Legislature:
Category:
Reset
Active:

Esproprijazzjoni ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallas il-Gvern għal proprjeta' esproprijata kull sena mill-2000 'l hawn u kemm hu kalkulat li għad irid iħallas?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23195. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-book value tal-proprjeta' li għad trid titħallas jammonta għal Lm23,399,371.179. Dan l-ammont mhux l-ammont reali li għad irid jitħallas billi dan l-ammont irid jiżdied bl-imgħax dovut lis-sidien li jiddependi fuq il-valur tal-proprjeta', kif ukoll b'żieda li jista' jkun hemm fil-valur tal-proprjeta' f'każi fejn ikun hemm il-ħtieġa ta' valutazzjoni ġdida. Barra minn dan, jista' jkun hemm żieda fl-ammont li jkun irid jitħallas b'riżultat ta' Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet kemm il-darba, l-ammont offert jiġi kkontestat.

Pazjenti li ntbagħtu barra għall-kura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm pazjenti ġew imsiefra kull sena mill-2003 'l hawn u x'kienet in-nefqa? F'liema pajjiż intbagħtu u għal liema tip ta' kura? Jista' jgħid x'kienu l-etajiet ta' dawn il-pazjenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Ir-risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Sptar San Luqa — Trapjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trapjanti fl-isptar San Luqa fl-2005 u s-sena li għaddiet u fiex kienu jikkonsistu? Kemm hu kkalkulat li hi l-ispiża għal kull waħda minn dawn it-trapjanti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Ir-risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

Pulizija — Breathalyser test

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru matul is-sena li għaddiet testijiet tan-nifs fuq sewwieqa mill-pulizija u kemm-il persuna ttellgħet il-Qorti akkużata li kellha xorb aktar mil-limitu? Kemm min dawk ittestjati sarilhom it-test wara li kienu nvoluti f'xi inċident? X'inhi eżattament l-proċedura li l-pulizija ssegwi meta twaqqaf sewwieq u teħodlu t-test tan-nifs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2006, kien hemm 133 sewwieq/a, 127 minnhom involuti f'inċidenti tat-traffiku, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 88 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi. Il-proċedura segwita mill-membri tal-Korp tal-Pulizija fit-tehid ta' kampjun tan-nifs hija dik stabbilita fl-artikoli 15A sa 15F tar-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65). Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li ċ-ċifri fuq indikati huma ta' testijiet li kienu posittivi. Fil-fatt kien hemm ħafna testijiet oħra li rriżultaw negattivi, u m'humiex inklużi fl-istatistika.

Skejjel — Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kien introdott is-servizz ta' facilitators fl-iskejjel ta' l-Istat u f'dawk privati u tal-knisja separatament? Min qed iħallas għall-ispiża ta' dan is-servizz? Kemm kienet l-ispiża totali kull sena għal dawn il-facilitators mindu beda jingħata dan is-servizz sa l-aħħar tas-sena 2006? Kemm hu n-numru ta' facilitators fl-iskejjel ta' l-Istat u f'dawk privati u tal-knisja separatament u kemm hemm tfal li għandhom facilitator magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-servizz ta' facilitator fl-iskejjel ta' l-Istat ġie introdott uffiċjalment fl-1995. Bħalissa hemm 1076 Learning Support Assistants impjegati mad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni u li jitħallsu mid-Divizjoni. Dawk il-facilitators li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja jitħallsu wkoll mill-Istat. Il-facilitators li jgħallmu fl-iskejjel Indipendenti jitħallsu mill-ġenituri. Dawn huma mqassma hekk. Learning Support Assistants Jannar 2007 Facilitators 293 K.A. (Sp. Educ) 59 K.A. 37 P.T. (Sp. Educ) 3 S.K.A. (Sp. Educ) 684 TOTAL 1076 Informat ukoll li hemm 1475 student fl-iskejjel ta' l-Istat li għandhom l-għajnuna ta' Learning Support Assistant. Rigward in-numru ta' facilitators fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti, tweġiba ingħatat diġa f'Mistoqsija Parlamentari numru 22821.

Qrati — Traffikar ta' droga

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu l-qorti kull sena bejn l-2000 u din is-sena akkużati bi traffikar ta' droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000 u 2006, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 757 persuna fuq akkużi relatati ma' traffikar ta' droga, kif jidher hawn taħt: 2000127 2001110 2002107 200361 2004143 200593 2006116

Fishfarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fishfarms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kalkulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor, qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fishfarms?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 kien hemm dawn il-kumpaniji joperaw: - Fish and Fish Company Ltd li kellha tliet tipi ta' ħut, li kienu l-awrat, l-ispnott u t-tonn. - Malta Fish Farming Ltd kellha l-istess tipi ta' ħut kif ukoll l-aċċol fuq bażi ta' riċerka flimkien mal-Fergħa tas-Sajd u ta' l-Akwakultura. - P2M Company Ltd għandha wkoll tliet tipi - l-awrat, l-ispnott u l-gurbell ( meagre ). - AJD Ltd għandha t-tonn waqt li l- AJD 2 m'għandha xejn. - Mare Blu kellha t-tonn waqt li Ta' Mattew ma kellu xejn. Il-produzzjoni kull sena hija kif tidher fir-rapporti annwali tal-Fergħa tas-Sajd u ta’ l-Akwakultura. Fis-sena 2005 kien stmat li kien hemm produzzjoni ta' 772 tunnellata ta' awrat u ta' spnott. Il-produzzjoni ta' l-awrat kienet ta' 567 tunnellata li minnhom ġew esportati 529 tunnellata, waqt li dik ta’ l-ispnott kienet ta' 205 tunnellata li minnhom 174 tunnellata ġew esportati. Il-produzzjoni totali għall-esportazzjoni u għall-bejgħ lokali kienet stmata li tlaħħaq il-Lm1.9 miljun. Il-produzzjoni tal-griebel għadha limitata ħafna waqt li l-produzzjoni tat-tonn fl-2006 kienet ta' 5,421,669 kili, li huma stmati li jiswew 54,216,690 ewro jew Lm23.28 miljuni. Ħafna minn dawn il- farms joħolqu impjieg u kummerċ sostanzjali. L-ammont eżatt li huma jħallu fl-ekonomija Maltija mhux magħruf b’mod preċiż.

EU — Għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ammontat l-għajnuna li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u produtturi tal-majjali u lis-sajjieda kull sena mill-2004 sal-lum? Għal liema skop ngħatat din l-għajnuna u kemm minnha ġiet mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Esproprijazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ammont ħallas il-gvern għal esproprjazzjoni ta' art kull sena mill-2000 'l hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont li ħallas il-Gvern għal esproprijazzjoni ta' art għas-sena 2006 kien ta' Lm2,746,773.00. Dwar il-ħlas għas-snin mill-2000 sa l-2005, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19205.

Qrati — Polza ta' assigurazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm, matul din is-sena, persuni nqabdu jsuqu vettura mingħajr polza ta' assigurazzjoni? Kemm persuni tressqu l-Qorti akkużati b'sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? Kemm persuni nstabu ħatja ta' sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? X'pieni weħlu, anke b'mod globali f'multi, u/jew ħabs, dawk misjuba ħatja ta' sewqan bla polza ta' assigurazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-istatistika disponibbli s'issa, hija dik għas-sena l-oħra, fejn kien hemm 167 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija talli nqabdu jsuqu vettura mingħajr ma kienu koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra, kien hemm ukoll 143 persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti u nstabu ħatja li ma kienux koperti b'polza ta' assigurazzjoni waqt li kienu qed jagħmlu użu minn xi vettura. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat li ma tinżammx statistika bil-mod kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, pero' l-pieni mogħtija kienu jinkludu, multa, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u sentenza ta' ħabs sospiża.

Għawdex — Water polishing plant

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-riżultat miksub mill-istallazzjoni tal-polishing plant għall-ilma f'Għawdex? Meta kien istallat dan l-impjant, fejn u fiex jikkonsisti u kemm sewa? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jsiru mpjanti simili f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal-PQ 18608. Bl-istallazzjoni ta' din il-polishing plant l-ilma provdut lill-konsumatur f'Għawdex fih livell baxx ta' chlorides u nitrates.

Infermiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' infermiera impjegati mal-gvern fl-1987 u kemm hu fil-preżent? Jista' jgħid ukoll x'kien l-ammont globali ta' pagi/salarji, kif ukoll ta' sahra, imħallsa lill-infermiera fl-1987 u fl-2006 rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bini/manutenzjoni ta' skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-1999 'il hawn kienu investiti flus mill-gvern: a) f'bini ta' skejjel ġodda; u b) f'manutenzjoni ta' skejjel eżistenti? Jista' jgħid ukoll xi proġetti maġġuri saru ta' manutenzjoni u ta' bini ta' skejjel u kemm swew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investiment kapitali f'immodernizzar, manutenzjoni ta' skejjel ġodda u bini li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada nefqet fuq skejjel mill-perjodi 2001 sa Settembru 2006 kienet tlaħħaq Lm 19,628,898. Minn dan l-ammont Lm 3,506,791 ntefqu fuq skejjel ġodda. Lista ta' xogħolijiet riċenti tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal Mistoqsija Numru 20601.

Appartamenti tal-gvern — Istallazzjoni ta' lifts

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il lift ġew istallati s'issa b'kollox fi blokki ta' appartamenti tal-gvern/awtorita' tad-djar, f'liema lokalitajiet u kemm kienet l-ispiża globali s'issa? Tista' tgħid ukoll jekk humiex qegħdin ikunu stallati lifts oħra u fejn, u x'talbiet oħra hemm pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn Ġunju 1999, meta nfetħet l-iskema ta’ stallar ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar stallat 81 lift f’dawn il-blokki bi spiża ta’ Lm1,302,800. It-tagħrif dwar il-lokalitajiet ta’ dawn il-blokki hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li, xi ġimgħat ilu, ingħataw kuntratti għal stallar ta’ lifts f’żewg blokki oħra, wieħed ir-Rabat u l-ieħor f’Ħal-Lija, u nħarġu sejħiet għall-offerti għal tliet lifts oħra fi blokki l-Isla, il-Birgu u Tarxien. In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li qiegħdin fi stadji differenti ta’ ipproċessar huma 12.

