Legislature:
Category:
Reset
Active:

Segretarju Permanenti — Handover ta' rapporti

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3719 u 1137, jista' l-Ministru jgħid minn min ħa l-parir biex ma jqiegħedx fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar mis-Segretarju Permanenti? Jista' jagħti r-raġunijiet għalfejn dan ir-rapport ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Meta wieħed iqis li l-Ministru tkellem dwar dan ir-rapport fil-pubbliku, x'qed iżomm lill-Ministru milli jippubblika dan ir-rapport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-parir kien ingħatali mis-Segretarju Permanenti preċedenti peress li r-rapport li ħejja hu kien intenzjonat għal użu intern. Madanakollu, qiegħed ngħaddi kopja tar-rapport mitlub lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4338, fejn il-Ministru qal li se tingħata tweġiba f'seduta oħra, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżommu milli jwieġeb din il-mistoqsija? Jista' jgħid kemm hemm konsulenti mqabbda mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jagħmlu xogħol ta' konsulenza mal-Ministeru u fid-Direttorati tal-Edukazzjoni? X'inhu r-rwol tagħhom u kemm hi l-ispiża ta' kull konsulent?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet qed tinġabar. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4338.

Skejjel pubbliċi – ħalib u frott frisk

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm xi skejjel pubbliċi li fihom it-tfal mhux qed jingħataw iktar ħalib frisk u frott frisk? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid għalfejn ittieħdet din id-deċiżjoni u min ġie kkonsultat qabel ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kull skola statali Primarja f'Malta u f'Għawdex tipparteċipa fl-iskema tal-Frott u l-Ħaxix. Hemm ukoll erba' Ċentri tar-Riżorsi Edukattivi li jipparteċipaw f'din l-iskema. Rigward il-ħalib, l-iskejjel statali Primarji kollha rċevew ċirkulari f'Ottubru 2013 biex min ikun interessat jipparteċipa fl-iskema jibgħat l-applikazzjoni. S'issa għadhom deħlin l-applikazzjonijiet. Id-deċiżjoni tittieħed mill-Kap tal-Iskola. L-għadd ta' skejjel primarji li qed jingħataw ħalib hu 51 filwaqt li dawk li mhux qed jingħataw hu 21.

Qasam tad-Edukazzjoni — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet li għandu dwar il-ħaddiema li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni li hemm fil-kulleġġi, fid-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel u fid-Dipartiment tas-Support Services?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-manutenzjoni li jaqgħu fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel ser ikomplu bil-ħidma tagħhom fl-iskejjel billi jkomplu jagħmlu xogħlijiet ta' tisbiħ u manutenzjoni skont il-bżonn u l-ħtiġijiet tal-iskejjel.

Ministeru għall-Edukazzjoni – kuntratt ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandu l-persuna li ismu qed jintbagħtu separatament li sa ftit ilu kellu kuntratt ta' advisor fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Jista' jgħid jekk hux minnu li din il-persuna saret impjegata tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada? Jista' jgħid meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjoni ta' ingaġġ mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviżi li dehru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna ndikata fil-mistoqsija. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet redeployed mill-IPSL għall-Fondazzjoni Għal Iskejjel ta' Għada f'termini ta' Att 15A tal-FTS Act.

Ministeru għall-Edukazzjoni – ħlas ta’ remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li għandu bżonn allokazzjoni finanzjarja taħt il-line votes tal-personal emoluments tal-vot tal-Ministeru u tal-vot tad-Direttorati tal-Edukazzjoni sabiex titħallas ir-remunerazzjoni kollha tal-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ammont ta' fondi addizzjonali li l-Ministeru għal Edukazzjoni u Xogħol għandu bżonn taħt il-line votes tal-Personal Emoluments taħt il-vot tad-Direttorati tal-Edukazzjoni (Vote 16) hija ta' madwar €7 miljuni.

Stipendji – talba għal fondi addizzjonali għall-2013

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jintalab fondi addizzjonali sal-aħħar tas-sena sabiex jitħallsu l-istipendji tal-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol bħas-snin ta' qabel se jitlob fondi addizzjonali sal-aħħar tas-sena sabiex jitħallsu l-istipendji tal-istudenti.

Ministeru għall-Edukazzjoni – ingaġġ ta’ persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru bħala persons of trust? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni — contract for service

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li ngħataw contract for service mid-9 ta' Marzu 'l hawn? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li 18-il persuna ngħataw Contract for Service mid-09 ta' Marzu 'l hawn. Infurmat ukoll li kien hemm 15-il kuntratt ieħor bħala Contract for Service li ġew estiżi fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant. Kopja tal-kuntratti u/jew estensjoni tal-kuntratti se tingħata lill-Onor. Interpellant b'mod kunfidenzjali.

