Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #2956 Sitting 35 2013-06-25 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — Abolizzjoni ta' direttorati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu huma maħsuba li jiġu aboliti? X`wassal għal tali deċiżjoni, u meta se jsir dan ir-ristrutturar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Filwaqt li ninsab informat li s’issa ma ġie abolit xejn, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 2312.
Leg 12 PQ #2957 Sitting 35 2013-06-25 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjonijiet tal-kataretti — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-kataretti, kemm dik mingħajr u kemm dik meta jintuża l-loppju, ġewwa l-Isptar Mater Dei, u jagħti d-dettalji dwar kemm jiswa l-materjal, kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-pagi tal-ħaddiema, kull wieħed skont il-grad tiegħu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-saħħa qatt ma’ kien għamel costings rejalistiċi tal-proċeduri kollha li jsiru fis-servizz tas-saħħa. Dan l-eżerċizzju b’mod komplut se jibda għall-ewwel darba issa taħt gvern Laburista.
Leg 12 PQ #2920 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Mother & Child Hospital

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2282 u ċjoè: B’referenza għal dak li qal id-Deputat Parlamentari l-Onor. Fearne fil-Parlament fil-21 ta' Mejju 2013 u ċjoè "wieħed mill-affarijiet li nara li fis-snin li ġejjin irridu nikkonsidraw bis-serjetà huwa l-bini u l-ftuħ ta’ sptar ġdid speċjalizzat għall-kura tal-ommijiet, tan-nisa u tat-tfal, mother and child hospital", x'inhuma fil-fatt il-pjanijiet tal-Gvern preżenti għal Mother & Child Hospital? Fejn se jkun tali sptar? B’liema fondi se jiġi ffinanzjat tali sptar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Gvern qed jikkunsidra l-pjan għal Mother & Child Hospital fil-kuntest wiesgħa tal-prioritajiet kif elenkati fil-manifest elettorali u fil-kuntest diffiċli li fih il-Gvern preżenti sab fis-settur tas-saħħa, fejn l-ippjanar ta riżorsi umani u finanzjarji ma’kienx qed iżomm il-pass mal-wegħdi li ingħataw.
Leg 12 PQ #2921 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Direttur tan-Nursing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2283 u jgħid x’inhi r-raġuni li d-direttur tan-nursing fl-Isptar Mater Dei ġiet trasferita għall-Isptar Karin Grech? Min ħa tali deċiżjoni u min awtorizza dan iċ-ċaqliq? Dan iċ-ċaqliq huwa skont il-provvedimenti tal-kuntratt abbinat ma’ din il-kariga? Ingħata handover, u jekk iva lil min?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li hija l-politika dikjarata ta’ dan il-Gvern li s-servizzi ta’ rijabilitazzjoni li qedin jingħataw bħalissa mill-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech għandhom jitjiebu bil-bosta - u dan għall ġid tal-pażjenti tagħna. Huwa ta’ diżappunt għalija meta ninnota li s-servizz li qed jingħata bħalissa mill-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech ma jilħaqx il-miri ta’ servizz ta’ rijabilitazzjoni hekk kif mistenni minn ċentru modern. Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech qed jintuża aktar bħala dar tal-anzjani long term milli bħala ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Waqt li napprezza mill-qalb ix-xogħol li qed isir mill-ħaddiema tal-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, insostni li din is-sitwazzjoni għandha tiġi rranġata sabiex is-servizzi ta’ rijabilitazzjoni li jingħataw lill-pazjenti tagħna wara perjodu ta’ kura akuta ikunu specjalizzati - u li jkunu mfassla madwar il-bżonnijiet ta’ pażjenti differenti. Fl-isfond tal-miri li qed ipoġġi dan il-Gvern għas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni f’pajjiżna, inħasset il-ħtiega mmedjata li s-servizz tan-nursing ġewwa l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech għandu jissaħħaħ. Għalhekk ittieħdet deċiżjoni skond l-esiġenzi tas-servizz pubbliku sabiex dan it-tisħiħ jibda jseħħ b’mod immedjat. Iċ-caqliq ta’ persuna li qed jirreferi għaliħ l-Onorevoli nterpellant għalhekk sar sabiex is-servizz li jingħata ġewwa l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech jissaħħaħ; u sabiex dan l-isptar ikun jista jgawdi wkoll minn management experience ta’ persuna li mexxiet is-servizzi tan-nursing fl-Isptar Mater Dei għal numru ta’ snin. L-Onorevoli Membru żgur li jaqbel miegħi li knowledge transfer huwa ta’ importanza kbira f’settur bħal dak tas-saħħa u dan iċ-ċaqliq ser wkoll iservi ta’ xprun sabiex il management team tal-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech jissaħħaħ aktar. Nixtieq inserraħ ras l-Onorevoli Membru li dan iċ-ċaqliq sar b’mod meqjus ħafna fl-interess ta’ dik li hija mira ewlenija tas-servizz pubbliku jiġifieri li ntejbu s-servizzi li qed jingħataw lill-pazjenti tagħna.
Leg 12 PQ #2922 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Dipartiment tan-Nursing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2284 u jgħid min hi l-persuna l-ġdida li ħadet over it-tmexxija tad-Dipartiment tan-Nursing ġol-Isptar Mater Dei? X`kariga kellha qabel u x’inhu s-substantive grade tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna ladarba ma jidhirx li ħarġet xi call for application u b’liema mod ġiet assenjata? X’inhu s-salarju li din il-persuna se tkun qed tirċievi?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt u għalhekk mhux prudenti li tingħata l-informazzjoni li qed tiġi mitluba. Madankollu irrid niforma lill-Onorevoli Membru li l-impjieg tal-persuna ser isir fuq il-bażi ta’ position of trust skont il-provedimenti kollha ta’ OPM Circular 21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85II. Dan il-proċess intuża b’mod regolari minn Gvern preċedenti.

