Jista’ l-Ministru jghid kemm kienu impjegati għalliema ġodda fl-iskejjel ta’ l-Istat u f’dawk privati jew tal-Knisja mill-bidu tas-sena skolastika ‘l hawn? Jista’ jgħid kemm minn dawn kienu impjegati fil-livell primarju u kemm fil-livell sekondarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema ġodda li ġew impjegati kien hekk :-
Skola Skejjel Primarji Skejjel Sekondarji
Stat - 41 109
Knisja- 15 50(8 part-time)
Indipendenti - 3 4.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjani biex jitwaqqaf park tal-familja f’Wied il-Ghajn? Meta mistenni jibda x-xoghol fuq dan il-park, fiex se jkun jikkonsisti u kemm mistenni jiswa flus?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Project Description Statement (PDS) u l-outline application kienu ġew sottomessi lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Inħarġet it-tender u ingħata l-kuntratt biex isiru l-istudji ambjentali skond it-terms of reference provduti mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Bħalissa qegħdin isiru dawn l-istudji, kif ukoll studju speċifikat fuq il-Magħluq u ta’ madwaru, biex ikun jista’ jitkompla l-proċess tal-permessi biex ikun jista’ jiġi żviluppat dan il-proġett. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-proċeduri huma meħtieġa biex jiġi pprovdut finanzjar mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett. Il-valur mistenni huwa ta’ sitt (6) miljun Ewro li għandom jiġu maqsuma ugwalment f’żewġ fażijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà sar xogħol ta' tindif u programm ta' rodent control fl-inħawi tal-Magħluq.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-process marbut mat-twaqqif ta’ windfarms fuq il-baħar f’Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-analiżi tas-sottomissjonijiet li saru b’risposta għall-expression of interest li ħareġ il-Gvern, u t-tagħrif li qegħdin jiġbru l-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi fuq il-progress li qiegħed jinkiseb f’din l-industrija jindika li t-teknoloġija li tkun tista' tiġi addattata għal Malta f'ċertu fond qed tiġi żviluppata, u impjanti bħal dawn diġa nbnew u qeghdin jiġu evalwati u ttestjati.
Fuq il-parir ta' l-istess Awtorita' l-Gvern ser jistenna t-teknoloġija li tkun ippruvata sabiex il-proġett ikun aktar garantit. Bħalissa, fuq livell internazzjonali qegħdin isiru ukoll studji li għandhom il-għan li jitjiebu sistemi ta’ fabrikazzjoni ta’
wind farms
biex b’hekk jonqos il-prezz ta’ l-enerġija li jipproduċu.
Il-Gvern qiegħed isegwi dan kollu biex fil-ħin addattat jgħaddi għall-proġett konkret.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm, matul din is-sena, persuni nqabdu jsuqu vettura mingħajr polza ta' assigurazzjoni, kemm persuni tressqu l-Qorti akkużati b'sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni u kemm persuni nstabu ħatja ta' sewqan mingħajr polza ta' assigurazzjoni? X'pieni weħlu anke b'mod globali f'multa u, jew ħabs dawk misjuba ħatja ta' sewqan bla polza ta' assigurazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 125 persuna li tressqu l-Qorti mill-Pulizija talli nqabdu jsuqu vettura mingħajr ma kienu koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 62 persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti w instabu ħatja li ma kienux koperti b'polza ta' assigurazzjoni waqt li kienu qed jagħmlu użu minn xi vettura. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat li ma tinżammx statistika bil-mod kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, pero' l-pieni mogħtija kienu jinkludu multa, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan u sentenza ta' ħabs sospiża.
Jista’ il-Prim Ministru jghid ma’ liema pajjizi hemm trattati għall-ħelsien ta’ taxxa doppja u kemm hemm li magħhom qed jigu negozjati bħalissa.? F’liema stadju jinsabu dawk li qed ikunu negozjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej.
APPENDIX
Double Taxation Agreements
In Force Signed but not in force Awaiting Signature or further negotiation
Albania Greece Bosnia and Herzegovina
Australia Russia Ireland
Austria Singapore Jordan
Barbados United Arab Emirates Montenegro
Belgium Serbia
Bulgaria Switzerland
Canada Singapore
China Thailand
Croatia Turkey
Cyprus Ukraine
Czech Republic United Arab Emirates
Denmark
Egypt
Estonia
Finland
France
Germany
Hungary
Iceland
India
Italy
Republic of Korea
Kuwait
Republic of Latvia
Lebanon
Libya
Lithuania
Luxembourg
Malaysia
Morocco
Netherlands
Norway
Pakistan
Poland
Portugal
Romania
San Marino
Slovakia
Slovenia
South Africa
Spain
Sweden
Switzerland *
Syria Arab Republic
Tunisia
United Kingdom
United States of America *
* Agreement limited to profits derived from the operation of ships or aircraft in international traffic.
