Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat tal-Edukazzjoni – sistema ta’ edukazzjoni inklussiva

Question

Jista’ l-Ministru jserraħ moħħ il-ġenituri ta’ studenti b’diżabilità u l-istudenti nfushom li se jibqgħu jgawdu minn sistema ta’ edukazzjoni inklussiva fil-klassi meta tibda titħaddem is-sistema tal-banding li, kif tindika b’mod ċar iċ-ċirkolari uffiċjali li ħarġet mid-Direttorat tal-Edukazzjoni, se tkun sistema ta’ gruppar (streaming) ta’ studenti skont ir-riżultati miksuba fl-eżamijiet tal-Malti, Ingliż u Matematika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-ċirkolari ma tirreferi qatt għall-istreaming għaliex il-Ministeru hu kontra din is-sistema ta’ gruppar. Iċ-ċirkolari titkellem fuq banding fil-ħames u s-sitt sena tal-primarja. Il-Ministeru qed jintroduċi forom differenti ta’ banding bħala miżura temporanja u mhux permanenti, u din hija waħda minn sensiela ta’ miżuri li ser ikunu qed jittieħdu bħala tħejjija adekwata fit-tagħlim ta’ kwalita’. Din il-politika hija koerenti mar-rapport intern li kien ikkummissjona l-Ministeru tal-Edukazzjoni fl-2007. Għal darb'oħra rrid nagħmilha ċara li l-istudenti b'diżabilita' se jibqgħu jgawdu minn sistema ta' edukazzjoni inklussiva fil-klassi. Irridu nsaħħu din is-sistema biex niżguraw li t-tfal b'diżabilita' jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet kollha tagħhom. Għalhekk qabbadna l-Aġenzija Ewropea ta' Edukazzjoni Inklussiva biex tevalwa s-sistema tagħna u tirrikkmanda kif insaħħuha.

Studenti b’diżabilità — banding

Question

Jista’ l-Ministru jagħti assikurazzjoni lill-ġenituri li l-istudenti b’diżabilità se jkunu inklużi u mhux se jkunu ibbandjati kollha f’daqqa fi grupp wieħed tal-aktar band baxxa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni ta’ mudelli differenti tal-banding l-istudenti bi bżonnijiet partikolari u statemented mhux ser ikunu miġburin fi klassi għalihom. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9345.

Studenti b’diżabilità — banding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif bis-sistema tal-banding, l-istudenti b’diżabilità se jkunu inklużi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bl-introduzzjoni tal-banding l-istudenti bi bżonnijiet partikolari ser ikunu miġburin b’mod ekwu matul il-klassijiet kollha, u mhux ser ikunu miġburin fi klassi waħda għalihom.

Riżultati miksuba mill-Istudenti Maltin

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9213, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-istudji mitluba li jfittxu għal differenzi u jaħgtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta' gender tal-istudenti Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop — studenti tal-Form 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun in-numru ta' studenti tal-ewwel sena (Form 1) fil-Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop f'Settembru li ġej? Xi pjan għandha l-iskola biex tindirizza n-numru ta' tfal li deħlin Form 1? Xi pjan hemm għal futur biex din l-iskola jkollha ukoll il-middle school u tindirizza d-diffikultà ta' numru kbir ta' studenti? Xi ġjan hemm għat-trasport provdut lill-istudenti tal-Form 1? Waqt it-trasport dawn se jitħalltu ma' studenti kbar tal-Form 4 u Form 5?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ studenti tal-ewwel sena (Form 1) fil-Kulleġġ San Benedittu Ħal Kirkop f’Settembru se jkun ta’ 227. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tħejji pjanijiet sabiex tinbena skola ġdida li tkun tintuża bħala middle school . Il-pjan huwa li din l-iskola tkun tista tibda tilqa’ l-istudenti fis-sena skolastika 2016/2017. Għas-sena skolastika li jmiss (2014/2015), il-pjan huwa li l-istudenti tal-Form 1 jużaw il-faċilitajiet li preżentement qed jintużaw mill-istudenti li jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport, peress li dawn ser jiċċaqalqu għal skola oħra ġewwa St. Andrews. Rigward it-trasport, id-Direttorat qiegħed jindirizza s-sitwazzjoni b’mod nazzjonali u mhux fir-rigward ta’ Kulleġġ wieħed biss. F’dan l-istadju qiegħda tiġi evalwata l-aħjar soluzzjoni li trid tigi deċiza sabiex timminimizza diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fuq it-trasport.

