Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-iskola tas-subien ta’ Raħal Ġdid fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More (eks Ġuże D’Amato) fis-snin li ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-iskola msemmija mill-Onor. Interpellant se tibqa' tintuża għal skop edukattiv.
Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7272, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet? Minn dawn l-applikazzjonijiet kemm ġew aċċettati u kemm ġew rifjutati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sa issa, mill-Universita` ta’ Malta kien hemm 344 applikazzjoni li minnhom 191 ġew approvati filwaqt li 153 ma kienux approvati.
L-applikazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-iStudents Maintenance Grants Board baqgħu ġejjin sat-28 ta’ Jannar 2014.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7107, jista' l-Ministru jelenka kull laqgħa li hu kellu ma' kull prinċipal u kap tal-kulleġġi u f'liema minn dawn il-forahumakollha qalulu li jridu l-co-ed fil-kulleġġi tagħhom? Jista' jelenka ukoll il-laqgħat li kull prinċipal kellu mal-għalliema tiegħu/tagħha qabel wasal għal din id-deċiżjoni/rikjesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Matul is-sena skolastika li għaddiet kif ukoll din is-sena kelli diversi laqgħat kemm mal-prinċipali u l-kapijiet kollha kif ukoll ma' prinċipali ndividwali li urew l-impenn li l-ko-edukazzjoni sekondarja tiddaħħal f'kull kulleġġ ta' Malta u Għawdex.
Università — mature students - stipendju u smart cards
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-mature students tal-Università ta' Malta għadhom mingħajr risposta dwar jekk humiex se jingħataw stipendju u smart card hekk kif kważi għaddiet sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet waslu għand il-Maintenance Grants Board fil-Milied, minkejja li s-sena skolastika kienet ilha li bdiet minn Ottubru. Kien l-SMG Board li ħa l-inkarigu jorganizza u jivvettja dawn l-applikazzjonijiet. Xogħol li suppost sar mill-uffiċjali inkarigati fl-uffiċċju tal-Istudents Maintenance Grants tal-Universita` ta’ Malta u tal-MCAST. Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet diġa ġew deċiżi u r-risposti ntbagħtu lill-Uffiċċju tal-Istipendji sew ġewwa l-Universita` kif ukoll ġewwa l-MCAST, biex jiġu trasmessi lill-istudenti.
Jidher li ma kienu jinżammu l-ebda rekords ta’ x’qed jintalab u x’qed jingħata, u lanqas ma kienet qed tingħata importanza tad-dokumenti meħtiega li suppost jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet bit-talbiet rispettivi, li jkunu jistgħu jagħtu stampa ċara finanzjarja ta’ kull individwu, biex tgħin lill-Bord jasal għal deċizjoni ġusta.
Minħabba li l-Ministru ripetutament jistqarr li jkun ikkonsulta ma’ kulmin hu konċernat dwar bidla ta’ policy, direzzjoni jew riforma fil-qasam edukattiv anke meta min ikun ikkonċernat, fosthom il-Malta Union of Teachers, joħroġ jgħid pubblikament li ma kienx hemm konsultazzjoni xierqa, rigward (a) il-middle schools, u (b) il-koedukazzjoni, separatament, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti (i) ir-rapport dettaljat dwar il-konsultazzjoni li saret mal-Malta Union of Teachers, l-amministrazzjoni ċentrali, l-amministrazzjoni tal-iskejjel, l-edukaturi (inklużi għalliema, koordinaturi f’kull qasam, learning support assistants, kindergarten assistants, counsellors, social workers, il-ġenituri u l-istudenti; (ii) kwestjonarju jew kwestjonarji li seta’ bagħat lil kull sezzjoni indikata, dwar iż-żewġ riformi u x’irriżulta minn dan/dawn il-kwestjonarju/i dwar kull riforma?