Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Protezzjoni Civili — Apparat

Question

Kemm inxtara apparat għad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili mill-1998 sal-lum u fiex jikkonsisti? Kemm kienet l-ispiża sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġie uffiċjalment imwaqqaf fis-sena 2000. Sabiex jitwaqqaf dan id-Dipartiment, il-Gvern Taljan permezz tar-Raba' Protocol kien għamel donazzjoni ta' apparat tat-tifi tan-nar u apparat ieħor b'valur totali ta' Lm6,526,259. Mis-sena 2000 sal-lum id-Dipartiment baqa' jattrezza ruħu b'apparat kemm mixtri kif ukoll apparat li ingħata bħala donazzjoni minn Gvernijiet u Istituzzjonijiet kemm lokali kif ukoll barranin. Billi l-lista ta' dan l-apparat hija estensiva, tingħata iktar informazzjoni għal din id-domanda f'xi seduta oħra.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u kemm hemm vakanzi fid-diversi gradi li jeżistu fid-dipartiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' impjegati fl-Aġenzija ta' l-Avukat Ġenerali huwa ta' tmienja u erbgħin. Huwa maħsub li l-għadd idejali fil-futur bejn uffiċjali legali u support staff jiżdied.

Facilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u kemm minnhom huma barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-7 ta' Frar 2007, in-numru ta' residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' tlett mija u sitta u sebgħin (376), li minnhom mija u għaxra (110) huma ta' nazzjonalita' barranija.

Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati assenjati ma' kull kummissjoni li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlett impjegati assenjati mal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li hija l-unika kummissjoni li tagħmel parti mid-dekasteru tiegħi.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Impjieg f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta llum u kemm kien hawn fil-bidu ta' l-2004? Kif inhuma mqassmin dawn il-persuni, jiġifieri kemm minnhom huma minn pajjiżi fl-UE u kemm minn barra l-UE kemm fir-rigward ta' l-2004 u llum? Liema huma l-aktar erba' pajjiżi li minnhom ġejjin dawk li għandhom permess jaħdmu Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' barranin li għandhom permess jaħdmu f'Malta sas- 27 ta’ Jannar 2007 hu ta' 6682. Dawn huma mqassmin hekk ; 2759 ħaddiem minn pajjiżi ta' l-UE (27 pajjiż) 3923 ħaddiem minn pajjizi barra minn l-UE. Informat ukoll li l-aktar erba' pajjiżi li minnhom ġejjin dawk li għandhom permess jaħdmu Malta huma; Renju Unit 431 Serbja Montenegro 353 Ċina 236 u Bulgarija 169. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ m’għandiex ċifri dwar is-sitwazzjoni fil-bidu ta' l-2004 minħabba li din il-funzjoni ma kienetx taħt il-kompitu ta' l-KXT imma tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates fi ħdan il–Ministeru tal-Ġustizzja u l-Affarjijiet Interni.

Stabbilimenti ta' l-ikel — Ħruġ ta' imwejjed barra

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'policy u/jew proċedura teżisti biex operatur jew sid ta' stabbiliment ta' l-ikel u x-xorb ikun jista' joħroġ imwejjed barra fuq bankina jew fi triq? Min hu responsabbli għall-ħruġ tal-permessi u lil min jitħallsu d-drittijiet? Hu minnu li qed issir distinzjoni bejn bankini li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dipartiment ta' l-art u dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-awtorita' dwar it-trasport?

Response (BORG, TONIO)