Għażla ta' Suġġetti tal-istudenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel/kulleġġi li kellhom ibiddlu l-informazzjoni li kienu taw lill-ġenituri u l-istudenti qabel ma' ngħataw struzzjonijiet ġodda li bidlu s-sistema kollha marbuta mall-għażla tas-suġġetti? X’konsultazzjoni saret mall-għalliema u l-ġenituri biex jiġi spjegat lilhom dawn il-bidliet? Xi pjan hemm fit-twettiq u l-implimentazzjoni tal-bidlatal-għażla tas-suġġetti fil-Form 1? Dawn is-suġġetti se jkollhom l-eżamijiet marbuta magħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li: 1. L-iskejjel/kulleġġi li kellhom jaġġornaw l-informazzjoni li kienu taw lill-ġenituri u lill-istudenti marbuta mal-għażla tas-suġġetti kienu dawk fl-ewwel sena tas-sekondarja u ser ikunu għall-istudenti kollha (mhux selettivi): · Personal, Social and Career Development (li ser ikun żvilupp fuq il-PSD); · Physical and Health Education (li se jkun żvilupp fuq il-PE u l-HE); · Arti Espressiva; Fit-tielet sena sekondarja s-suġġetti selettivi ser jibqgħu offruti, u mis-sena skolastika li jmiss ser ikun introdott ukoll is-suġġett tal-Accounting. 2. Għall-iskop ta' dawn il-bidliet, il-konsultazzjoni li saret mal-għalliema u l-ġenituri biex jiġu spjegati lilhom dawn il-bidliet kienu dawn li ġejjin: a. Saru diskussjonijiet b'mod formali u informali mal-għalliema u l-ġenituri mill-Aġent Direttur tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, bħala parti mill-ġbir ta' data u tagħrif li jinġabar skont l-esperjenzi varji li jkunu għaddejjin minnhom l-istudenti u l-għalliema fir-rigward tat-tagħlim speċifiku u inġenerali, kif ukoll skont il-ħtiġijiet kuntestwali u fil-mira tas-sistema edukattiva b'mod ħolistiku. Ta' min jgħid li d-Diretturi tad-Direttorat ikollhom laqgħat fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta' gruppi, b'mod regolari. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu wkoll skont il-ħtiġijiet ta’ rapporti, assessjar, riċerka u investigazzjonijiet li jsiru minn entitajiet lokali kif ukoll barranin. b. Saru diskussjonijiet intensivi u fit-tul mal-Prinċipali tal-Kulleġġi b'mod kontinwu speċjalment fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. 3. Il-pjan li hemm fit-twettiq u l-implimentazzjoni tal-bidla tal-għażla tas-suġġetti fil-Form 1 huma dawn: Żewġ bidliet ewlenin li ser jidħlu fis-seħħ mis-sena skolastika li jmiss: a. In-numru ta’ lezzjonijiet fl-iskejjel sekondarji kollha ser ikun aġġustat għal 40 lezzjoni fil-ġimgħa mill-1 sal-5 sena. b. Is-suġġetti selettivi għall-Ewwel Sena ser ikunu biss il-lingwi (li kienu jkunu offruti f’Kategorija A). Is-suġġetti selettivi li kienu jkunu f’Kategorija B mhux ser ikunu offruti bħala suġġetti selettivi. Is-suġġetti selettivi: · tal-Arti u l-Mużika ser ikunu integrati fis-suġġett tal-Arti Espressiva li ser ikun offrut lill-istudenti kollha; · tal-Home Economics ser ikun integrat fil-PHE li ser ikun offrut lill-istudenti kollha; u · tad-Design & Technology (Resistant Materials & Electronics) ser ikun offrut lill-istudenti kollha. Dan is-suġġett jista’ jintegra wkoll komponenti tal-Graphical Communication. It-Textiles ser ikun wieħed mill-media li jintużaw fir-resistant materials. 4. Dawn is-suġġetti fil-Form 1 se jkollhom eżamijiet marbuta magħhom: Il-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, ir-Reliġjon, l-Istudji Soċjali, ix-Xjenza, l-Istorja, il-Ġeografija, u l-ICT. Mhux se jkollhom eżamijiet marbuta magħhom is-suġġetti tal-Arti Espressiva, PHE, id-Design & Technology u l-PSCD.