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Ministeru ilu minn Ġunju 2013 jaħdem fuq id-dħul tal-ko-edukazzjoni sekondarja u ħadem id f'id mal-MUT, Prinċipal, Kap, Assistenti Kapijiet u ġenituri u studenti tal-Kulleġġ Santa Klara. Din l-esperjenza kienet pożittiva ħafna u l-Prinċipali u Kapijiet ta' kulleġġi oħra kollha talbuna biex tidħol ko-edukazzjoni wkoll għandhom. Irċevejna wkoll reazzjoni pożittiva minn ġenituri u għalliema. Dak li rnexxielna nagħmlu b'suċċess bejn Ġunju u Settembru 2013 fil-Kulleġġ Santa Klara nistgħu nagħmluh aħjar fil-kulleġġi l-oħra sa Settembru li ġej. Qed jitħejja rapport dwar x'tgħallimna mill-esperjenza ta' Santa Klara biex nużawh mal-kulleġġi l-oħra. Meta l-gvern preċedenti daħħal ko-edukazzjoni fl-iskola nazzjonali sports ma għamel l-ebda tħejjija serja u konsultazzjoni. Din l-iskola hi suċċess. L-akbar sfida li għandna quddiemna hi kif inħaddmu mixed ability u differentiated teaching li l-gvern ta' qabel daħħal bla tħejjija serja. Bdejna nindirizzaw din il-problema permezz ta' programmi edukattivi alternattivi. Imma għadna fil-bidu u se jsir ħafna iżjed xogħol biex ngħinu lill-għalliema jilħqu lit-tfal b'ħiliet differenti permezz ta' sillabi u pedagoġija addattati.
Minħabba li l-Ministru ripetutament jistqarr li jkun ikkonsulta ma’ kulmin hu konċernat dwar bidla ta’ policy, direzzjoni jew riforma fil-qasam edukattiv anke meta min ikun ikkonċernat, fosthom il-Malta Union of Teachers, joħroġ jgħid pubblikament li ma kienx hemm konsultazzjoni xierqa, jista’ l-Ministru jgħid (a) jekk kwestjonarju elementari jqisux bħala konsultazzjoni serja ma’ xi settur edukattiv indikat u (b) jekk laqgħat ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet diġà meħuda, iqishomx laqgħat ta’ konsultazzjoni wkoll?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7107.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6802, jista' l-Ministru jispjega kif l-istudent fl-MCAST li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tnaqqaslu l-istipendju b'€23?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-istudent indikat mill-Onor. Interpellant irċieva żewġ pagamenti kif ġej:
Pagament ta’ €83.86 li sar fit-2/12/2013. Dan kien l-ewwel pagament ta’ erba’ ġimgħat li jinħareġ mingħajr tnaqqis lil kull student tal-MCAST.
Pagament ta’ €62.89 li sar fil-31/12/2013.
Dan kien it-tieni pagament li jkopri tlett ġimgħat sal-15/11/2013.
Għaldaqstant dan l-istudent ma kellu l-ebda tnaqqis iżda rċieva dak kollu li kien dovut jiġifieri tħallas tal-ewwel seba’ ġimgħat li attenda peress illi attenda l-lezzjonijiet kollha.
Minn issa 'l quddiem l-istudenti ser jirċievu pagament għal kull erba’ ġimgħat u jkollhom tnaqqis biss jekk ma jattendux għal xi lezzjonijiet.
Wara dak li ngħad mill-media fis-27 ta’ Diċembru 2013 u ċjoè li l-istipendji tal-istudenti tal-MCAST tnaqqas iktar milli jitlob l-avviż legali li jirregola tali stipendji post sekondarji, u wara ċ-ċaħda mill-MCAST fi stqarrija li ħarġet dakinhar stess, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ċċekkjax jekk fil-fatt itteħdux xi żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali? Jekk iva, x’irriżulta? Jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu dwar dawn l-iżbalji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali u kompliet tintuża sistema li ilha tintuża numru ta’ snin. Għal din is-sena akkademika, s’issa l-istudenti tal-MCAST tħallsu żewġ pagamenti ta’ stipendji li jkopru perijodu ta’ seba’ ġimgħat bejn l-1 ta' Ottubru 2013 (l-ewwel jum tas-sena akkademika) u l-15 ta' Novembru 2013.
