Legislature:
Category:
Reset
Active:

Educational Village — akkademja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjan tal-Amministrazzjoni preċedenti biex tinbena l-Akkademja fuq art tal-Gvern li kienet għaddiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal dan il-proġett, issa hux se jsir? X’se jsir minn din l-art? Huwa minnu li issa l-Akkademja se tinbena fil-Ħamrun flok l-iskola Maria Assunta? Jeżisti master plan ta’ dan il-proġett il-ġdid? Huwa minnu li dan se jkun jifforma parti minn educational village? X’se jkun jinkludi dan il-villaġġ? Kemm se tkun kbira l-Akkademja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fuq din l-art imsemmija mhux se tinbena Akkademja. Għadu qiegħed jiġi studjat x’jista jkun l-użu ta’ din l-art. Il-proposta biex tinbena l-Akkademja ġiet imressqa lill-FTS biex tiġi studjata l-possibilta` u tkun ikkunsidrata fil-Master Plan tal-Educational Village. Il-Master Plan għadu mhux finalizzat.

Skola tal-Mużika – użu ta’ binja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-bini fejn qabel kienet l-iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran se jgħaddi f’idejn xi ħadd ieħor jew Ministeru ieħor? X’se jkun l-użu ta’ din il-binja? Sakemm jinbena l-educational village u l-akkademja, l-iskola tal-Mużika se tibqa’ topera minn fejn qed topera bħalissa jew se timxi fil-bini fejn qabel kienet l-Iskola Sekondarja tas-subien fil-Marsa? Jekk hemm xi pjan, meta se jsir dan iċ-ċaqliq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-bini fejn qabel kienet l-iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran se jgħaddi f’idejn il-Ministeru tat-Turiżmu, għall-użu tal-Ministeru. Qed jiġu evalwati siti alternattivi biex jiġi identifikat post li jkun jista’ jakkomoda l-iskola tal-Mużika, peress li fil-futur mhux se tibqa’ topera fil-bini li qabel kienet l-iskola Sekondarja tas-subien fil-Marsa. It-trasferiment isir meta jiġi identifikat il-post.
Leg 12 PQ #8609 Sitting 132 2014-03-24 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ħaż-Żebbuġ – Ċimiterju – oqbra għall-bejgħ

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8384, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar għaxar kuntratti tal-bejgħ tal-oqbra msemmija?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-kuntratti msemmija, kienu saru meta l-Onorevoli Membru kien għadu Ministru tas-saħħa.
Leg 12 PQ #8409 Sitting 131 2014-03-18 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata — vetturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8322, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni rikjesta billi jinkludi fit-tweġiba d-data tal-manifattura tal-vetturi u dumpers kollha?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata hemm żewġ vetturi li qed jintużaw bħalissa dawn huma li ġejjin: Tip ta’ vettura Is-sena tal-manifattura Van – Ford Transit 1989 Van - Subaru Sambar 1997
Leg 12 PQ #8384 Sitting 130 2014-03-17 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ħaż-Żebbuġ – Ċimiterju – oqbra għall-bejgħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8319, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx oqbra tal-Gvern fiċ-Ċimiterju Qalb ta' Ġesu li hu mmexxi mill-Knisja? Jekk iva, kemm minn dawn huma tal-komun u kemm huma għall-bejgħ? Dawk tal-bejgħ se jiġu offruti skont il-lista ta' stennija ta' 236 applikant f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li meta kienu bdew jintużaw l-oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Qalb Ta’ Ġesu, Ħaż-Żebbuġ kienet ittieħdet id-deċiżjoni li ma jkunx hemm oqbra tal-kumun. L-oqbra kienu inbiegħu lill-individwi li kienu fil-lista ta’ stennija u bħalissa m’hemmx oqbra għall-bejgħ.