Programm tal-ALP

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir distinzjoni bejn dawk iż-żgħażagħ li ma jistgħux jaslu biex jagħtu xi ‘o’ levels u dawk li għandhom imġieba mhux tajba jew nuqqas ta’ attendenza peress li b'konsegwenza t’hekk hemm diversi nies (speċjalment, career teachers, career jew assistant career advisors li qed jiffokaw fuq dawn l-istudenti (ta’ l-ALP) b’detriment fuq xogħolhom u fuq il-kumplament tal-istudenti l-oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-istudenti li qed jipparteċipaw fl-Alternative Learning Programme (ALP) huma kollha studenti tal-ħames sena tal-iskola sekondarja mill-Kulleġġi tal-Istat u għandhom dritt għas-servizzi ta’ sapport minn professjonisti daqs l-istudenti l-oħra. Qegħdin fl-ALP appuntu għax huma fost l-iktar studenti fil-Kulleġġi li għandhom bżonn is-sapport u s-servizz ta’ Counsellers, Social Workers, Career Advisors u Trainee Career Advisors, Youth Workers, College Prefects of Discipline u professjonisti oħrajn.

Għalliema — Laptops

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’hemm pjanat li jsir bil-laptops tat-teachers issa li għalaq iż-żmien tal-kuntratt tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-pjan kurrenti huwa li dawn il-laptops jibqgħu jintużaw mill-għalliema u jiġu mantenuti skont il-ħtieġa. Dan jibqa’ fis-seħħ sakemm titfassal strateġija li tkompli tipprovdi r-riżorsi teknoloġiċi meħtieġa li għandhom bżonn l-edukaturi sabiex iwasslu l-programmi edukattivi lejn l-istudenti.

MCAST — Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pożizzjoni ġdida nħolqot fi grad ta' Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li nħolqu żewġ (2) pożizzjonijiet ġodda fi grad ta' Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar. Dawn huma: Direttur Kurrikulu: Ġie approvat dan il-post ġdid sabiex l-MCAST tkun f’pożizzjoni li tmexxi aħjar il-bidliet kbar kurrikulari li qed timplimenta u li ħa tkompli tiżviluppa fis-snin li ġejjin. Bħala istituzzjoni edukattiva kbira il-bżonn ta’ dan ir-rwol huwa kritiku għall-iżvilupp tal-MCAST. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej. Direttur għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Komunikazzjoni u Attivitajiet: Ġie approvat dan il-post ġdid sabiex l-MCAST tkun f’pożizzjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku u mal- media kif ukoll sabiex tinħoloq struttura organizzata u akkreditata ta’ attivitaijiet extrakurrikulari għall-istudenti tagħha. Il-proċess tal-għazla għadu għaddej. Infurmat ukoll li nħolqu vacancies għal erba' (4) pożizzjonijiet fi grad ta’ Direttur ġewwa l-MCAST matul l-aħħar 12-il xahar u li ma sarux biex jissostitwixxu Diretturi li laħqu l-età tal-irtirar. Dawn huma: Direttur għal Assikurazzjoni tal-Kwalita (Quality Assurance): Dan il-post ġie vakanti wara l-promozzjoni tad-direttur preċedenti. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej. Direttur (Partnership Office) : Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Direttur Istitut tat-Teknoloġija tal-Informatika u Komunikazzjoni : Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Direttur Istitut tal-Agribusiness: Dan il-post ġie vakanti wara ri-organizazzjoni interna ta’ rwoli. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej.