L-ewwel pagament tħallas fit-2 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu €83.86, jiġifieri ħlas għall-erba’ ġimgħat b’mod sħiħ mingħajr l-ebda tnaqqis għall-assentejizmu. It-tieni pagament sar fit-30 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu għat-tliet ġimgħat l-oħra, bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza bejn l-1 ta' Ottubru 2013 u l-15 ta' Novembru 2013.
Il-ħlas li jmiss ikopri l-perjodu mit-18 ta' Novembru 2013 sat-13 ta' Diċembru 2013 u l-ħlas se jsir fis-27 ta' Jannar 2014. L-istudenti imbagħad ikomplu jitħallsu f’perijodi ta’ erba’ ġimgħat, dejjem bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza skont il-każ, sakemm l-istudenti kollha jitħallsu l-ammont kollu dovut lilhom skont l-avviż legali li jirregola l-istipendji.
Dan kollu ġie spjegat b’mod ċar fuq il-paġna tal-
facebook
tal-MCAST fejn reġgħet ġiet imtennija l-istedina lil kull student li seta’ kellu xi mistoqsija fuq il-każ tiegħu jew tagħha partikolari sabiex isir kuntatt mal-uffiċċju tal-istipendji tal-MCAST ħalli jiġi spjegat kull każ b’mod individwali.
Malta Qualification Recognition Information Centre – ċertifikat ta’ rikonoxximent
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum l-Malta Qualification Recognition Information Centre sabiex jagħti ċertifikat ta’ rikonoxximent għall-Masters li tkun ingħatat mill-Università ta’ Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Konvenzjoni ta’ Liżbona tagħti bejn tlieta u erba’ xhur sabiex tingħata risposta meta ċertifikati mressqa għar-rikonoxximent jiġu ppreżentati lil xi Ċentru. Fil-każ ta’ Malta, peress li bħalissa hemm ħafna ċertifikati pendenti dan it-tul ta’ żmien jista’ jieħu anki aktar. Fil-fatt il-medja qed tkun ta’ bejn sitta u tmien xhur. Qed isiru sforzi sabiex is-sistema preżenti titranġa u r-rikonoxximenti jibdew joħorgu fil-ħin adattat.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li ċertifikati maħruġa minn istituzzjonijiet edukattivi statali Maltin, bħall-Università ta’ Malta, m’għandhomx bżonn rikonoxximent mill-MQRIC, jekk iċ-ċertifikat se jintuża Malta, peress li l-Liġi diġà tagħti dan ir-rikonoxximent lil dawn l-istituzzjonijiet.
settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata – baġit u nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kollha tal-Ministeru fis-settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata għas-sena 2012 u l-baġit totali tal-istess settur allokat għas-sena 2013? Jista’ jagħti breakdown tad-dettalji mitluba skont il-line votes tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-nefqa kollha tal-Ministeru fis-settur tal-edukazzjoni għolja u avvanzata għas-sena 2012 u l-baġit totali tal-istess settur allokat għas-sena 2013 hija kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Università ta’ Malta – Istitut tas-Sistemi Ambjentali – korsijiet mingħajr lecturers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex studenti minn diversi korsijiet tal-Istitut tas-Sistemi Ambjentali (Institute of Earth Systems) tal-Università għadhom mingħajr lecturers għal numru ta’ study units minkejja li l-ewwel semestru wasal f’nofsu? X’qed jistenna l-Kunsill tal-Università biex jaħtar lecturers ġodda f’dan l-istitut wara li l-lecturer li kien hemm ma kellux il-kuntratt tiegħu mġedded?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhux minnu li korsijiet tal-Istitut tas-Sistemi Ambjentali tħallew bla lecturers. Individwu li kien diġà qed jgħallem erba’ study-units iddeċieda illi jieqaf minkejja li kien diġà leħaq għallem żewġ terzi mis-sigħat dovuti. L-Istitut jassigura u jiggarantixxi li l-istudenti ma ser jitilfu xejn mit-tagħlim li huma intitolati għalih.