Jista’ l-Ministru jghid f’liema stadju wasal il-progett tal-bini mill-gdid tal-bypass li minn Haz-Zabbar twassal sa Wied il-Ghajn? Meta mistenni jibda x-xoghol u kemm mistennija tkun l-istima? Dan il-progett se jitħallas minn fondi nazzjonali jew minn fondi mill-Unjoni Ewropea?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-‘tender document’ għax-xogħol ta’ rikostruzzjoni tal-Bypass tlesta u bħalissa qed ikun ivverifikat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Il-pubblikazzjoni tat-‘tender’ mid-Dipartiment tal-Kuntratti hi mistennija li ssir f’nofs ix-xahar ta’ Ottubru. L-adġġudikazzjoni ta’ l-offerti tibda ssir wara l-egħluq tal-perjodu fejn jistgħu jittieħdu u jintefgħu l-offerti. Dan il-perjodu hu twil 52 gurnata.
Għalkemm l-ADT għandha stima akkurata ta’ kemm ġejjin jiswew ix-xogħlijiet, tħoss li mhux prudenti tiżvela ċ-ċifra f’dan l-istadju.
Dan il-progett huwa ko-finanżjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea (ERDF). Dan ifisser li l-parti l-kbira tal-ħlas ser joħrog mill-U.E. u d-differenża toħrog mill-Gvern Ċentrali.
Jista’ l-Ministru jara jekk tistax titkompla l-bankina go Zebbug Road Attard (fil-biċċa d-dejqa bejn fondi numri 17-20) u dan għaliex ir-residenti li joqgħodu f’din il-bicca perikoluża ma jistgħux jimxu b’serħan il-moħħ speċjalment meta jkollhom push chair jew tarbija.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saru l-ispezzjonijiet meħtiega fit-triq imsemmija mill-Onor Interpellant u rriżulta li fil-biċċa d-dejqa bejn fondi numru 17-20 m'hemmx wisgħa biżżejjed biex tinbena bankina skond regolamenti tal-KNPD. Xorta waħda dan il-każ se titressaq quddiem it-TrafficMmanagement Directorate biex tinstab solużżjoni għal din il-problema.
Jista’ l-Ministru jara jekk tistax ssir sistema ta' drenaġġ f’Zebbug Road, Attard (mill-bidu taghha li tmiss ma’ Triq l-Imdina, il-parti li taqsam Triq in-Nutar Zarb u l-bicca sa fejn l-iskola Thai Lakin) u dan għaliex jgħaddu minnha għarar kbar meta tkun xita qliel b’konsegwenza li r-residenti tal-lokal ma jkunux jistgħu joħorgu minn djarhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm hu kalkulat li ntuza biodiesel fil-gzejjer Maltin fl-2005 u fl-2006 u din is-sena? Kemm minn dan kien maħdum Malta u kemm kien impurtat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-volum ta’ biodiesel (B100) li huwa stmat li ntuża fil-gżejjer Maltin fis-sena 2005 kien ta’ 1,492 miljun litru u fis-sena 2006 kien ta’ 1,682 miljun litru. Għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena il-figura laħqet il-1.4 miljun litru. Dan il-volum kien kollu maħdum fil-gżejjer Maltin, b’xi parti mill-materja prima li ntużat ġiet impurtata.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' pensjonanti li kienu jibbenefikaw (a) mill-pensjonijiet kontributorji (irtirar, romol u invalidita') u (b) mill-pensjonijiet mhux kontributorji fis-sena 2000 u kemm hemm illum? Kemm kien l-ammont ta' benefiċċju mħallas kull sena mill-2000 'l hawn fuq pensjonijiet kontributorji u dawk mhux kontributorji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-taghrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn f'pajjiżna immigranti rregolari fil-bidu ta' din is-sena (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa? Kemm hu kalkulat li daħlu immigranti rregolari kull xahar mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru? Kemm kien hawn b'kollox immigranti rregolari fil-15 ta' Settemrbu (a) f'ċentri ta' detenzjoni u (b) f'ċentri miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-bidu ta' din is-sena kien hawn f'pajjiżna, 1,111 immigranti rregolari fiċ-ċentri ta' detenzjoni.
Mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru hu kkalkulat li kull xahar immigranti rregolari daħlu kif elenkat hawn taħt:-
Jannar xejn
Frar xejn
Marzu xejn
April 28
Mejju 237
Ġunju 504
Lulju 243
Awissu 367
Settembru 173
Fil-15 ta' Settembru immigranti rregolari f'ċentri ta' detenzjoni kien hawn 1,708.
