbad nies kompetenti fl-Arkeoloġija biex jagħmlu xogħlijiet ta' dokumentazzjoni fis-sit taċ-Ċimiterju ta' Santa Margerita, ir-Rabat.
Skond l-informazzjoni mogħtija dawn ix-xogħlijiet arkeoloġiċi għandhom jibdew fi żmien qarib.
Waqt dawn ix-xogħlijiet is-Sovrintendenza se tagħmel moniteraġġ u sorveljanza kif jitlob il-permess maħruġ mill-Awtorita' dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn l-għoti ta' tarmac fi Triq Żebbuġ, l/o Rabat, Malta waqaf fin-nofs u ma tkomplix?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fit-triq imsemmija huwa nkluż fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Ix-xogħol imsemmi jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw fil-programm ta' toroq ta' l-ADT.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19088 u jgħid jekk hemmx ħsieb li ssir sistema tad-drenaġġ f'Ta' Mrejnu, l/o Imġarr, Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhux ippjanat li jsir d-drenaġġ f'Ta Mrejnu limiti ta l-Imġarr għalissa minħabba prijoritajiet finanzjarji oħra li għandha l-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu stallati l-pelican lights fir-ring road fil-Mosta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li tlesta x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq id-ducts tal-pelican lights msemmija mill-Onorevoli Interpellant u b’hekk dawn il-pelican lights ser ikunu jistgħu jiġu nstallati fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett, anke forsi wieħed bl-għajnuna ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, sabiex il-wires tat-33 tal-high tension li jaqsmu l-Imġarr lejn Bingemma jitpoġġew taħt l-art biex ma jibqgħux ikerrħu l-ambjent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta għandha pjanijiet biex jinbidlu l-linji tat-33kV b'cables li jitpoġġew taħt l-art u bħalissa qegħdin jiġu nvestigati possibilitajiet ta' xi rotot.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaqqa dak il-bini fi Triq Ħtajriet, f'salib it-toroq ma' Triq il-Kbira fil-Mosta, biex ikun jista' jitwettaq dak li kien imwiegħed snin ilu, jiġifieri li titranġa Triq Ħtajriet?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ser tkompli bix- xogħol f’din it-triq hekk kif il-MEPA tiddeċiedi żewġ talbiet li għandha quddiema:-
Dik tat-twaqqieħ tal-bini msemmi mill-Onorevoli Interpellant PA 1266/05 li saret mill-ADT u dik għall-bdil fil-linja ta’din it-triq PC 18/04 sottomessa mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar tal-MEPA.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-partijiet ta' Mrejnu u Ta' Palma, l/o Imġarr, Malta se jerġa' ikollhom l-ilma, peress li dan ilu nieqes għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18690.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm statistika taż-żjarat li qed isiru fl-isptar il-ġdid Mater Dei u jekk hux qed jinżamm xi reġistru bil-feedback li jingħata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed toffri program ta’ żjajjar pubbliċi fis-sit ta’ Sptar Mater Dei biex il-pubbliku jkun jista jara b’għajnejh il-progress u l-iżvilupp mgħaġġel fuq dan il-proġett.
Matul Frar 2006 kienu ntbagħtu stediniet lil diversi għaqdiet u istituzzjonijiet inkluż Kunsilli Lokali, Skejjel, Ċentri ta’ l-Anzjani, Każini Soċjali, Għaqdiet Politiċi u Għaqdiet Parrokjali sabiex jorganizzaw zjarat fl-Isptar Mater Dei.
Mis-7 ta’ Marzu 2006 sal-5 ta’ Mejju 2006 ġew organizzati 19-il żjara bit-total ta’ persuni li żar il-proġett jitla għal 1489 persuna.
Il-feedback mill-persuni li żaru l-proġett ta’ Sptar Mater Dei huwa pożittiv immens b’diversi viżitaturi jikkumentaw li dan huwa ‘sptar li għandha biex inkunu kburin bih’.
Sadanittant saru ukoll 12-il żjara oħra minn gruppi komposti mill-istaff ta’ l-isptar San Luqa. It-total ta’ persuni li sa issa żaru l-isptar fuq din it-tieni fażi ta’ Programm ta’ Informazzjoni għall-istaff ta’ San Luqa jammonta għal 210 persuni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-sussidju li jirċievu l-bdiewa mill-Unjoni Ewropea hux meqjus bħala dħul taxxabbli? Tagħmel differenza jekk il-bidwi jkun full-time jew part-time f'dan l-aspett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviz Legali Numru 52 ta’ l-2006 li fiħ lista tas-sussidji agrikoli li huma eżenti mit-taxxa fuq l-income.
L-ezenzjoni tapplika kemm għall-bdiewa full-time kif ukoll għal dawk part-time.