Home Help – means test

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 1807 u 411 u ċjoè: Peress li reċentement tħabbar li persuni li jixtiequ s-servizz tal-home help se jiġu means tested, tista' l-Ministru tinforma jekk dawn il-persuni li diġà qed jingħataw dan is-servizz hux se jiġu affettwati minn dan it-tibdil?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellent li bħalissa d-dipartiment qed jevalwa s-sostenibbiltà tas-servizz tal-Home Help biex jassigura li dan is-servizz jilħaq l-għan prinċipali tiegħu li jgħin l-anzjani biex jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Residenza San Vinċenz de Paul – Ħaddiema mar-rappreżentant tal-Ministeru

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 1808 u tgħid kemm hu l-istaff complement li qed jassisti lir-rappreżentant tagħha, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul? X’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema u x’salarju qed jirċievi kull wieħed minnhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli Anthony Aguis Decelis huwa konsulent għar-Residenza San Vinċenz de Paul u m’ għandu edba staff compliment assenjat miegħu.
Leg 12 PQ #2928 Sitting 34 2013-06-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — ħlas ta' overtime

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1265 u jgħid jekk reċentament kienx hemm bidla fil-policy ta' kif jingħata l-overtime lill-infermiera ġewwa l-Isptar Mater Dei? Min hu responsabbli għall-proċess ta' kif jitqassam l-overtime? Jikkonferma l-Ministru, li qed isiru interventi politiċi ta' kif, min, u fejn għandu jsir l-overtime mill-infermiera ġewwa l-Isptar Mater Dei?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda bidla fil-policy ta’ kif jingħata l-overtime iżda żdied b’mod sinifikanti l-iskrutinju fuq min, kif u meta qed jintuża l-overtime. Dan biex inkunu ċerti li kull ċenteżmu li qed nużaw fl-overtime ikun qed isir bil-qies kif ukoll f’dawk il-postijiet fejn hu indispensabbli għall-kura u s-saħħa tal-pazjent. Dan qed isir mhux biss fuq l-infermiera iżda fuq kull professjoni fl-isptar. In-nursing management huwa responsabbli ta’ kif jitqassam l-overtime lill-infermiera fl-isptar. Ma sar l-ebda ntervent politiku fuq kif, min u fejn jitqassam l-overtime lill-infermieira fl-isptar MDH. Id deċiżjonijiet u l-iskrutinju tal- overtime qed issir totalment mill- management tal-isptar.
Leg 12 PQ #2914 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Kura ta’ riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1805 u 406 u jgħid x'inhu l-pjan tiegħu rigward il-kura ta' riabilitazzjoni? X'miżuri jew proġetti se jiġu mnedija sabiex dan is-servizz jitjieb u jsir aktar professjonali u b'hekk ikun jista' jagħti firxa aktar wiesgħa ta' servizzi bħal pereżempju kura ta' riabilitazzjoni għat-tfal, respiratorja, kardijaka u wara li jkun sar xi intervent kirurġiku maġġuri?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa qiegħed janalizza kif jista' jiżviluppa aħjar is-servizzi tar-rijabilitazzjoni billi jwessa’ l-firxa tas-servizz biex b’hekk inħarsu l-interessi ta’ dawk bejn it-18 u l-65 sena, ħaga li ma tingħatax f’Karen Grech Rehabilitation Hospital, filwaqt li ntejbu aktar is-servizzi li qed jingħataw. Sal-lum ir-rijabilitazzjoni respiratorja kif ukoll kardijaka qed jingħataw Mater Dei bħal qabel, waqt li dik pedjatrika mis-CDAU, imma anki hawn wieħed jrid jara jekk din hix l-aħjar servizz.
Leg 12 PQ #2915 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċina Risperidone depot