Trasferiment ta’ Data ta’ Persuni li jattendu Istituzzjonijiet Edukattivi

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 76 tal-2014, ATT dwar is-Servizzi Ta’ Impjieg u Taħriġ (Kap. 343) Regolamenti tal-2014 għat-Trasferiment ta’ Data ta’ Persuni li jattendu Istituzzjonijiet Edukattivi, jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jwieġeb is-segwenti mistoqsijiet: (1) jgħid x’wassal biex ħareġ dan l-Avviż Legali, x’kienu l-iskopjiet li għalihom ħareġ, u kif u minn min se tintuża l-informazzjoni u d-data dwar l-istudenti individwali; (2) jgħid jekk ikkonsultax mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi qabel ma ppubblika dan l-Avviż Legali minħabba x-xogħol involut biex tinġabar din l-informazzjoni; (3) jgħid jekk ikkonsultax mad- Data Protection Commissioner biex jara jekk il-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi jistgħux jagħtu l-informazzjoni mitluba mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-ġenituri tal-istudenti; (4) jgħid x’jiġri jekk il-ġenituri joġġezzjonaw li jagħtu informazzjoni u data dwar uliedhom; (5) jagħti assigurazzjoni li l-informazzjoni u d- data miksuba tintuża esklussivament għal raġunijiet ta’ riċerka jew fl-interess dirett tal-istudenti konċernati u għall-ebda interess ta’ terzi; u (6) jagħti assigurazzjoni li l-informazzjoni u d- data miksuba tkun taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ min jiksibha skont l-Avviż Legali u dan ikun kontabbli għal kif tintuża din l-informazzjoni u data ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġibiet minn (1) sa (6) huma kif ġej: (1) Il-Gvern permezz tal-inizjattiva Jobs+ huwa kommess illi jwettaq riċerka meħtieġa biex jara l-konnessjoni bejn l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-postijiet tax-xogħol li l-istess żgħażagħ isibu meta jibdew jaħdmu. (2) Iva (3) Iva (4) Id-data ser tintalab mill-istituzzjonijiet edukattivi u mhux mill-ġenituri. (5) Iva (6) Iva
Leg 12 PQ #8322 Sitting 129 2014-03-12 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ vetturi jew dumpers (funzjonabbli) li bħalissa qed jintużaw fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u jagħti wkoll id-data tal-manifattura tagħhom?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Fl-Addolorata qed jintużaw l-istess vetturi li kienu jintużaw fiż-żmien li l-Onorevoli Membru kien Ministru tas-Saħħa.
Leg 12 PQ #8316 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata – xiri ta’ oqbra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru konvenji sa issa għal xiri ta' oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u kemm inġabru flus b'kollox fuq l-istess konvenji? Meta se jsiru l-kuntratti tal-istess konvenji?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-proċess tal-konvenji fuq ix-xiri tal-oqbra nbeda fi Frar tal-2013 u s’issa saru 393 konvenju. Dan il-proċess ġie sospiż peress li l-permess tal-bini tal-oqbra kien skada f’Ġunju tal-2011 u ma kienx reġa ġie mġedded. Il-ħlas kien ta’ €2500 hekk kif stabbilit fl-Avviż Legali 327 tal-2012 - Ordni tal-2012 li jemenda l-Ordni dwar il-Prezz li għandu jitħallas għall-Akkwist ta’ Oqbra u Siti għal Oqbra u għalhekk b’kollox inġabret is-somma ta’ €982,500. Il-proċess tal-kuntratti jitkompla kif stabbilit fil-konvenji jiġifieri wara tlett snin mill-iffirmar tal-istess konvenji.
Leg 12 PQ #8317 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata — tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess għat-tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-permess maħruġ mill-MEPA PA0556/02 li kien ħareġ fis-26 ta' Ġunju 2006 u li kellu terminu ta' ħames snin skada f’Ġinju tal-2011 u ma reġax ġie mġedded. Għaldaqstant kellu jinbeda l-proċess għall-applikazzjoni mill-MEPA mill-ġdid. Kif dan il-permess jinħareġ mill-MEPA jkun jista` jitkompla l-proġett tat-tkabbir li tant huwa mistenni minn dawk l-eluf ta’ applikanti li ilhom jistennew is-snin.
Leg 12 PQ #8318 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Infetti — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitkompla l-proġett taċ-Ċimiterju tal-Infetti u jekk iva f'liema stadju wasal?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li kien ġie deċiż li d-development permit application bin-numru ta’ referenza 01659556-7188-9 li ġiet sottomessa lill-MEPA fl-20 ta’ Jannar, 2012 ma tkompliex peress li x-xogħolijiet li kienu jridu jsiru kienu ser jiswew hafna flus minħabba l-lokazzjoni taċ-ċimiterju u l-ġeologija tas-sit in kwistjoni.
Leg 12 PQ #8319 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ħaż-Żebbuġ – Ċimiterju – oqbra għall-bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx oqbra għall-bejgħ fiċ-Ċimiterju ta’ Ħaż-Żebbuġ u kemm hemm individwi jistennew biex jixtru qabar fl-istess ċimiterju?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa m’hemmx oqbra għall-bejgħ fiċ-Ċimiterju Sant’ Andrija f’Ħaż-Żebbuġ. Il-lista ta’ stennija għal dan iċ-ċimiterju hija ta’ 236 applikant.
Leg 12 PQ #8320 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterji — privatizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu għaċ-ċimiterji tal-gvern u ċjoè jekk hux se jibqgħu mmexxija mill-ħaddiema tal-gvern jew mill-privat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li s’issa m’hemm l-ebda ħsieb li ċ-ċimiterji tal-Gvern jitmexxew mill-privat.
Leg 12 PQ #8321 Sitting 128 2014-03-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ċimiterju tal-Addolorata — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-manutenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata matul is-sena 2013 u Jannar u Frar 2014 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinxtara apparat, makkinarju jew vetturi sabiex jintużaw fl-istess ċimiterju?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li matul is-sena li għaddiet sar xogħol ta’ pavimentar u patching tat-toroq. Dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Works Division u s-somma li ntefqet għal dan ix-xogħol laħqet l-ammont ta’ €7406.80 Matul ix-xahar ta’ Jannar 2014 inbeda il-proċess tal-ħruġ tat-tender biex jitwaqqa ħajt li kien ilu ndikat fi stat ta’ periklu s’a mill-2003 u jerġa jinbena. L-istima għal dan ix-xogħol huwa ta' €22,000. Il-makkinarju huwa l-aħjar għodda biex tagħti servizz u żżomm iċ-ċimiterju kif mistħoqq għall-pubbliku li jiffrekwenta ċ-ċimiterju f'ċirkustanzi ta’ niket. Tlestew l-ispeċifikazzjonijiet għall-akkwist ta' dumper u żewġ trakkijiet wieħed b’kabina għal tnejn min-nies u trakk ieħor bil-kabina għall-ħames minn nies. Il-proċess għal dan l-akkwist miexi skont kif jitolbu r-Regolamenti tal-Procurement.