skejjel sekondarji — Suġġetti vokazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’inhi d-definizzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali li se jibdew jiġu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid minn meta dawn is-suġġetti vokazzjonali se jibdew ikunu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid jekk hemmx qbil mal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti dwar it-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li suġġett vokazzjonali huwa suġġett li huwa relatat mad-dinja tax-xogħol u mfassal b’mod li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ hiliet u kompetenzi vokazzjonali fl-istudenti. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali jirrikjedi metodi ta’ tagħlim li jimxu lilhinn mill-metodi tradizzjonali ffukati fuq it-tagħlim tal-kontenut u l- eżamijiet lejn proċessi ta’ tagħlim mibnija fuq biċċiet ta’ xogħol prattiku, proġetti, riċerka, kitba ta’ rapprot u preżentazzjonijiet, żjarat fuq postijet ta’ xogħol, żamma ta’ portafoll tax-xogħol. Il-proċedura tal-assessjar tinbena fuq tliet proċessi: l-assessjar li jsir mill-għalliema bejniethom, l-assessjar tax-xogħol tal-istudenti u l-għalliema minn assessuri esterni għall-iskola, u assessjar ieħor li jsir minn assessuri esterni oħra li jassiguraw il-kwalita’ fl-amministrazzjoni u l-immaniġjar tat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti vokazzjonali. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji joffri toroq oħra lill istudenti li, barra dawk strettament akkademiċi, biex ikomplu jimxu ‘l quddiem u jkollhom suċċess fis-sistema edukattiva. Huwa mod ta’ tagħlim applikat f’kuntest vokazzjonali li jibni l-kunfidenza, l-motivazzjoni u l-kompetenzi tal-istudenti. Bħalissa għaddej proġett pilota – li beda fis-sena skolastika 2011-12 – f’għaxar skejjel sekondarji, sitta minnhom tal-istat, tnejn tal-Knisja, u tnejn oħra indipendenti. F’dawn l-iskejjel qed jiġu mgħallma erba’ suġġetti vokazzjonali li jwasslu għal kwalifiċi tal-BTEC (li huma kwalifiċi tal-Edexcel, kumpanija ta’ kwalifiċi Ingliżi li titmexxa mill-University of London Examinations and Assessment Council). Dawn l-iskejjel huma: Skejjel tal-Istat Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop (BTEC Information Technology Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Injazju, tal-Ħandaq (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Santa Margerita, Verdala (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Maria Regina, Mosta (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course) Skejjel tal-Knisja Sekondarja Subien Stella Maris, Gżira (BTEC Engineering Extended Certificate course) Sekondarja Bniet, St Dorothy, Żebbuġ (BTEC Hospitality Extended Certificate course) Skejjel Indipendenti San Anton Senior School (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course) Sekondarja Subien fil-Kulleġġ St Edward’s, Vittoriosa (BTEC Information Technology Extended Certificate course) Dawn l-erba’ suġġetti vokazzjonli ntgħazlu għaliex jagħmlu parti mill-oqsma ta’ prijoriiajiet ekonomiċi u strateġiċi ta’ Malta. L-iskop ewlieni tal-proġett pilota huwa li jwassal għal programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u kwalifiċi għall-iskejjel sekondarji mfasslin lokalment. Qbil mal-Iskejjel tal-Knisja u Skejjel Indipendenti Fuq il-kumitat imwaqqaf mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Familja, Żgħażagħ u Sport, biex imexxi ‘l quddiem dan il-proġett pilota, sa mill-bidu nett kien hemm rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Iskejjel Indipendenti. F’laqgħat li saru mal-kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, intweriet xewqa kkbira li jkunu parti minn dan il-proġett pilota.

suġġetti vokazzjonali — Għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-kwalifiki li se jkollhom l-għalliema li se jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm taħriġ speċjalizzat għal għalliema fis-suġġetti vokazzjonali? Jekk iva, jista’ jagħti informazzjoni dwar dan it-taħriġ? B’liema kriterji se jintgħażlu l-għalliema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema li ntgħażlu biex jipparteċipaw fil-proġett pilota ntgħażlu mill-iskejjel stess li qed jipparteċipaw fil-proġett pilota (irreferi għar-risposta mogħtija għal PQ 5112). F’dawn l-iskejjel, saret sejħa għall-għalliema li jgħallmu suġġetti relatati mas-suġġett vokazzjonli li kien ser jiġi mgħallem hemmhekk. Intalbu żewġ għalliema għal kull suġġett. F’kull skola kien hemm iżjed għalliema li applikaw biex jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali u allura kellha ssir l-għażla b’intervista f’kull skola. L-għalliema li ntgħazlu ħadu t-taħriġ li ġej: Minn Frar sa Lulju 2011: Tliet programmi ta’ taħriġ, bl-ewwel programm ikun ġimgħa sħiħa ta’ taħriġ għand l- Edexcel , f’Londra. Imbagħad, kellhom żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ f’Malta ma’ teacher trainers mill-Edexcel. Bħala parti mit-taħriġ, l-għalliema ingħataw kopja ta’ Teacher’s Pack u Student’s Handbook . Minn Settembru 2012 sa Lulju 2013: F’Ottubru 2012 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota kellhom l-ewwel Quality Review and Development visit minn assessuri tal- Edexcel . L-għalliema reġa’ kellhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, żeweg programmi oħra ta’ taħriġ u INSET course mat -teacher trainers mill-Edexcel. Minn Settembru 2013 sa Lulju 2014: F’Ottubru 2013 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota qed jerġa’ jkollhom it-tieni Quality Review and Development visit minn assessuri tal- Edexcel . L-għalliema ser jerġa’ jkollhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, u programm ieħro ta’ INSET course mat -teacher trainers mill-Edexcel. F’April 2014 ser jaslu għall-kwalifika tal- BTEC l-ewwel grupp ta’ studenti li qegħdin fil-ħames sena tal-iskola sekondarja u li ilhom jitgħallmu suġġett vokazzjonali għad dawn l-aħħar tliet snin.