MCAST – sejħa għall-applikazzjoni għal Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemmx sejħiet għall-applikazzjonijiet oħra għall-gradi ta' Direttur fl-MCAST u jekk fl-affermattiv jagħti dettaliji dwar dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sejħiet għall-applikazzjonijiet għal grad ta’ Direttur fl-MCAST bħalissa hawn pendenti dawn li ġejjin: Direttur għar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Komunikazzjoni u Attivitajiet: Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ April 2014 u għalqet fit-2 ta’ Mejju 2014. Direttur Kurrikulu: Is-sejħa ħarġet fit-22 ta’ April 2014 u għalqet fil-5 ta’ Mejju 2014. Direttur għal Assikurazzjoni tal-Kwalita (Quality Assurance): Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ April 2014 u għalqet fit-2 ta’ Mejju 2014. Direttur fl-Istitut tal-Agrikoltura: Is-sejħa ħarġet fis-27 ta’ Marzu 2014 u għalqet fil-11 ta’ April 2014. Direttur fl-Istitut tal-Inġinerija Elettrika u Elettronika: Is-sejħa ħarġet fil-21 ta’ Marzu 2014 u għalqet fl-4 ta’ April 2014.

Għalliema – Warrant Permanenti

Question

Jista’ l-Ministru jassikura lill-pubbliku u jserraħ moħħ il-ġenituri, li persuni li m’għandhomx il-kwalifiċi meħtieġa skont il-liġi tal-edukazzjoni, inkluż it-taħriġ professjonali, u minħabba f’hekk m’għandhomx warrant permanenti, mhux qegħdin jaħdmu bħala “għalliema” f’istituzzjonijiet tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, minħabba li ma jkunux instabu għalliema kwalifikati u bil-warrant permanenti għas-suġġett jew għall-edukazzjoni primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, wara li jkun ivverifika li l-persuna għandha l-kwalifiki u l-esperjenza kif rikjesti skont artiklu 24 jew 41 tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jagħmel ir-rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-Edukazzjoni li l-persuna tingħata warrant permanenti ta' għalliem. Fil-każ ta' dawk il-persuni li jkunu ngaġġati bħala għalliema imma ma jkollhomx kwalifiki jew esperjenza biżżejjed li bihom jingħataw il-warrant permanenti kif rikjest f'artiklu 24 jew 41, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Ministru tal-Edukazzjoni li jingħata warrant temporanju skont kif mitlub f'Artiklu 25 tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni. Dan huwa validu għal sena u l-għalliem, jekk jerġa jkun ingaġġat, irid iġedded l-istess warrant temporanju. L-applikanti jkunu mitluba jissottomettu mal-applikazzjoni kopja verifikata taċ-ċertifikati u l-kwalifiki li għandhom. Fil-każ ta' dawk li jkunu qed jgħallmu fi skejjel tal-Knisja jew Indipendenti tintalab ukoll kondotta riċenti u anke kopja tal-approval form li tinħareg mill-Education Regulatory Compliance Section fi ħdan id-Dipartiment tal-Quality Assurance. Infurmat ukoll li l-għalliema kollha fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jiġu mpjegati wara sejħa li tinħareġ apposta u li l-kriterji tal-eliġibilita’ tagħha jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti mil-liġi tal-Edukazzjoni. Dawk impjegati bħala Supply għal perjodu definit huma obbligati li jkunu fil-pussess ta’ warrant temporanju skont il-provvedimenti tal-istess liġi.

Scholarship Schemes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema scholarship schemes se joħorġu din is-sena, meta se joħorġu u x’inhuma r-rekwiżiti għal kull scholarship?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riżultati miksuba mill-Istudenti Maltin

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ir-riżultati miksuba mill-istudenti Maltin fl-aħħar eżerċizzju tal-PISA, TIMMS u PIRLS jindikawx li jattendu skejjel żgħar tal-Istat f'Malta u f'Għawdex, kif ukoll skejjel tal-Knisja u skejjel indipendenti, fejn ġeneralment hemm prattika ta’ sistema ta’ klassijiet ta’ studenti b’abbiltajiet mħallta, marrux tajjeb, aħjar jew agħar mil-average tar-riżultati miksuba mill-istudenti Maltin kollha f’kull livell u suġġett partikulari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-natura tas-sampling frame ta’ dawn l-istudji internazzjonali msemmija hi tali li ma tippermettix li joħorġu riżultati fuq bażi ta’ skola individwali iżda, meta Malta ħadet sehem kien ġie mitlub biex l-istudji jfittxu għal differenzi u jagħtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta’ gender tal-istudenti.

