Forti Sant’ Iermu – strutturi ta’ żmien l-Ingliżi — restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta Heritage Malta għandha l-ħsieb li tibda r-restawr fuq l-istrutturi ta’ żmien l-Ingliżi li hemm fid-daħla ta’ Forti Sant’ Iermu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-istrutturi msemmija ma kienux parti mill-proġett ko-finanzjat mill-ERDF. Ninsab infurmat ukoll li xogħol fuqhom ikun jista’ jibda fil-mument opportun skont kif jippermettu l-prijoritajiet tal-aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex il-ħsieb li l-Katakombi tas-Salini jinfetħu għall-pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-Katakombi tas-Salini, bħal numru ta’ siti oħra, huma aċċessibbli għall-pubbliku b’appuntament minn qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex il-ħsieb li l-istatwa tal-mara r-rieqda (sleeping lady) titteħidx lura għall-wiri fl-Ipoġew ta’ Ħal-Saflieni ladarba jispiċċa x-xogħol fuq l-istess sit?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-istatwa tal-mara r-rieqda qatt ma kienet għall-wiri fl-Ipoġew, izda dejjem fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Ninsab infurmat li ser tibqa eżibita għall-pubbliku f’dan il-Mużew flimkien mal-iżjed artefatti importanti tal-preistorja Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ppublikati r-rapporti arkeoloġiċi relatati mal-iskavi f’Tas-Silġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Preżentement hemm żewġ pubblikazzjoniet arkeoloġiċi dwar skavi li saru fis-sit ta’ Tas-Silġ, ġewwa Marsaxlokk.
L-ewwel pubblikazzjoni hija dik tal-Universita ta’ Malta, u titratta dwar l-iskavi li għamlet ġewwa tas-Silġ mill-1996 sal-2005. Dan l-istudju għadu kif ġie ppubblikat iktar kmieni dan ix-xahar.
It-tieni pubblikazzjoni hija dik tal-
Missione Archeologica Italiana a Malta
, u titratta ir-riżultati tax-xogħol li sar minn din l-entita ġewwa Tas-Silġ bejn l-1998 u 2011. Din il-pubblikazzjoni hija f’stadju avanzat u għandha toħroġ fl-2016.
Katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal-Tarxien, il-banjijiet Rumani – rapporti arkeoloġiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu ppubblikati r-rapporti arkeoloġiċi relatati mal-iskavi riċenti li saru fil-katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal-Tarxien kif ukoll fil-banjijiet Rumani ġewwa Għajn Tuffieħa?
Response (BONNICI, OWEN)
L-erba’ proġetti msemmija fil-mistoqsija parlamentari għadhom mhux kompluti, u għaldaqstant l-investigazzjonji u s-sorveljanza arkeoloġika fuq dawn l-erbgħa siti għadha għaddeja.
L-investigazzjonijiet fuq dawn is-siti qed isiru b’kollaborazzjoni bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Heritage Malta.
Meta jitlestew dawn il-proġetti ikun jista jibda ix-xogħol ta’ analiżi tar-riżultati miġbura waqt l-investigazzjoniet arkeoloġiċi. Dan ix-xogħol preparatorju huwa mistenni li jieħu tliet snin biex ikun jista’ jiġi ippublikat.
B’referenza għall-blog ferm interessanti u professjonali li Heritage Malta qed itella’ dwar l-Assedju l-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-istess Aġenzija mhux qed tagħti għarfien lill-persuna/i li qed jirriċċerkaw dan il-materjal? Jista’ jgħid għaliex l-isem tar-riċerkatur/i mhu qed jidher imkien? Jista’ jgħid min qed jikteb dawn l-artikoli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-interpretazzjoni li tiġi pprezentata lill-pubbliku tkun sforz kollettiv minn numru ta’ nies u għalhekk, kif isir f’każijiet simili, jingħata kreditu ġenerali lil Heritage Malta u mhux lill-individwu/i partikolari.
Heritage Malta — direct order fuq restawr tal-metall
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Heritage Malta ħarġet direct order għar-restawr fuq xi artifatti tal-metal f’Sant’Iermu u Sant’Anġlu?
Response (BONNICI, OWEN)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal kanuni storiċi fil-kollezzjoni ta’ Heritage Malta.