Ministeru għall-Edukazzjoni – ingaġġ ta’ persons of trust
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru bħala persons of trust? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Id-dettalji tal-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati bħala persons of trust jew f'position of trust mal-Ministeru, Direttorati jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, flimkien ma' kopja tal-kuntratti tagħhom, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:-
Dok. 'A' Ministeru/Direttorati Ġenerali
Dok. 'B' Strategic and Priorities Unit (SPU)
Dok. 'C' Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ/Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla/Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija/Kunsill Malti għall-iSport.
Rigward Dok. 'C', il-persuna li kienet ġiet detailed mal-KMS f'position of trust, m'għadiex tokkupa din il-kariga.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżorsi se jintużaw u jekk hemmx flus allokati għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jagħti d-dettalji dwar l-ispejjeż kapitali fl-iskejjel għall-bini ta’ laboratorji jew workshops għat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti? X’għajnuna se tingħata lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti biex ikunu jistgħu jinvestu fit-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li għall-implimentazzjoni tal-proġett pilota tal-erba’ suġġetti vokazzjonali tal-BTEC, intefqet s’issa is-somma ta’ madwar €115,140. Din is-somma tkopri, fost l-oħrajn, l-ispejjeż tat-taħrig tal-għalliema kollha mill-Edexcel; il-kotba tal-istudenti kollha; il-kotba u materjal pedagoġiku ieħor għall-għalliema kollha – tal-Istat, tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti – mdaħħlin fit-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali; iż-żjarat ta’ kull sena mill-uffiċjali tal-Edexcel biex jassessjaw ix-xogħol tal-għalliema u tal-istudenti kollha; iż-żjarat mill-uffiċjali tal-Edexcel biex jassiguraw il-kwalità tal-istandards fl-immaniġjar tat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel kollha; ħlas ta’ miżati ta’ dawn il-kwalifiċi lil dawk l-istudenti li l-familji tagħhom talbu l-għajnuna għaliex qegħdin fuq is-servizzi soċjali; u għoti ta’ fondi supplementari lill-iskejjel kollha sabiex jinxtraw riżorsi meħtieġa għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali.
S’issa ma kienx hemm bżonn ta’ spejjeż kapitali fl-iskejjel għall-bini ta’ laboratorji jew
workshops
għat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti. Dan għaliex it-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali fil-proġett pilota qed isir fil-laboratorji tas-suġġetti tat-Teknoloġija, tal-
Home Economics
, tal-Ikel, u fil-klassijiet.
Kulleġġi t'Għawdex — Higher Secondary Sir M.A. Refalo
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex il-Higher Secondary ta' Għawdex Sir M.A. Refalo, minn din is-sena ġiet taħt il-kulleġġ ta' Għawdex meta skejjel simili f'Malta mhumiex taħt kulleġġi f'Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Għall-ko-ordinazzjoni aħjar tas-sistema edukattiva f'Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet u l-kwalifiki, individwu b'individwu, tal-persuni li qegħdin fil-lista tal-iStanding Selection Panels miżmuma mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li minnhom jintgħażlu bħala membri biex iservu fuq bordijiet tal-għażla u proposti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fl-uffiċċju tal-Prim Ministru m’hemmx listi li minnhom jintgħazlu membri għal fuq bordijiet tal-għazla.Il-bordijiet tal-għazla fis-servizz pubbliku issiru b’approvazzjoni tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku bi proċedura li ilha snin stabbilita .Xi membri tal-bordijiet tal-għazla huma uffiċċjali pubblici irtirati u dan fuq sistema mibdija mill-PAHRO fl-uffiċċju tal-Prim Ministru mxandra fil-gazzetta tal-gvern tal-31 ta’Awwissu 2012.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – segretarju permanenti
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu Segretarju Permanenti ġdid? Jekk iva, min hu? Skont liema kriterji ntgħażel għall-ogħla kariga ta' policy u amministrazzjoni fil-ministeru? Xi preparazzjoni u esperjenza relevanti għandu fil-qasam edukattiv biex ikun jista' jikkontribwixxi b'mod konkret f'dan il-qasam importanti fl-amministrazzjoni u l-futur tal-pajjiż?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nibda biex ngħid li s-Segretarju Permanenti ma jaħtrux il-Ministru, u l-kostituzzjoni hija ċara dwar hekk. Iżda se nwieġeb xorta waħda.