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 960 u jgħid għalfejn pazjenti li għandhom bżonn il-mediċina Risperidone depot u li qed jiġu approvati fuq din il-mediċina mid-dipartiment konċernat peress li jikkwalifikaw skont il-protokolli eżistenti, mhumiex fil-fatt qed jingħataw din il-mediċina? Min ħa tali deċiżjoni li l-pazjenti ma jinbdewx fuq din il-mediċina u għaliex? Ma jaħsibx li tali dewmien għal dan it-trattament jista' jwassal sabiex il-pazjenti jiddeterjoraw u possibbilment anke jwassal għall-ħtieġa ta' kura fi sptar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-mediċina Risperidone(R) Depot ġiet approvata għall-introduzzjoni fil-Formularju tal-Gvern fis-sena 2011 għal numru kkalkulat ta’ pazjenti mistennija li jieħdu din il-mediċina. L-użu u l-konsum ta’ din il-mediċina baqgħet tiġi osservata u evalwata. Fi Frar 2013 ġie deċiż mill-Kumitat Konsultattiv tal-Formularju tal-Gvern li temporanjament jieqfu l-approvazzjonijiet ta’ din il-mediċina sakemm issir l-evalwazzjoni neċessarja sabiex jiġi kkonfermat li pazjenti ġodda jistgħu jiġu approvati mingħajr ma l-mediċina tispiċċa out of stock. Wara li sar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa il-permessi pendenti li kien hemm ġew approvati u l-pazjenti qed jingħataw il-mediċina neċessarja.
Leg 12 PQ #2916 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Għoti ta' mediċini — pjanijiet ta' reimbursement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 961 u jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex tiddaħħal xi forma ta' sistema ta' reimbursement għas-sistema tal-għoti ta' mediċini mis-sistema nazzjonali tas-saħħa, inkluż mis-sistema tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek? X`konsultazzjonijiet beħsiebhom isiru mal-imsieħba soċjali involuti f`dan il-qasam? Min se jiġi kkonsultat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforna lill-Onorevoli Membru li prezentament, l-Gvern qed jiffoka l-isforżi tiegħu biex jiżgura li s-sistema tal-għoti tal- mediċini jiġifieri l-‘Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek’ tkun sistema vjabbli, li tadqi lil dawk li jużaw s-serviżż, kif ukoll (biex jiżguraw li din is-sistema) tkun waħda li tagħti valur ta’ flus (value for money) lit-taxpayer.
Leg 12 PQ #2917 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Fiżjoterapisti — transfers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1264 u jgħid x'inhi r-raġuni li xi fiżjoterapisti ngħataw transfer meta dawn diġà ħadmu s-sentejn ta' rotation? Kif ġew magħżula dawk l-impjegati li se jiċċaqalqu, anke meta jirriżulta li impjegati li laħqu sena wara mhux se jiċċaqalqu u ġew esklużi mis-sistema tar-rotation