Il-proċedura sabiex jingħata permess sabiex jitpoġġew imwejjed u siġġijiet fuq bankina jew fi triq hija li wieħed jissottometti applikazzjoni għand l-Awtorita' tat-Turiżmu fuq formola apposta li kienet ġiet ippreparata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Din il-formola tista' tinġieb mingħand l-istess Awtorita' jew inkella minn fuq il- website tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern f'http: www.gpd.gov.mt taħt is-sezzjoni ' services '. L-istess formola tagħti spjegazzjoni dwar liema dokumenti huma meħtieġa li jiġu sottomessi kif ukoll dwar il-proċedura meħtieġa. Dettalji oħra jinstabu wkoll fil- website tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Ta' min wieħed iżid li wara li l-Awtorita' tat-Turiżmu tagħmel il-kunsiderazzjonijiet meħtieġa mill-lat ta' regolatur tal-liċenzji ta' l-operaturi, din tirreferi l-każ lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern li tikkunsidra l-applikazzjoni mill-lat ta' sid il-proprjeta'. Dan għaliex ġeneralment il-bankina tkun proprjeta' tal-Gvern. Il-permess għall-okkupazzjoni ta' bankini li jkunu proprjeta' tal-Gvern jingħataw mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern u l-Awtorita' dwar it-Trasport m'għandha x'taqsam xejn ma' dawn il-permessi. Il-ħlas dovut isir lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern. Minn naħa l-oħra it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandha x'taqsam xejn ma' bankini li ma jkunux tal-Gvern.

Mosta — Triq E.B. Vella

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsiru xi culverts jew sistema għad-drenaġġ ta' l-ilma tax-xita ġo Triq E.B. Vella, l-Mosta, liema triq tkun mgħerrqa fuq kull darba li tagħmel ħalba xita ġmiela? L-iktar naħa li tegħreq fil-fatt hija n-naħa tal-bankina li tmiss mas-Sgħajtar.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #23612 Sitting 491 2007-02-06 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Maltin miżmuma f'ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin miżmuma f'ħabsijiet f'pajjiżi oħra, kemm ilhom u għal-liema raġuni? Jista' jgħid ukoll ma' kemm-il pajjiż jeżistu ftehim ta' ripatriazzjoni ta' priġunieri biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jiskontaw is-sentenza tagħhom f'pajjiżhom minflok fil-pajjiż fejn ikunu nstabu ħatja ta' reat? F'każ li jeżistu dawn il-ftehim, hemm Maltin li nstabu ħatja f'pajjiż ieħor u qegħdin jiskontaw is-sentenza tagħhom f'Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

B'riferenza tal-Mistoqsija Parlamentari numru 23612, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija numru 23126. Inżied ukoll li Malta għandha ftehim ta' ripatrijazzjoni ta' priġunieri ma' żewġ pajjiż li huma l-Eġittu u l-Libja.

Problema ta' għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess biex jibda jitwettaq il-proġett ħalli tonqos il-problema akuta ta' l-għargħar fl-inħawi ta' l-Iklin, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imsida? Fiex se jkun jikkonsisti dan il-proġett, kemm hu stmat li se jiswa u kif se jkun finanzjat? Jista' jgħid ukoll jekk it-tħejjija ta' dan il-proġett hijiex tieħu f'konsiderazzjoni x-xogħol li mistenni jsir din is-sena biex tinbena mill-ġdid il-parti tal-bypass ta' Birkirkara minn ħdejn ir-roundabout ta' Ħal-Lija sar-roundabout ta' ħdejn il-Vodafone? Jista'jgħid ukoll jekk xogħlijiet li saru f'dawn l-aħħar ftit snin f'Birkirkara biex tonqos din il-problema ħallewx ir-riżultati mixtieqa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi wara li sar feasibility study fuq il-kunċett li kien imħejji mill-Ministeru, qed ikunu studjati kuncetti ohra flimkien ma' dawk proposti minn esperti li qed jagħmlu Storm Water Masterplan għal Malta u Għawdex. Imbghad ser isir Cost Benefit Analysisu tintgħazel l-aħjar soluzzjoni. Wara dan irid isir Environment Impact Assessment u wara li jinħareġ il-permess tal-MEPA, l-proġett ikun jista' jittieħed għall-approvazzjoni finali mill-Kummissjoni Ewropeja biex jinħarġu l-offerti għax-xogħol ta' kostruzzjoni. Stimi li saru s'issa jindikaw li l-proġett ser ikun jiswa madwar 70 miljun euro, li l-parti l-kbira ser jittieħdu mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. Rigward il-kompozizzjoni tal-progett, wiehed irid jistenna l-evalwazzjoni u l-istudji li qed isiru biex b'hekk wara jkunu jistghu isiru d-disinji tal-progett attwali. Ix-xogħol tat-toroq li hemm maħsub li ser isir bejn ir-roundabout ta' Ħal-Lija u dik ta' ħdejn il-Vodafone qed ikun ikkunsidrat u ser ikun integrat fil-proġett. Ix-xogħlijiet li saru f'dawn l-aħħar snin f'Birkirkara biex tonqos il-problema ta' l-għargħar ma' kienux bizzejjed biex tissolva l-problema f'xita qawwijja u dan kien wiehed mill-fatturi ghaliex qed ikun imfassal dan il-proġett.

Impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żewġ impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li wieħed minnhom, dak fl-inħawi tal-Mellieħa, diġa' qed jitwettaq, u l-ieħor li se jsir fin-naħa t'isfal ta' Malta? X'mistenni jkun l-investiment f'dawn iż-żewġ impjanti u kemm minnu se jkun finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Barra minn dawn it-tnejn, jikkonfermax ukoll li se jsir xogħol infrastrutturali kbir biex tiġġedded il-pumping station tal-Marsa? Fiex jikkonsisti dan il-proġett, kemm se jiswa u jekk dan hux se jkun finanzjat mill-UE wkoll? Hemm xi upgrading ta' pumping stations oħra xi jrid isir b'konnessjoni maż-żewġ impjanti tat-tisfija msemmija qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Windfarms fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess marbut mat-twaqqif ta' windfarms fuq il-baħar f'Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onoreovoli Interpellant li l-proposti li ntbagħtu b’risposta għall-Expression of Interest ġew analizzati u l-Gvern qed jikkonsidra d-deċizjonijiet li jridu jittieħdu.

Helsien ta' taxxa doppja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' liema pajjiżi hemm trattati għall-ħelsien ta' taxxa doppja u kemm hemm li magħhom qed jiġu negozjati bħalissa? F'liema stadju jinsabu dawk li qed ikunu negozjati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ pajjiżi li magħhom daħal fis-seħħ trattat għall-ħelsien minn taxxa doppja hija din: Afrika ta’ Isfel, Albanija, Awstralja, Awstrija, Barbados, Belġju, Bulgarija, Ċina, Ċipru, Danimarka, Eġittu, Estonja, Finlandja, Franza, Ġermanja, Kanada, Kroazja, Indja, Italja, Iżlanda, Kuwait, Latvja, Lebanon, Libja, Litwanja, Lussemburgu, Malasja, Norveġja, Olanda, Pakistan, Polonja, Portugal, Repubblika Ċeka, Repubblika tal-Korea, Romania, San Marino, Sirja, Slovakja, Slovenja, Spanja, Svezja, Tuneżija, Renju Unit, Ungerija. Hemm trattati wkoll ma’ l-Iżvizzera u l-Istati Uniti iżda dawn huma limitati għall-ħelsien minn taxxa doppja rigward profitti miksuba minn tħaddim ta’ bastimenti u inġenji ta’ l-ajru fi traffiku internazzjonali. It-trattati ma’ l-Emirati Għarab Magħquda, il-Greċja, il-Marokk, ir-Russja u Singapore huma iffirmati u qed jistennew li jiġu ratifikati qabel jidħlu fis-seħħ waqt it-trattati mal-Ġordan, l-Irlanda, it-Tajlandja u l-Ukrraina kienu ġew konklużi f’livell tekniku imma għadhom ma ġewx iffirmati. Bħalissa għaddejin negozjati mat-Turkija u l-Iżvizzera rigward il-konklużjoni ta’ negozjati dwar trattat għall-ħelsien minn taxxa doppja kif ukoll infetħu taħdidiet ma’ l-Istati Uniti f’dan ir-rigward.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kawża ta' separazzjoni kienet introdotta fl-aħħar sena fil-Qorti f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid ukoll xi żviluppi kien hemm fil-Qorti tal-Familja matul l-2005 u l-2006 u x'riżultati nkisbu partikolarment b'riżultat tal-medjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'Malta fis-sena li għaddiet kien hemm 998 każijiet ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 329 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 120 li pproċedew f'kawża quddiem il-Prim'Awla. Għar-rigward ta' Għawdex, kien hemm 47 każ ta' separazzjoni li marru għall-medjazzjoni li minnhom 13 ġew b'abbozz ta' kuntratt li ġie approvat u 9 każijiet li proċedew f'kawża. Minn dawn il-figuri jidher li hemm tnaqqis kull sena tal-każijiet, kif ukoll li l-proċess tal-medjazzjoni qiegħed jitħaddem sewwa.

