Jista' il-Ministru jgħid għalfejn it-triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ fl-Imġarr qiegħda tkun ta' kuljum bla dawl f'dawn l-aħħar ġranet? Peress li din hija triq daqshekk importanti u arterjali, jista' il-Ministru jiżgura li din it-triq tiddawwal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-dawl fi triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ jaqa' taħt ir-responsabbilita' ta' l-ADT u mhux tal-Korporazzjoni Enemalta. Xorta waħda l-Enemalta ħadet ħsieb li tinforma l-ADT b'dan l-ilment.
Jista' il-Ministru jiċċekkja jekk il-qlib tat-triq fi Triq Żebbuġ, Ħ'Attard speċjalment fil-parti eżatt qabel il-benniena, tistax tiġi rranġata għax l-ilma tax-xita qiegħed dejjem ixaqleb fuq il-bini tan-nies b'kawża li jgħarraq l-entraturi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħol fuq il-bypass ta' l-Imtarfa reġa' waqaf u dan b'inkonvenjenza kbira għat-traffic flow lejn il-parti tar-Rabat, Malta magħrufa bħala Għajn Qajjed u l-Imtaħleb u l-Baħrija? Jista' il-Ministru jgħid xi pjan hawn biex din it-triq titkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ħarġet tender għax-xogħlijiet meħtieġa f’din il-bypass. Dan it-tender CT 272/2006 inħareġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti u għadu kemm ġie aġġudikat. Ix-xogħol għat-tlestija ta’ din it-triq ser jinbeda fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi mod kif it-triq prinċipali madwar ir-Rabat, Malta jiġifieri Triq Għeriexem li tkompli fi Triq Ta' Tabija, tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac u dan għaliex hemm partijiet ġo fiha li huma ta' periklu, eżempju ta' dan hija l-bankina fejn l-Għajn tal-Ħasselin?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant ma jinvolviex biss xogħol ta’ resurfacing iżda huwa proġett sħih li jinkludi l-bini ta’ retaining wall ġdid u installazzjoni ta’ servizzi ġodda tul din it-triq bħal ma sar fit-triq tal-Bypass ta' l-Imtarfa.
Xorta waħda l-ADT kienet għamlet xogħol ta’
patching
f’din it-triq bħala soluzzjoni temporanja.
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-parti magħrufa bħala is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta qiegħda tiġi rranġata b'inkonvenjenza għan-nies tal-lokal, speċjalment bil-gandott li ġie mħaffer xahrejn ilu u għadu mikxuf? Xi studju sar qabel ġie magħżul il-materjal biex jintuża għal proġett ta' tisbiħ tas-Saqqajja?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li xogħlijiet imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant qed isiru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-ADT ma ġietx infurmata bil-materjal li ser jintuża għal dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid kif tinħadem is-seniority ta' l-instructors fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni u jekk hemmx xi ftehim dwar dan iffirmat ma' l-unions li tirrappreżenta lill-instructors?
Jekk hemm xi ftehim iffirmat dwar dan, huwa possibbli li titpoġġa kopja ta' dan fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-seniority hi determinata mid-data tal-ħatra fil-grad partikolari li fih l-uffiċjali jkunu qegħdin iservu. F'każ fejn uffiċjali ġew maħtura fl-istess ġurnata, jittieħed in-konsiderazzjoni s-servizz preċedenti li wieħed kellu mal-Gvern. F'każ li anke hawn wieħed ma jkunx jista' jasal għall-konklużjoni, tittieħed in-konsiderazzjoni l-eta' ta' l-uffiċjali. Fil-każ ta' Instructors, id-data tal-ħatra, il-posizzjoni fl-order of merit finali u l-marki li wieħed ikun ġab fis-suġġett tiegħu jiddeterminaw is-seniority.
Informat ukoll li f'sejħa għall-applikazzjoni li fiha jiġu maħtura instructors taħt diversi suġġetti, dawk l-instructors li ġew l-ewwel fl-order of merit fis-suġġetti varji, jitpoġġew wara xulxin skond il-marki li jkunu ġabu fis-suġġett partikolari tagħhom. Wara jintgħażlu dawk li ġew it-tieni fl-order of merit, u jitpoġġew wara xulxin skond il-marki li jukunu ġabu.
L-eżerċizzju jirrepeti ruħu fuq dawk li ġew it-tielet imbagħad ir-raba' u tkompli sejra hekk.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq il-Ħamri, li tagħti bejn l-Imtaħleb u Ħad-Dingli, tistax tingħata tarmac għax qiegħda fi stat ħażin ħafna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant mhijiex triq arterjali u l-anqas distributorja, u b’hekk il-manutenzzjoni ta’ din it-triq mhijiex responsabilta tal-Gvern Ċentrali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-residenti ta' Triq Sir Temi Zammit, fil-parti li tmiss mat-triq li tagħti miż-Żebbiegħ għal Għajn Tuffieħa, fl-Imġarr Malta hux se jkollhom sistema ta' drenaġġ, liema sistema ilha mistennija ħafna? Jista' jagħti l-kas li sistema bħal din tikkwalifika għal xi fondi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol biex ir-residenti ta' Triq Sir Temi Żammit ikollhom is-sistema ta' drenaġġ nbeda u mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena.
Ma saret ebda talba biex dan ix-xogħol ikun issussidjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-bankina fi Triq iż-Żebbiegħ, fl-Imġarr Malta tiġi rranġata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser isiru l-ispezzjonijiet fuq il-bankina imsemmija fil-mistoqsija tiegħu biex tkun tista' ssir stima għax-xogħolijjiet meħtieġa.