Ninsab infurmat li dan sar għal raġunijiet tekniċi skont il-proċeduri stabbiliti u r-regolamenti tal-public procurement.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il viżitatur żar il-Mużew tal-Gwerra l-ġdid fil-Forti Sant’Iermu minn mindu infetaħ s’issa? Jista’ jgħid kemm-il viżitatur daħal fl-ewwel open day li ġiet organizzata f’dan is-sit?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mid-9 ta’ Mejju sat-30 ta’ Ġunju 2015 kien hemm 15,801-il persuna li daħlu fil-Mużew tal-Gwerra fil-Forti Sant’Iermu. Kif ġie rrapurtat fuq il-mezzi tax-xandir, kien hemm madwar 9,500 ruħ li żaru l-Forti fl-open day tal-10 ta’ Mejju filwaqt li kien hemm 6,301 li żaru l-mużew fi ġranet oħrajn.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-external posts relatati ma’ Heritage Mata mhux qed ikun hemm link għalihom fis-sit elettroniku tal-Aġenzija? Jista’ jassigura li meta joħorġu tali posts, id-Dipartiment tal-Human Resources jibgħat kopja bil-posta elettronika ta’ kif ikun se jidher ir-reklam fil-ġurnal lil kull impjegat ta’ Heritage Malta bħalma kien issir sa sena u nofs ilu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-aħħar darba li dawn il-posts dehru kien fi Frar 2014 u qabel din id-data,f’ Awwissu 2012. Ninsab infurmat li Heritage Malta se tieħu l-passi sabiex avvizi dwar external posts, li ilhom ma jiġu rriklamati b’dan il-mod għal numru ta’ snin, ikunu inklużi fil-website tal-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid it-total ta’ persuni li jaħdmu ma’ Heritage Malta? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li għandhom bżonnijiet speċjali li jaħdmu mal-istess Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-total ta’ persuni li jaħdmu ma’ Heritage Malta huwa ta’ 255. Minn dawn, ħamsa huma rreġistrati bħala persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.
Sant’ Iermu – aċċessibilità għall-persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħadet Heritage Malta sabiex jiġi assigurat li Sant’ Iermu jkun aċċessibli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex l-interpretazzjoni tkun aċċessibli għall-persuni b’abilitajiet differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet kollha li saru f’Sant’ Iermu saru skont il-permessi tal-MEPA u l-ħtiġijiet tal-KNPD. Fl-interpretazzjoni saret emfasi qawwija fuq multi media u projections sabiex tintlaħaq l-iżjed udjenza wiesa’ possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kif Heritage Malta qiegħda twassal il-messaġġ tagħha speċjalment ma’ gruppi li jitqiesu vulnerabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-programm ta’ outreach tagħha, Heritage Malta qed tniedi diversi inizjattivi sabiex tilħaq udjenzi dejjem iktar wiesa’, inkluż gruppi vulnerabbli. Fost dawn insibu inizjattivi fil-Ħabs ta’ Kordin (prezentazzjoni fuq il-preistorja, prezentazzjoni ta’ kotba għall-librerija, u organizzazzjoni ta’ mawra għal juvenile offenders f’Bighi u fil-Mużew Marittimu), fir-residenza għall-anzjani San Vincenz de Paule, u mal-istudenti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, apparti li tilqa’ talbiet għal viżti f’għadd ta’ mużewijiet minn għaqdiet simili. Ta’ min isemmi wkoll li matul l-aħħar snin Heritage Malta addottat Social Inclusion Policy sabiex tkun tista’ tindirizza aħjar il-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16905 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u jgħid jekk id-devjazzjoni li qed tintuża bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se titnaddaf u jinqata’ l-ħaxix tat-triq kollha minħabba li huwa ta’ periklu kbir u jista’ jsir inċident?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li x-xogħol tal-qtugħ ta’ ħaxix fit-toroq imsemmija beda fit-22 ta’ Ġunju u huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jassigura li wara li Forti Sant’Iermu ntuża għal skop mill-aktar nobbli - u hawnhekk qed nirreferi għall-kunċert li ġie organizzat mill-Wintermoods sabiex jinġabru flus għal Puttinu Cares -jara li l-ħsara li għamlu l-vetturi li daħlu fil-pjazza tal-Forti sabiex jarmaw l-apparat meħtieġ, tissewwa peress li daħlu inġenji li qattru ż-żejt li tebba’ partijiet mill-art u anke ġew innutati ħafna marki tas-saqajn immarkati mal-ħitan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħsarat imsemmija se jagħmlu tajjeb għalihom l-organizzaturi, kif hija l-prassi f’okkazjonijiet bħal dawn.
Nappella dejjem lill-pubbliku biex jifhem li sabiex sit storiku jitgawda minn uliedna u ulied uliedna rridu nibżgħu għalih. Jekk nieħdu l-marki tas-saqajn bħala eżempju, ma nkunx qed nitlob wisq jekk nappella biex dak li jkun ma jserraħx iż-żraben (u allura l-piż tal-ġisem tiegħu) mal-ħitan ta' forti storika.
Nemmen li l-kunċert tal-Wintermoods kien opportunita' tad-deheb biex wieħed jgħin lil Puttinu Cares waqt li jgawdi l-Forti li tant ġiet restawrata sabiħ. Fl-istess waqt il-poplu ċċelebra flimkien ma'
band
lokali anniversarju importanti.