Tipjip f'postijiet pubbliċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar it-tipjip f'postijiet miftuħin għall-pubbliku u kemm, minn dakinhar 'il hawn, inqabdu nies ipejpu f'postijiet pubbliċi, kemm minnhom tressqu l-qorti, kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2006, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 1,020 persuna.

Riabilitazzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta bdiet tingħata l-għajnuna għar-riabilitazzjoni ta' ħitan tas-sejjieħ? Kemm kien hemm bdiewa, individwi jew għaqdiet li bbenefikaw minn din l-għajnuna? Kemm kienet tammonta din l-għajnuna kull sena? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.
Leg 10 PQ #23582 Sitting 490 2007-02-05 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Maltin jaħdmu f'istituzzjonijiet tal-UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu kkalkulat li hawn Maltin jaħdmu lllum f'kull waħda mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u kemm hu kkalkulat li kien hemm qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent, skond informazzjoni miġbura mir-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta lill-Unjoni Ewropea, in-numru ta' Maltin li qed jaħdmu f'istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea huwa kif ġej: Kummissjoni Ewropea 92 Parlament Ewropew 58 Kunsill Ewropew 43 Bank ta' l-Investiment Ewropew 01 Bank Ċentrali Ewropew 05 Qorti ta' l-Awdituri Ewropew 06 Qorti tal-Ġustizzja Ewropea 32 Kumitat tar-Reġjuni u Kumitat Ekonomiku u Soċjali 03 _____ 240 Rigward it-tieni parti, ma hux possibbli li tingħata l-informazzjoni peress li mhix disponibbli. Qabel ma dħalna membri persuni ta' ċittadinanza Maltija ma kienux eleġibbli.

Leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta daħlet fis-seħħ il-leġislazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u kemm, minn dakinhar 'il hawn, tressqu persuni l-qorti? Kemm-il każ ġie deċiż s'issa u x'kien l-ammont totali ta' multi? X'kien l-ammont ta' flus li dwaru ħarġu l-akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Id-dispożizzjonijiet kollha ta' l-Att ta' l-1994 dwar Money Laundering (Att Nru. XIX ta' l-1994) bdew iseħħu fit-23 ta' Settembru, 1994 (Avviż Legali Nru. 120 ta' l-1994). Infurmat illi sa l-aħħar tas-sena l-oħra kien hemm għoxrin persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija b'akkużi relatati ma' money laundering li tinvolvi s-somma ta' ftit aktar Lm2,400,000 liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

ADT — Managers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju mill-fatt li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-awtorita' dwar it-trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali? Jista' jara li dawn l-indifferenzi jiġu eliminati ħalli l-affarijiet ikunu jidhru li qed isiru b'aktar ġustizzja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li fil-karigi maniġerjali (managers) fl-Awtorita' dwar it-Trasport jeżistu differenzi fil-ħlasijiet li jsiru. Ma teżisti ebda differenza fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn l-uffiċjali. L-Awtorita' dwar it-Trasport sejra tniedi job evaluation exercise u fuq dak li jirriżulta minn dan l-eżerċizzju sejra tibda proċess sabiex kemm jista' jkun jiġu eliminati d-differenzi li jeżistu.

Helsien ta' taxxa doppja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' liema pajjiżi hemm trattati għall-ħelsien ta' taxxa doppja u kemm hemm li magħhom qed jiġu negozjati bħalissa? F'liema stadju jinsabu dawk li qed ikunu negozjati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — Impjant ta' Dekontaminazzjoni ta' Skart Kliniku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx l-evalwazzjoni finali għall-istallazzjoni ta' l-impjant ta' dekontaminazzjoni ta' skart kliniku għall-isptar Mater Dei? Jista' jgħid xi progress sar f'dan ir-rigward biex dan l-impjant jitlesta saż-żmien li fih għandu jiftaħ l-isptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.