Wara li ssir stima, jkun evalwat jekk dawn jekk dawn ix-xogħolijiet jistgħux jidħlu fil-prijoritajiet immedjati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19736, jista' il-Ministru jgħid kif qed javvanza x-xogħol fuq il-ġnien Howard fir-Rabat u jekk hemmx ħsieb li dan jitlesta qabel jispiċċa s-sajf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fi Ġnien Howard qed javanza sew u x-xogħol maġġuri mistenni li jkun lest għall-aħħar ta' Lulju 2006.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett biex tiġi rranġata t-triq tat-Telgħa tad-Dwejra, l/o Rabat li tinsab bejn it-triq il-ġdida bejn il-Mosta u l-Imġarr u r-Rabat, Malta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Inerpellant li t-triq li qed jirreferi għaliha mhux triq arteljali jew distributorja u għalhekk il-manutenzjoni tagħha mhux responsabilta tal-Gvern Ċentrali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-wied li qiegħed fi Triq Robert Mifsud Bonnici bejn Ħal Balzan u Ħal-Lija jiġi mnaddaf, peress li hemm min qed jużah bħala miżbla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi d-Dipartiment ikkonċernat ser jinvestiga dan il-każ u jieħu l-passi neċessarji.
Tista' il-Ministru tgħid liema huma l-NGOs, il-partiti politiċi, gruppi soċjali u reliġjużi, trade unions, gruppi ta' professjonisti u gruppi oħra li għamlu sottomissjonijiet bil-miktub fil-proċess ta' konsultazzjoni fir-riforma tal-pensjonijiet li l-gvern niehda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rapport sar mill-pubbliku fuq storbju żejjed u tlajjar li qed isir fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Mosta fil-ħinijiet ta' filgħaxija? Kemm-il darba saret ronda mill-pulizija tal-Mosta biex jiġu investigati dawn l-allegazzjonijiet u qattx kien hemm il-bżonn li jittieħdu passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm ma jirriżultax li matul din is-sena saru xi rapporti uffiċjali fl-Għassa tal-Mosta dwar storbju żejjed u tlajjar fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Mosta, il-pulizija regolarment tagħmel ronda fl-inħawi. Kull meta kien osservat li hemm xi persuni miġmugħa fuq iz-zuntier tard bil-lejl, dawn ġew ordnati sabiex jitilqu u ma kienx hemm lok li l-Pulizija tieħu passi ulterjuri. Minkejja dan il-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza f'dan il-post.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19935, jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru ġiex mitlub mill-kunsill lokali tar-Rabat biex isiru xi xogħlijiet fuq dan il-ġnien?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-passat il-kunsill talab il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex jigi rrifondut il-flus li ħareg biex sar dan il-ġnien li jammonta għall-madwar LM77,000. Il-Ministeru, permezz tat-Taqsima tax-xogħlijiet, tenna li qatt ma kellu x’jaqsam mal-bini u t-tisbiħ ta’ dan il-ġnien. Fl-istess ittra il-Ministeru offra lill Kunsill li lest li jgħin fit-tiswijiet fuq bażi ta’ Joint Venture. Min dak in-nhar l’hawn, il-Ministeru qatt ma sema’ xejn mill-Kunsill Lokali tar-Rabat fuq dan il-kaz.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat miksub mill-istallazzjoni ta' polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Meta kien stallat dan l-impjant, fejn u fiex jikkonsisti u kemm sewa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li jsiru impjanti simili f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għal PQ 9273 u PQ 16196.
Ninsab infurmat li minn meta ingħataw dawk it-tweġibiet saret l-installazzjoni tat-tieni train li jipproduċi 1,600 mt. kub. ilma kuljum. Dan it-train mistenni jibda jitħaddem sa' l-aħħar ta' Ġunju.
S'issa m'hemmx ħsieb li jsiru impjanti simili f'Malta billi f'Malta l-ilma estratt minn taħt l-art jitħallat ma dak prodott mill-impjanti tar-Reverse Osmosis. Il-kwalita' ta' l-ilma mill-RO ser titjieb permezz ta' l-upgrading ta' dawn l-impjanti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm infdew ċnus tal-Joint Office mis-sena 1998 sal-lum, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ ċnus amministrati mill-Uffiċċju Konġunt li nfdew mis-sena 1998 sal-lum huwa kif jidher hawn taħt:
SenaNumru
199838
1999119
2000159
2001269
2002118
2003198
2004252
2005388
2006325
(sa 30.06.2006)
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdet droga mill-1998 sal-lum, sena b'sena u kemm tressqu nies il-qorti b'konnessjoni ma' dawn il-qabdiet? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' pulizija li jifformaw l-iskwadra kontra d-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' droga maqbuda mill-Pulizija mill-1998 l'hawn huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li numru ta' persuni li ġew imressqa l-Qorti fuq akkużi relatati ma' droga matul l-istess perijodu huwa kif ġej:
1998
1999
2000
2001
2002
2003
2004
2005
2006
331
316
378
341
387
224
569
426
202
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, għal raġunijiet ovvji, ma nħossx li huwa prudenti li tingħata l-informazzjoni dwar l-operat tal-Pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalita'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-għajnuna li l-Caritas tirċievi mill-ministeru ta' l-intern għall-programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga u/jew xi għajnuna oħra li tirċievi mill-istess ministeru? Jista' jgħid kemm kienet, sena b'sena, għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-għajnuna li l-Caritas irċeviet għall-programmi ta' riabilitazzjoni mid-droga matul is-snin bejn l-2001 u l-2005 hi kif tidher hawn taħt:-
2001 Lm47,140
2002 Lm49,634
2003 Lm61,074
2004 Lm51,675
2005 Lm50,090