Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kriterji għall-għażla tal-istudenti għall-kors ta’ ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-għażla tal-istudenti għall-kors ta’ ċertifikazzjoni għat-tagħlim tal-etika fl-iskejjel wara li dawn ikunu eliġibbli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-istudenti li ser ikunu eliġibbli huma dawk li jattendu fl-iskejjel fejn se jkun introdott it-Tagħlim tal-Etika u li ma jattendux għall-lezzjonijiet u l-attivitajiet tar-Reliġjon.

Skejjel tal-Knisja — fondi allokati

Question

Peress li skont l-estimi tal-Gvern għas-sena kurrenti 2014, l-iskejjel tal-Knisja kienu allokati €48 miljun u peress li din is somma hi ekwivalenti għas-somma li kienet allokata għas-sena 2013, jaħseb il-Ministru li s-somma allokata għas-sena 2014 tista' tkopri ukoll iż-żidiet fis-salarji għall-għoli tal-ħajja (il-COLA), kif ukoll iż-żidiet fl-iskali tas-salarji u allowances oħra relatati tal-impjegati? Jista' jgħid jekk hux qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni biex l-iskejjel tal-knisja jkollhom il-fondi meħtieġa biex jiffunzjonaw tajjeb?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li din il-materja hija s-suġġett ta' laqgħa interna din il-ġimgħa.

Kulleġġ Santa Tereża Skola Sekondarja tal-Bniet — eżami li beda tard

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-ġimgħa l-oħra (bejn l-10 ta' Frar u l-14 ta' Frar) eżami partikolari fil-Kulleġġ Santa Tereża Skola Sekondarja tal-bniet (fejn bħalissa l-fifth formers qegħdin jagħmlu l-eżamijiet), bi żball beda kwarta tard? Peress li xi għalliema, b'mod responsabbli ħassew li kellhom jagħtu kwarta wara l-ħin li suppost spiċċa l-eżami u oħrajn m'għamlux hekk bil-konsegwenza li xi studenti ġew żvantaġġati, jista' jikkonferma jekk l-amministrazzjoni tal-iskola, tatx direzzjoni ċara x'kellu jsir? Jekk tali direzzjoni ma ngħatatx, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi fil-perjodu msemmi bejn l-10 u l-14 ta’ Frar, ma jirriżultax li kien hemm xi eżami li beda tard. Barra minn hekk, l-istudenti kollha ngħataw il-ħin kollu kif stipulat fuq il-karta tal-eżami. Infurmat ukoll illi l-amministrazzjoni tal-iskola tat direzzjoni ċara dwar il-ħinijiet li fihom kellhom jibdew u jispiċċaw l-eżamijiet, skont il-ħin stipulat fuq il-karta tal-eżami.

Ftuħ ta’ skola medika — numru ta’ studenti

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’numru ta’ studenti se jidħlu jistudjaw kull sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

F'dan l-istadju ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għan tal-MoU huwa li jkun hemm kollaborazzjoni bejn Queen Mary Barts Medical School u l-Gvern Malti bil-ħsieb li flimkien titwaqqaf istituzzjoni edukattiva li tiffoka fuq Health Sciences ġewwa Malta.

Ftuħ ta’ skola medika – tip ta’ korsijiet

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ korsijiet se jiġu offruti, per eżempju se jkunu ta’ livell undergraduate, graduate entry jew postgraduate?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7963.

Ftuħ ta’ skola medika — studenti tal-mediċina

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-proposta tilqax biss studenti tal-mediċina?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7963.

Ftuħ ta’ skola medika – konsultazzjoni mal-Università ta’ Malta

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx xi tip ta’ konsultazzjoni mal-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlametari Nru. 7963.

Ftuħ ta’ skola medika – każijiet fl-Isptar f’Għawdex

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom il-firxa u volum meħtieġ ta’ każijiet fl-Isptar ġewwa Għawdex biex tassew isiru tobba kompetenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7963.

Ftuħ ta’ skola medika – reklutaġġ ta’ għalliema

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkunu reklutati l-għalliema? Min se jkollu l-opportunità jintgħażel biex jifforma parti mill-fakultà? Jekk se jkunu barranin kif se jkollhom aċċess għall-pazjenti li huma taħt il-kura tal-konsulenti li jaħdmu fis-sistema tas-saħħa pubblika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7963.