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li ma ġie trasferit l-ebda fiżjoterapista u li l-perijodu totali li l-istaff jibqa’fuq is-sistema ta’ rotation hija ta’ bejn tliet (3) u ħames (5) snin. L-allokazzjoni ta’ dan il-health care professional tista’ ssir skont l-esiġenzi tas-servizz għall-kura tas-saħħa, u għalhekk jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien.
Leg 12 PQ #2918 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – Security Guards

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1806 u jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn inħasset il-ħtieġa li jiġu deployed erba’ security guards, tnejn matul il-jum u tnejn bil-lejl, fil-bini ewlieni tal-Ministeru fi Strada Merkanti, meta fl-aħħar ġimgħat l-istess Ministeru żied is-sistema ta’ CCTV cameras ġewwa l-istess bini u meta fl-istess binja hemm sistema ta' intruder alarm li taħdem tajjeb? Ma jaħsibx li tali miżura tmur oltre minn dak li hu verament bżonnjuż, speċjalment matul il-lejl? Kemm hi n-nefqa f’pagi, allowances u dħul ieħor li qed jitħallsu dawn is-security guards? Kemm ġew irrappurtati lill-Pulizija każijiet ta' serq minn ġewwa Palazzo Castellania, li seħħew fil-ħinijiet tal-uffiċċju u anke matul il-lejl fl-aħħar ħames snin?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li, minħabba l-valur ta’ oġġetti li jinsabu fl-inventarju (Heritage Malta), l-ħafna aċċessi għad-dħul fil-Ministeru, u l-fatt li persuna waħda biss kellu aċċess għaċ-ċwievet kollha inkuż tal-uffiċini u kien jitħallas ammont kbir f’overtime, intalab permess biex jiġu ngaġġati sitt persuni fuq kuntratt bħala (persons of trust) biex iħarsu l-post matul il-lejl u fi ġranet bħal ħdud u festi nkuz sibtijiet. Apparti dan, dawn il-persuni ġew imħarrga biex jirrispondu telefonati biex b’hekk dawk li jċemplu l-Ministeru barra l-ħin tal-uffiċċju, jkunu moqdija, filwaqt li l-preżenza tagħhom tiffaċilita wkoll laqgħat li jsiru barra l-ħin normali tal-uffiċċju. Il-pagi mogħtija huma ta’skala 14 skond il-kuntratt ta’ Secretariat Messenger/ Security. Is-sistema ta’CCTV Cameras li żied fl-aħħar ġimgħat, il-Ministeru preċedenti kienet difettuża. Ninsab infurmat li ma’ġew irrapurtati l-ebda r-rapporti lill-Pulizija.
Leg 12 PQ #2919 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – pazjenti bedridden

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2281 u jispjega x’inhi l-proċedura ta' kif qed jinħaslu l-pazjenti li huma klassifikati bħala bedridden ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jikkonferma l-istess Ministru li tali proċedura se tinbidel u se jibdew jintużaw disposable sponges? X`inhi r-raġuni għal dan it-tibdil, u kemm hija l-istima taż-żieda fl-ispiża in konnessjoni max-xiri ta’ dawn id-disposable sponges?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-metodu tal-ħasil ta' pazjenti bedridden fl-Isptar Mater Dei kien u għadu jsir billi jimtela friskatur bl-ilma fietel u li minnu l-pazjent jinħasel permezz ta’ face cloth u sapuna. Madanakollu f’dawn l-aħħar snin ġew żviluppati prodotti – bħal l-isponges msemmija – li jħaffu l-proċess kif ukoll jipprovdu iġjene aħjar u jnaqqsu r-riskju ta’ tixrid tal-infezzjonijiet ġewwa l-isptar. Dawn saru il-metodu prinċipali għall-ħasil tal-pazjenti fil-maġġoranza tal-isptarijiet Ewropej. Għal din ir-raġuni, f’dawn l-aħħar ġimgħat, saru xi trials ta’ diversi prodotti (mhux biss sponges, imma prodotti oħrajn ukoll). Din hija proċedura normali. Tant hu hekk li hemm Standard Operating Procudure kif isiru dawn it-trials – liema proċedura ġiet ukoll addottata f’dan il-każ. B’daqshekk ma jfissirx li sejra tinbidel is-sistema preżenti.
Leg 12 PQ #2809 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – impjegati – substantive grades