Tkabbir tad-dwieli għall-inbid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tad-dwieli għall-inbid kull sena mis-sena 2000 'il hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru d-dwieli għall-inbid, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 14205. Nista’ nżid li fis-sena 2006 kien hawn reġistrati 910 ettari jew madwar 8,100 tomna u madwar 3000 bidwi rreġistrati. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm826,150.40. Minnha Lm 113,667.20 ġew mill-Unjoni Ewropea.

Tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ kull sena mis-sena 2000 'il hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li jkabbru s-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk tinżammx statistika ta' kemm siġar taż-żebbuġ hawn għall-produzzjoni taż-żejt u dawk għall-produzzjoni taż-żebbuġ għall-konsum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ċensiment li sar fl-2006 ġew reġistrati l-bdiewa li jkabbru is-siġar taż-żebbuġ. Mid-dikjarazzjonijiet joħroġ li matul is-snin żdiedu dawn l-ammonti ta’ sigar: 2005 2,560 2004 15,275 2003 5,992 2002 3,274 Dwar għajnuna għat-tkabbir tad-dwieli, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23067. It-total ta’ siġar taż-żebbuġ huwa ta’ 43,484 bi 856 bidwi reġistrat. Ir-reġistrazzjoni għas-sena 2006 għadha mhux magħluqa peress li s-siġar taż-żebbug jitħawlu bejn Novembru u April. Mis-sena 2006 bdiet sistema ta’ dikjarazzjoni tal-produzzjoni ta’ żebbuġ għall-mejda u żebbuġ għall-għasir.

Mġarr — Dawl tat-triq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22356 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn it-triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ fl-Imġarr qiegħda tkun ta' kuljum bla dawl f'dawn l-aħħar ġranet? Peress li din hija triq daqshekk importanti u arterjali, jista' il-Ministru jiżgura li din it-triq tiddawwal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Is-sistema ta' street lightning fi triq li mill-Mosta tagħti għaż-Żebbiegħ ġiet installata mill-kuntrattur li bena l-istess triq. Parti mill-kuntratt illi l-ADT għandha ma’ dan il-kuntrattur jispeċifika li dan tal-aħħar għandu garanzija ta’ ħames snin, f’liema ħames snin huwa obbligat illi jsewwi ħsarat illi jistgħu jinqalgħu. Bħalissa, il-kuntrattur qed jagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa biex din il-ħsara tissewwa. Minħabba l-fatt illi din il-ħsara ma nqalatx għall-ewwel darba minn meta nfetħet it-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant, l-ADT mhux qed teskludi tieħu l-passi dixxiplinari neċessarji jekk il-problema in kwistjoni tibqa' tinsisti.

Każi ta' HIV

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn każi ta' HIV f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena imqassma skond nisa, żgħażagħ inqas minn 18-il sena u nies li jabbużaw mid-droga, nisa u rġiel?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba dwar in-numru ta' każijiet ta' HIV f'dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena sa l-aħħar ta' Novembru skond (a) nisa, (b) żgħażagħ inqas minn 18 -il sena u (c) nies li jabbużaw mid-droga, nisa u rġiel huma kif ġej: Table 1 HIV cases by gender Year Total Male Female 2004 15 11 4 2005 16 9 7 2006 22 14 8 Table 2 HIV cases under 18 years Year Total Male Female 2004 - - - 2005 2 - 2 2006 1 - 1 Table 3 HIV cases in IVDU's Year Total Male Female 2004 1 1 - 2005 1 1 - 2006 2 2 - Peress li l-HIV ġiet notifikabbli minn Jannar 2004, l-Informazzjoni għas-snin ta' qabel mhux disponibbli.

Ħ'Attard — Triq Żebbuġ

Question

Jista' il-Ministru jiċċekkja jekk il-qlib tat-triq fi Triq Żebbuġ, Ħ'Attard speċjalment fil-parti eżatt qabel il-benniena, tistax tiġi rranġata għax l-ilma tax-xita qiegħed dejjem ixaqleb fuq il-bini tan-nies b'kawża li jgħarraq l-entraturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li xogħlijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onoreovli Interpellant hija nkluża fir-'Rideability Programme' li qiegħda thejji l-ADT. Dan ix-xogħol se jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Mġarr — Dawl tat-triq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22356 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn it-triq prinċipali li tagħti mill-Mosta għaż-Żebbiegħ fl-Imġarr qiegħda tkun ta' kuljum bla dawl f'dawn l-aħħar ġranet? Peress li din hija triq daqshekk importanti u arterjali, jista' il-Ministru jiżgura li din it-triq tiddawwal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.