MCAST — Diretturi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet jew impjiegi ġodda fi grad ta' Direttur fl-MCAST matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn April tas-sena 2013 kien hemm erba` promozzjonijiet ġewwa l-MCAST fil-grad ta’ Direttur. Ma kienx hemm impjiegi ġodda f’dan il-grad.

MCAST – Sejħa għall-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għal Diretturi kienux miftuħa għall-impjegati tal-MCAST biss jew kinux miftuħa għal kulħadd?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-MCAST taddotta policy fejn l-ewwel tinħareġ sejħa interna għall-postijiet vakanti. Jekk wara dan il-proċess intern, l-ebda kandidat ma jgħaddi mill-proċess tal-għażla, imbagħad tinħareġ sejħa pubblika.

MCAST – Ingaġġ ta’ Diretturi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema dipartiment/i jew Istitut/i tal-MCAST kienu ngaġġati d-Diretturi l-ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-persuni li nħatru fil-grad ta' Direttur qegħdin fl-istituti/dipartimenti tal-MCAST kif se nsemmi: Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ Istitut tat-Teknoloġija tal-Informatika u Komunikazzjoni Dipartiment għar-Riżorsi Umani Partnership Office

Home tuition – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kien li wassal sabiex il-home tuition tal-istudenta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament twaqqaf? X'miżuri alternattivi ttieħdu f'dan il-każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-Home Tuition fi ħdan id-Dipartiment Servizzi għall-iStudent m’għandu l-ebda ċertifikat mingħand ebda Konsulent li jgħid li l-istudenta li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ma tistax tattendi l-iskola. Għalhekk il-Home Tuition ma ġiex imġedded. Il-każ qiegħed f’idejn is- Social Worker tal-Kulleġġ.

Master It — Scholarship

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad l-informazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li minnha jirriżulta li fl-2013 ingħataw 35 scholarship taħt l-iskema tal-M.G.S.S. filwaqt li ngħataw 330 taħt l-Iskema Master It? Għaliex din id-diskrepanza bejn iż-żewġ skemi? X’ammont ta’ flus kien ivvotat għal kull skema? Għaliex l-ebda scholarship ma ngħata fil-management?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-figuri kkwotati minnu f'din il-mistoqsija mhumiex korretti. Fil-fatt, l-għadd ta' boroż ta' studju taħt l-iskema tal-MGSS kien ta' 80 u mhux 35. Barra minn hekk, b'kollox ingħataw 84 scholarship fil-qasam tal-management. L-informazzjoni sħiħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklussiva

Question

B’referenza għall-istqarrija li għamel il-Ministru dwar l-istudju profond li l-Gvern ikkummissjona lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijet Speċjali u Edukazzjoni Inklussiva, rigward il-politika kurrenti tal-inklużjoni tal-istudenti fl-iskejjel, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li ngħatat lil din l-Aġenzija? Jista’ jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħmel xi tibdil fil-politika kurrenti dwar studenti bi bżonnijiet speċjali u/jew dwar l-inklużjoni edukattiva, qabel ma jitlesta l-istudju u jsiru r-rakkomandazzjonijiet mill-Aġenzija msemmija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference mitluba mill-Onor. Interpellant. M’hemm l-ebda ħsieb li jsir xi tibdil.

Akkademja tal-Arti – skejjel tal-Mużika, Arti u Drama

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk hemmx pjan biex titwaqqaf l-Akkademja tal-Arti skont l-Avviż Legali li kien għadda biex propju tiġbor fiha l-iskejjel kollha tal-Mużika, Arti u Drama? Jekk dan il-proċess beda, jista’ jispjega x’sar s’issa u jekk ġewx stipulati timeframes?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Ministeru qiegħed jevalwa dan l-Avviż Legali u għaldaqstant għad m’hemmx pjan ta’ implimentazzjoni, għalissa.