Question

B’ riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2307 jista’ l-Ministru jagħti tweġiba kompleta u jgħid x’inhu s-substantive grade tal-impjegati msemmija u wkoll jekk hux qed jirċievu l-premiums assoċjati mal-professjoni tagħhom minbarra l-overtime allowance assoċjat ma’ xogħol fis-segretarjat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li s-substantive grades tal-ħaddiema msemmija huma, tlieta skala 8, waħda fi’skala 7 u ieħor fi skala 13. Erbgħa minn dawn il-persuni jirċievu l- premiums relatati mal-gradi rispettivi tagħhom. Infurmat ukoll li jingħataw allowances relatat mal-grad tal- Customer Care, u qatt ma’kien hemm talba għall- overtime .
Leg 12 PQ #2909 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeru tas-Saħħa — impjegati fis-Segretarjat

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2315 mogħtija mill-Ministru għas-Saħħa, jista’ l-Prim Ministru jinvestiga dan il-każ u jgħid jekk tali metodu li qed jintuża sabiex jiġu ingaġġati nies fis-segretarjat għas-saħħa huwiex skont il-provvedimenti tad-dokument maħruġ mill-uffiċċju tiegħu stess li jistipula b’mod mill-aktar kategoriku li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ingaġġ fis-segretarjati “Ministers and Parliamentary secretaries are to comply with the following manual when recruiting secretarial staff” (in particular paragrafu 3.1.1 “Recruitment Guidelines”)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu dwar dan il-każ ingħatat mill-Ministru għas-Saħħa f’mistoqsijiet parlamentari 63, 285, 692 u 2315.
Leg 12 PQ #2910 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa – ristrutturar

Question

B`referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2312, jista’ l-Ministru jgħid ma’ min qed jikkonsulta sabiex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet dwar ir-ristrutturar previst? Il-unions tal-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet professjonali qegħdin jiġu kkonsultati? Meta hu maħsub li tali ristrutturar jiġi esegwit?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil-Onorevoli Membru li l-Ministeru wara l-anależi li għamel qiegħed fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders biex bl-aħjar mod, il-qasam tas-saħħa jkun jagħti l-aħjar serviżż li jħares il-kontabilità u d-dinjità tal-pazjent.
Leg 12 PQ #2911 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar tal-onkoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tiegħu rigward l-isptar tal-onkoloġija u kif dan se jitmexxa ladarba jsir it-trasferiment lejn l-Isptar Mater Dei? L-isptar tal-onkoloġija u l-Isptar Mater Dei se jkunu entità waħda kif kien pjanat taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jew se jkun hemm management differenti? Jekk inbidlu l-pjanijiet, min ħa tali deċiżjoni, min ġie kkonsultat, u għalfejn inħasset il-ħtieġa li jsir dan? Saret konsultazzjoni mal-ħaddiema li jaħdmu f`dan il-qasam?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil-Onororevoli Membru li l-pjanijiet qed jitħejjew b’mod kawt biex flimkien ma’dawk kollha involuti, it-transizzjoni minn Boffa għaċ-ċentru l-ġdid tkun waħda regolata, għal ġid tal-istess pazjenti u l-ħaddiema, nassigurak li se jintuża l-aħjar riżors uman.
Leg 12 PQ #2912 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Pazjenti jistennew fuq Stretcher

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1803 u 398 u jgħid kemm-il pazjent tħalla jistenna fuq stretcher fis-sala tal-osservazzjoni jew f'xi parti oħra tal-Isptar Mater Dei mid-9 ta' Marzu 2013 sal-lum? Jista' jagħti d-dettalji ġurnata b'ġurnata?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2913 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar San Luqa — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1804 u 405 u jgħid x'inhi l-viżjoni tiegħu dwar l-użu tal-Isptar San Luqa fil-futur?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li s’sissa għadu ma tteħditx deċiżjoni aħħarija. Kun żgur li din id-deċiżjoni tkun fl-interess nazzjonali.