Proġett ta’ użu ta’ tablets

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm se jkun in-numru ta’ skejjel li se jieħdu sehem fil-proġett pilota dwar l-użu ta’ tablets? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-iskejjel se jkunu mis-settur statali, tal-knisja u indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

In-numru ta' skejjel li se jieħdu sehem fil-Proġett Pilota tat-Tablets għad irid jiġi determinat wara li jkunu evalwati s-sottomissjonijiet mis-suppliers skont is-sejħa pubblika li għalqet fil-5 ta' Frar 2014. L-għażla tal-iskejjel tiddependi wkoll mill-għalliema voluntiera li se japplikaw biex jieħdu sehem bil-klassi tagħhom fil-proġett pilota minn Ottubru li ġej. Is-sejħa għal dawn l-għalliema, li ħarġet wara konsultazzjoni mal-Malta Union of Teachers, tagħlaq fil-21 ta' Frar 2014. L-għażla tal-għalliema, skont l-applikazzjonijiet sottomessi, se ssir mid-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalitá u Standards fl-Edukazzjoni, li qed imexxi l-proġett tat-tablets. L-intenzjoni tad-Dipartiment tal-eLearning hija li jkun hemm skejjel tal-Knisja u Indipendenti inklużi fil-proġett pilota.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7688, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-applikazzjonijiet għal stipendju supplimentari kienu rifjutati lill-istudenti li kienu jeħduhom is-sena li għaddiet meta ċ-ċirkostanzi tad-dħul fil-familja ta’ dawn l-istudenti ma nbidlux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni għall-Maintenance Grant ma ġiet rifjutata, u kull applikazzjoni li waslet lill-Bord ġiet ikkunsidrata bir-reqqa, abbażi tad-dokumenti li ġew ippreżentati mal-applikazzjoni, u ċ-ċirkostanzi li ġew elenkati mill-applikant stess. Tajjeb li wieħed jinnota illi kull min kellu risposta negattiva u talab reviżjoni dan sar u għadu ukoll fiż-żmien li jista’ isir. Tajjeb li wieħed ukoll jirrimarka li din is-sena l-applikazzjonijiet li waslu għand il-Bord barra li waslu lejn l-aħħar ta’ Dicembru, 2013, kellhom ukoll nuqqas konsiderevoli ta’ dokumenti relatati ma’ kull talba, u l-Bord seta’ biss jiddeċiedi fuq dawk id-dokumenti li kellu quddiemu.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7687, il-Ministru jaf li kien hemm mature students li rċievew risposta li l-applikazzjoni tagħhom għall-istipendju kienet rifjutata abbażi tal-Avviż Legali tal-2005?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni minn mature students ma kienet rifjutata mill-Bord. Kull applikazzjoni li waslet għand il-Bord kienet ikkunsidrata bir-reqqa abbażi tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni u maċ-ċirkostanzi elenkati mill-istess applikant u annessi wkoll mal-applikazzjoni. Fil-fatt ħafna kienu il- mature students li talbu għal reviżjoni, u wara li ssottomettew id-dokumenti relevanti li kellhom nieqsa kellhom risposta pożittiva. Il-possibilta` li ssir talba lill-Bord għal reviżjoni tibqa’ miftuħa matul is-sena akkademika u fil-każ li ċ-ċirkostanzi tal-individwu jinbidlu dan dejjem jista’ javviċina lill-Bord. Sfortunatament ħafna kienu l-applikazzjonijiet li kellhom dokumenti neqsin meta waslu għand il-Bord anke jekk ħadu xhur sħaħ biex waslu mingħand l-istituzzjoni rispettiva għal għand il-Bord.

Avviż Legali dwar l-Istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Avviż Legali tal-2005 dwar l-istipendji kien emendat b’Avviż Legali tal-2012 li permezz tiegħu l-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students ma baqgħux ikunu deċiżi abbażi tad-dħul tal-istudent imma fuq kriterji differenti li jekk ikunu applikati sew, ħafna aktar mature students jikkwalifikaw għall-istipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nikkonferma li l-Avviż Legali ġie emendat diversi drabi fosthom bl-Avviż Legali Numru 347 u 431 tal- 2012. L-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students qed ikunu deċiżi abbażi tad-dispożizzjonijiet kollha proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ dan kollu u inkluż ukoll dak li kien stabbilixxa l-Bord dawn l-aħħar snin.