Il-ktieb Ġgantija The oldest free-standing building in the world — bdil fit-titlu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13886, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hijiex midħla tas-sit Göbekli Tepe fit-Turkija, sit li huwa kkunsidrat bħala l-eqdem free-standing structure fid-dinja? Ma jaħsibx li ladarba jidher li hemm sit ieħor fid-dinja li qed jikkontesta dan it-titlu, ikun aktar għaqli kieku Heritage Malta semmiet dan il-ktieb: Ġgantija, one of the oldest free-standing building in the world? Jaħseb li dan is-suġġeriment fit-titlu huwa aktar preċiż?
Response (BONNICI, OWEN)
Jidher li l-Onor. Interpellant qed jitfixkel fit-tifsira tat-terminu free-standing.
L-imsemmi sit ta’ fama universali fid-dinja arkeologika ġie skopert u skavat fl-aħħar ħamsin sena.
L-eqdem fdalijiet ta’ strutturi f’Göbekli Tepe jidher li jmorru lura għad-disa’ millennju qabel Kristu, jiġifieri madwar ħamest elef sena qabel il-bini tat-Tempji tal-Ġgantija. Madankollu, dawn il-fdalijiet f’ Göbekli Tepe ġew esposti parzjalment biss u għalhekk m'huwiex
free standing
. Min-naħa l-oħra huwa fatt magħruf li t-Tempji tal-Ġgantija baqgħu esposti (i.e.
free standing)
konsistentament sa mill-bidu tal-eżiztenza tagħhom, jiġifieri għal madwar ħames millennji u nofs.
Għaldaqstant, it-titlu magħżul “
Ġgantija, the oldest free-standing building in the world”
huwa korrett.
Nappella lill-Onor. Interpellant juża iktar kawtela meta f'domandi parlamentari jagħmel stqarrijiet ineżatti li jekk jiġu kkwotati minn min m'għandux interess li Malta timxi 'l quddiem tista' ssir ħsara lill-industrija kulturali u turistika tagħna.
Bord tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali — riżenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm riżenji mill-Bord tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’dawn l-aħħar sentejn u jekk hemmx xi raġuni għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Bord tal-Orkestra Nazzjonali irriżenjaw jew talbu li l-appointment tagħhom ma jerġax jiġġedded 3 persuni f’xi żmien jew ieħor tul l-aħħar sentejn.
Tnejn minn dawn il-persuni, fl-ittra ta’ riżenja jew rinunzja ta’ tiġdid tagħhom, indikaw impenji oħra bħala raġuni. It-tnejn irringrazzjaw lill-Bord tal-Orkestra u awguraw suċċess.
Il-persuna l-oħra, fl-ittra ta’ riżenja jew rinunzja ta’ tiġdid tagħha, qalet li r-raġunijiet kienet qalithom lill-Bord tal-Orkestra. Qalet li ċ-
Chairman
tal-Orkestra qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna u ħadmet tajjeb miegħu. Żiedet tgħid li waqt li għandna rispett sħiħ lejn il-
policies
li l-Orkestra qed tadotta, fuq uħud minnhom ma tistax taqbel fuq punt ta’ prinċipju. Irringrazzjat lill-Bord tal-Orkestra tax-xogħol li sar u qed isir biex l-Orkestra tkun l-aqwa entita’ artistika f’Malta u tenniet li sa tkompli tappoġġja lill-Orkestra fiż-żmien li ġej.
Amministrazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali — riżenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm riżenji mill-Amministrazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’dawn l-aħħar sentejn u jekk hemmx xi raġuni għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-amministrazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali irriżenjaw 3 persuni f’xi żmien jew ieħor fl-aħħar sentejn.
Fl-ittra ta’ riżenja tagħhom, it-tliet persuni rringrazzjaw lill-Bord tal-Orkestra Nazzjonali tal-esperjenza u awguraw lill-Orkestra suċċess għall-futur. Ma ngħatatx raġuni għar-riżenja fl-ittri li ntbagħatu.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16398, jista' l-Ministru jikkonferma li l-Gloucester Sea Gladiator “Faith” ma ġarrab l-ebda ħsara waqt it-trasport tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħidilna x'kienet ir-raġuni għaliex saret din l-ħsara u x'miżuri ħadet Heritage Malta sabiex tiġi msewwija din il-ħsara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Gladiator Faith ma ġarrab l-ebda ħsara waqt it-trasport ħlief għal għafsa zgħira li ġiet rimedjata minnufih. Kif ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru 16398, dawn huma affarijiet verament żgħar li wieħed jista’ jistenna f’operazzjonijiet ikkumplikati bħal dawn.
Nirringrazzja lill-ħaddiema ta’ Heritage Malta li kapaġi jidħlu għal xogħol diffiċli bħal dan.