Nikkonferma li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu Segretarju Permanenti ġdid. Dan hu s-Sur Joseph Caruana. Intużaw l-istess kriterji li dejjem intużaw. Kemm ilu jeżisti l-Ministeru tal-Edukazzjoni l-ħatra ta' Segretarju Permanenti okkupawha diversi persuni li ma kinux ġejjin direttament mill-qasam edukattiv. Dan ġara taħt amministrazzjonijiet differenti. Dan il-Ministeru jinkorpora oqsma differenti u mhux tal-edukazzjoni biss. Għall-qasam edukattiv speċifiku l-Ministeru għandu Diretturi Ġenerali u Diretturi. Kif se nsemmi, is-Sur Caruana għandu karriera fl-amministrazzjoni pubblika u l-esperjenza tiegħu tħaddmet taħt amministrazzjonijiet differenti. L-amministrazzjoni preċedenti afdatu mhux f’ħatra waħda imma fi tnejn f’daqqa fl-istess ħin u l-ħidma tiegħu ġiet imfaħħra saħansitra mill-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni Ewropeja.
Is-Sur Caruana, okkupa l-kariga ta’ Aġent Direttur tal-Eżamijiet bejn Novembru 1999 sa Marzu 2000 u Assistent Direttur tal-Eżamijiet bejn Marzu 2000 u Frar 2004.
Matul dan iż-żmien hu ta kontribut fit-tibdil u tfassil tas-sistemi tal-eżamijiet fil-livell Sekondarju u post-Sekondarju, kif ukoll ħa diversi inizjattivi edukattivi fosthom it-tfassil tas-sistema kompjuterizzata fid-Dipartiment tal-Eżamijiet bħall-introduzzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi
online
tal-
e-government
u l-
m-gov
. Kien responsabbli mit-tfassil u l-pubblikazzjoni tal-
Quality Service
Charter
fid-Dipartiment tal-Eżamijiet, kif ukoll ġab l-amministrazzjoni tal -eżamijiet tal-MATSEC fl-istess Dipartiment. Ikkontribwixxa fit-tfassil ta’ inizjattivi li kienu mnedija mid-dipartiment bħall-ECDL. Matul dan iż-żmien huwa kellu kuntatt ma’ universitajiet barranin.
Huwa okkupa l-kariga ta’
Infomation Managament Officer
fi ħdan il-Ministeru tal-Kompetittivita` bejn Frar u Ottubru 2004. Matul dan il-perjodu huwa kkoordina proġetti relatati mas-Sistema tal-Informatika fi ħdan l-istess Ministeru u mexxa t-trasferiment tas-sistema tal-pagamenti tal-liċenzji tat-televiżjoni għas-Servizzi Korporattivi fi ħdan l-istess Ministeru.
Bejn Ottubru 2004 sa Ġunju 2008, is-Sur Caruana serva bħala Direttur tas-Servizzi Korporattivi fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura u s-Sajd fejn ta gwida u sapport lid-Direttorati f’affarijiet finanzjarji u ta’ riżorsi umani.
Minn Awwissu 2007 sa Ġunju 2008 kien Aġent Direttur tal-Aġenzija għall-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, u bejn Ġunju 2008 sa Ġunju 2013 serva bħala Kap tal-Aġenzija għall-Pagamenti tal-Fondi Agrikoli. Matul dan iż-żmien serva wkoll bħala Aġent Direttur Ġenerali tas-Sajd bejn Ottubru 2011 sa April 2013.