Bidliet fil-liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida

Question

Wara li ħareġ dokument ġeneriku li permezz tiegħu l-Ministru talab konsultazzjoni dwar bidliet fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jindika jekk hux beħsiebu joħroġ xi dokument sostanzjali bħala bażi għal diskussjoni pubblika kif ukoll mal-istituzzjonijiet konċernati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hija konsultazzjoni miftuħa fejn fl-ewwel stadju qed nistennew proposti minn kull min irid iressaqhom 'il quddiem.

Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-proposti ta’ tibdil min-naħa tal-amministrazzjoni preżenti għal Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida? Saret konsultazzjoni interna dwar dawn il-proposti ta’ tibdiliet ma’ uffiċjali fid-Direttorati, Prinċipali ta’ Kulleġġi, Kapijiet ta’ Skejjel, l-MUT, il-ġenituri, kif ukoll il-mexxejja tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kull min hu nteressat li jressaq proposti dwar kull aspett tal-liġi tal-edukazzjoni għandu kull opportuniutà jagħmel dan.

Screening ta’ head lice

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-servizz tal-iscreening ta' head lice minn żewġ impjegati tal-gvern ingħata b'direct order lill-kumpanija privata? Jekk dan hu minnu x'kienet ir-raġuni? Jista’ jiċċekja jekk hux minnu li dan l-istess individwu li ngħata direct order fil-fatt qed iġiegħel lill-ġenituri jixtru prodotti mill-istess ħanut tiegħu meta t-tfal tagħhom jinstabu pożittivi għall-head lice?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-iscreening għall-head lice fl-iskejjel ingħata lil kumpanija privata, bl-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi, wara sejħa pubblika għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Settembru, 2013. Il-kumpanija privata li rebħet it- tend er ma ġietx mitluba li tbiegħ il-prodotti lill-ġenituri.

Kors ta’ Masters in Psychology

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors ta’ Masters in Psychology li normalment kien jiftaħ kull sentejn hux se jiftaħ għas-sena akkademika 2014-2015? Jekk le, jista’ jagħti r-raġuni għalfejn mhux se jiftaħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors li jwassal għall-grad ta' Master of Psychology, kif ilu pprovdut għal diversi snin darba kull sentejn, hu ppjanat li jerġa' jiġi offrut meta jmiss, jiġifieri f'Ottubru 2014. Id-Dipartiment tal-Psikoloġija qiegħed jeżamina u jevalwa l-kors preżenti biex jara kif jista' jżid in-numru ta' psikologi li jiġu mħarrġa fl-oqsma eżistenti, iżid it-taħriġ f'oqsma ġodda tal-professjoni, u anki jgħolli l-livell tat-taħriġ għal min jixtieq, u b'hekk ikun qiegħed jindirizza wkoll il-bżonnijiet tal-pajjiż.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kejl qed jintuża biex ikunu deċiżi dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma sar ebda tibdil fil-kejl li qiegħed jintuża u li kien fil-fatt qed jintuża taħt l-amministrazzjoni preċedenti biex ikunu deċiżi dawn l-applikazzjonijiet.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid x’jikkunsidra l-bord li jkun il-minimum tad-dħul fil-familja, biex student/a jingħata s-supplementary grant?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Bord qed jimxi fuq il-prassi li kienet segwita għal diversi snin, dik li tistipola li jekk student/a jew il-breadwinner jew il-familja għandha dħul globali ta' aktar minn €11,000 ma jkunx intitolat għas-Supplementary Grant. Madankollu, il-Bord f'ċerti cirkostanzi, jikkunsidra fatturi oħra minkejja l-qliegħ globali tal-familja jekk din taqbeż is-somma msemmija.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7386, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mil-livell post sekondarju u kemm minnhom kienu milqugħa jew miċħuda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda applikazzjoni minn mature students fil-livell post sekondarju għall-istipendju u smart card.