Mature Student — stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jindaga r-raġuni għalfejn il-mature student li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mhux eleġibbli għall-istipendju ta’ student universitarju meta jidher li jikkwalifika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudent li rrefera għalih l-Onor. Interpellant naqas milli jipprovdi d-dokumentazzjoni kollha mitluba. Huwa stess kien talab lill-Bord jiksiblu l-informazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxi, ħaga li ma tistax issir minħabba d-Data Protection Act. Ukoll, il-Bord ma setax jikkunsidra favorevolment l-applikazzjoni ta’ dan l-istudent għaliex id-dħul globali tal-Household fuq dak li ddikjara fl-applikazzjoni, jeċċedi t-threshold li fuqu jimxi l-Bord biex jiddetermina l-każ. L-istudent imsemmi jaħdem ukoll part-time u ma ddikjarax x’inhu d-dħul tiegħu.

Memorandum of Understanding — Queen Mary Bart Medical School

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School għadu fil-fażi preliminari u huwa ta’ natura kunfidenzjali, ma huwiex opportun li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #8247 Sitting 126 2014-03-05 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Memorandum of Understanding — Queen Mary Bart Medical School

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li f’dan l-istadju ma nħossx li għandi nippubblika ċertu dettalji.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — service managers fid-DES

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. kemm-il sejħa għal service managers kien hemm fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol minn Marzu 2013 sa Jannar 2014; b. kemm laħqu services managers fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol fl-istess perijodu; ċ. liema kariga kienu jokkupaw fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol fl-istess perijodu; d. f'liema skala kienu s-service managers il-ġodda fid-DES, qabel ma nħatru fl-istess perijodu; e. liema dipartimenti jew sezzjoni qegħdin iservu bħalissa s-service managers il-ġodda fid-DES; u f. liema kienu dawk is-sejħiet fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol minn Marzu 2013 sa Jannar 2014, li d-data tal-għeluq tagħhom ġiet estiża? Liema raġuni ngħatat għal din l-estenzjoni fl-istess perijodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tweġibiet minn a) sa f) li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftuħ ta’ skola medika — lawrija

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid liema istituzzjoni se toħroġ il-lawrija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7963.

Ftuħ ta’ Skola medika – postijiet bi scholarship

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm postijiet bi scholarship għall-istudenti Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7963.

Tagħlim tal-etika fl-iskejjel – kors ta’ ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji ta’ eliġibbilità għal min se jidħol għall-kors ta’ ċertifikazzjoni għat-tagħlim tal-etika fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors fil-livell postgraduate fit-Tagħlim tal-Etika se jkun offrut mill-Fakulta` tal-Edukazzjoni tal-Università ta' Malta b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan il-kors hu mfassal għall-personnel fl-iskejjel li għandhom Warrant tat-Tagħlim u sena esperjenza fit-tagħlim. L-għalliema għandhom ikunu nteressati li jgħallmu l-Etika fl-iskejjel primarji u sekondarji.