Matul dan iż-żmien huwa ta kontribut sabiex itejjeb is-servizzi u l-operat ta’ dawn id-Direttorati, kif ukoll ħa sehem intensiv fid-diskussjonijiet li kienu qegħdin isiru fir-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni kif ukoll tal-Politika tas-Sajd Komuni rispettivament kemm fuq livell lokali u kif ukoll fi ħdan il-Kummissjoni Ewropeja.
Sabiex itejjeb is-servizzi li jingħataw kemm lill-bdiewa u lis-sajjieda, is-Sur Caruana waqqaf
‘call centres’
għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u tas-sajjieda rispettivament. Infatti twaqqaf il-
Call Centre
għall-bdiewa ġewwa Ta’ Qali filwaqt li fi ħdan id-Direttorat tas-Sajd twaqqaf servizz ta’ 24 siegħa Call Centre fejn is-sajjieda jistgħu jinqdew f’kull ħin tal-ġurnata. Tnieda wkoll servizz
online
għall-bdiewa.
Dawn il-kisbiet setgħu jinkisbu permezz ta’ tmexxija effettiva u soda u użu aħjar tar-riżorsi. F’dan il-Ministeru s-Sur Caruana ser ikompli jikkontribwixxi għall-governanza aħjar sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa u jiġu implimentati l-istrateġiji varji fl-iżvilupp tas-sistema edukattiva, fix-xogħol u fl-oqsma l-oħra li jaqgħu fi ħdan dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemm xi voti mill-budget tal-edukazzjoni 2013, li ġew mnaqqsa minn kif approvati? Jekk iva, liema? Jekk iva, x’inhu l-ħsieb wara dan it-tnaqqis, vot b’vot?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar il-qasam tal-Edukazzjoni qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali f’investimenti kapitali mill-2008 sal-lum li saru sabiex titwettaq l-istrateġija tal-e-learning? Fiex tikkonsisti dan l-infiq? Kemm intużaw Fondi Ewropej?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li n-nefqa totali f'investimenti kapitali mill-2008 sal-lum li saret mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex titwettaq l-istrateġija tal-e-Learning kienet ta' €1.9 miljun. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-infiq relatat mal-istrateġija tal-e-Learning li sar mill-e-Learning Centre mill-2008 sal-lum. Taħt il-kategorija "Resources" insibu teknoloġiji li jgħinu lil studenti bi bżonnijiet speċjali, pubblikazzjoni tal-magażin "LearnIT" u xiri ta' hardware u software bħall-NXT, PRO BOTs, Wii, Digital Camcorder, Talking Photo Albums, eċċ.
Dwar in-nefqa ta' Fondi Ewropej fir-rigward tal-Istrateġija tal-
e-Learning
, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Aġenzija tal-Gvern għall-Informatika.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar shortfalls fil-voti tal-budget għal din is-sena li qed jipproġetta sal-aħħar ta' din is-sena? Jista' jgħid liema huma l-line votes? Kemm hija x-shortfall ta' dawn il-line votes?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li x-shortfalls fil-Vot 15 (Ministeru) u Vot 16 (Edukazzjoni) tal-Budget għal din is-sena kif ġew indikati mill-entitajiet jammontaw għal madwar €15.6 miljun.
It-tagħrif dettaljat mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3718, jista' l-Ministru jgħid kemm qiegħed jiġi pproġettat li se jagħti fondi lill-iskejjel tal-Knisja sal-aħħar ta' din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-talba totali mill-iskejjel tal-Knisja sal-aħħar tas-sena hija proġettata li tkun ta’ €49,684,283.28. Il- fondi allokati taħt Line Item 5024 – Church Schools għall-2013 huwa ta’ €48,500,000.00. Se jintalbu fondi addizzjonali ta’ €1,184,283.28 mill-Ministeru tal-Finanzi.