Dwar l-informazzjoni ta' immigranti irregolari miżmuma f'ċentri miftuħa, nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tad-dwieli għall-inbid kull sena mis-sena 2000 'l hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru d-dwieli għall-inbid, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru 14205. Irrid inżid li fis-sena 2006 kien hawn irreġistrati 910 ettari jew madwar 8,100 tmien u madwar 3,000 bidwi. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm 1,315,545.98 li minnha Lm 132,101.20 ġiet mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied t-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ kull sena mis-sena 2000 'l hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru s-siġar taż-żebbuġ, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk tinżammx statistika ta' kemm siġar taż-żebbuġ hawn għall-produzzjoni taż-żejt u dawk għall-produzzjoni taż-żebbuġ għall-konsum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru 23068. Irrid inżid li fis-sena 2006 kien hawn irreġistrati 89.35 ettari jew madwar 800 tomna u 858 bidwi b’total ta’ 43,614 siġra taż-żebbuġ. Minn din is-sena is-siġar taż-żebbuġ qed jiġu reġistrati taħt is-sistema tas-single payment scheme u l-bidwi se jkollu żieda fl-entitlement u b'hekk jibda jirċievi fflus minn fondi Ewropej għall-fatt li jkollu siġar taż-żebbuġ reġistrati skond ċensiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fishfarms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kkalkulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fishfarms?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn sitt kumpaniji li bejniethom qed joperaw tmien fish farms. Il-ħut li jiġi mkabbar f’dawn il-fish farms huwa tonn, awrat u spnott. Skond figuri rrapurtati fl-aħħar ta’ l-2006, il-produzzjoni laħqet madwar 6,200 tunellata b’valur ta’ Lm24.8 miljun (€57.8 miljun).
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax isir studju biex il-problema serja ta' għarar fi Triq il-Lunzjata, Zebbuġ, Malta tiġi solvuta? Din it-triq hija magħmula minn daħla u ħarġa madwar kappella u żewġ cul de sac waħda fuq il-lemin u waħda fuq ix-xellug tal-kappella. L-għarar isir speċjalment fuq in-naħa tal-lemin (tħares lejn il-kappella minn Triq il-Kbira) u dan b'dannu kbir għar-residenti.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ADT ser tagħmel studju tal-livelli madwar din il-kappella sabiex tkun tista’ tanalizza il-problema msemmija ta’ għarar.
Jista' l-Ministru jgħid n-numru minimu ta' membri li assoċjazzjoni medika jew ta' speċjalita' medika għandu jkollha fi ħdana sabiex tirrappreżenta lill-ispeċjalita' tagħha fl-SAC (Specialist Accredition Committee)?
Jista' jgħid ukoll jekk dawn il-membri fi ħdan assoċjazzjoni iridu ikunu
full members
li jipprattikaw Malta jew jekk
associate/affiliate/adjunct members
jitqisux parti minn numru minimu rikjest mil-liġi biex assoċjazzjoni tirrappreżenta lill-ispeċjalisti fi ħdana? Jekk il-membri jridu jkunu
full-time
, xi skritunju qiegħed isir biex is-SAC taċċerta ruħha fuq l-eliġibilita'ta' dawn il-membri fi ħdan assoċjazzjoni? F'dan l-ambitu, jista' jelenka l-assoċjazzjonijiet kollha rappreżentati fl-SAC bin-numru ta' membri dikjarati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Assoċjazzjoni Professjonali rappreżentati fuq l-Specialist Accreditation Committee huma regolati permezz tar-raba' skeda ta' l-Att Nru.XII ta' l-2003 (Kap. 464) li jirregola l-Professjonijiet tas-Saħħa.
Ta' kull sena dawn l-Assoċjazzjonijiet elenkati fit-tieni parti ta' l-istess skeda huma obligati li jibgħatu lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika dak li hemm provdut fl-istess regolamenti msemmija partikolarment Art. 1, 2 u 4 (jiġifieri Rapport Annwali, kopja ta' l-Istatut, Numru ta' Speċjalisti membri, etc.).
Jekk ikun il-kaz li xi Assoċjazzjoni minn dawn ma tittemporax ruħha ma' dawn ir-regolamenti hemm provdut fl-istess Skeda li dik l-Assoċjazzjoni ma tibqax rappreżentata fuq l-SAC.
Ma jirriżultax li f'dawn l-aħħar tlett snin minn meta ġiet in vigore l-liġi kien hemm xi Assoċjazzjoni Medika li ma kinitx qegħda tittempora ruħha mal-liġi.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija l-assoċjazzjonijiet jirregolaw il-pożizzjoni tal-membri (speċjalisti) tagħhom skond l-istatut partikolari ta' kull waħda minnhom.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26885 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk l-iskemi fis-seħħ biex jinkoraġixxu lill-pubbliku jagħmel użu minn enerġija alternattiva jew biex inaqqas mill-elettriku? Meta kienet introdotta kull skema u x'inhu l-ammont ta' sussidju li jingħata għar-rigward ta' kull skema? Kemm saru applikazzjonijiet fir-rigward ta' kull skema u x'kienu l-ammonti mħallsa għal kull skema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għad-domanda parlamentari 26675, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju u x'inhi s-soluzzjoni għall-problema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li saru inspezzjonijiet fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant fejn irrizulta li hemm problema ta' "flooding" f'parti minn din it-triq.
Ninsab infurmat ukoll li x-xogħolijiet f'din it-triq kienu saru mill-Kunsill Lokali w il-manutenżjoni meħtieġa taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li t-triq rurali Triq Taħt ta' Zeppita, l-irdum ta' ġewwa l-Imtaħleb, limiti tar-Rabat Malta tiġi rranġata u asfaltata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant ma taqax taħt ir-responsabilta' tal-Gvern Centrali u b'hekk mhiex inkluża fil-programm ta' toroq li jridu jsiru.