suġġetti vokazzjonali — Sillabu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jiddisinja s-sillabu tas-suġġetti vokazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u kwalifiċi għall-iskejjel sekondarji qed jitfasslu lokalment mill-MCAST u l-ITS b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta. Is-sillabi ser jitfasslu matul din is-sena skolastika bis-sehem sħiħ ukoll tal-għalliema li bħalissa qed jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali li jwasslu għall-kwalifiċi tal-BTEC bħala parti mill-proġett pilota.

suġġetti vokazzjonali – allokazzjoni ta’ riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżorsi se jintużaw u jekk hemmx flus allokati għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jagħti d-dettalji dwar l-ispejjeż kapitali fl-iskejjel għall-bini ta’ laboratorji jew workshops għat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti? X’għajnuna se tingħata lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti biex ikunu jistgħu jinvestu fit-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Suġġetti vokazzjonali — konsiderazzjonijiet ta' saħħa u sigurtà

Question

Rigward it-tagħlim fis-suġġetti vokazzjonali, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-konsiderazzjonijiet ta' saħħa u sigurtà li qegħdin jittieħdu fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali fil-proġett pilota qed isir fil-laboratorji tas-suġġetti tat-Teknoloġija, tal-Home Economics, tal-Ikel, u fil-kassijiet. Għalhekk jaqgħu taħt il-konsiderazzjonijiet ta’ saħħa u sigurta’ li hemm fis-seħħ fl-iskejjel. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-uffiċjali tal-Edexcel li kienu żaru l-iskejjel qabel inbeda t-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali biex jiċċertifikawhom bħala ċentri approvati li għandhom ir-rekwiżiti kollha – fosthom provvedimenti ta’ saħħa u sigurtà – biex fihom jista’ jsir it-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali tal-BTEC – li l-erbgħa li huma għandhom unitsobbligatorji ta’ tagħlim fuq is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada – allegazzjonijiet fil-media

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma kien hemm l-ebda tweġiba mill-Ministeru dwar rapport li deher f'ġurnal lokali u l-allegazzjonijiet li saru dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Stante li l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada ma rċeviet l-ebda allegazzjoni ta' irregolarità direttament, dwar l-artiklu li deher fil-ġurnali lokali, f'dan l-istadju l-Fondazzjoni ma ħassitx li kellha bżonn tagħmel stqarrija.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mqabbda mil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jagħmlu xogħol ta' konsulenza mal-Ministeru u fid-Direttorati tal-Edukazzjoni? X'inhu r-rwol tagħhom u kemm hi l-ispiża ta' kull konsulent?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Stipendju lill-persuni li jirrepetu s-sena sabiex jidħlu l-università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda li “jibda jingħata l-istipendju lil dawk l-istudenti tal-Junior College, Higher Secondary u MCAST li jkunu jixtiequ jerġgħu jirrepetu s-sena bil-għan li jidħlu l-Università” hix se tibda tingħata minn din is-sena akkademika? Jista’ jagħti spjegazzjoni ta’ kif se jkun jaf li dawn l-istudenti li se jirrepetu għandhom il-ħsieb li jidħlu l-Università?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inizjattivi finanzjarji bħal ma qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant jiġu mħabbra fil-budgets tal-Gvern.

Skejjel primarji – nefqa totali għal kull student

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3165, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda l-eżerċizzju li tindika b’mod ċar l-ammont tan-nefqa u dak li tinkludi n-nefqa tal-Gvern għal kull student? Min se jagħmlu dan l-eżerċizzju? Meta huwa fil-ħsieb li jkun lest?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-eżerċizzju se jsir għas-sena d-dieħla.

Kulleġġi – medja ta’ studenti fil- Klassijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3163, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ studenti f’kull klassi tal-kulleġġi tal-istat? Jista’ jgħid jekk iqisx din il-medja bħala waħda ideali? Jekk le, x’inhi l-medja ta’ popolazzjoni studenteska f’kull klassi li l-Ministru jqis ideali? Xi pjanijiet għandu biex jersaq aktar lejn din il-medja ideali? Sa meta fi ħsiebu jilħaq din il-medja ideali? Jista’ jikkonferma jekk hux beħsiebu li jbiddel il-kulleġġi sat-tmiem din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Numru ideali ta’ studenti fil-klassijiet — impatt

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3163 u 3164, jista’ l-Ministru jkun aktar speċifiku u jgħid jekk għandux pjanijiet u studju dwar l-impatt finanzjarju u loġistiku ta’ kieku tiġi applikata rata ideali ta’ studenti f’kull klassi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5108.