B’referenza għall-Avviż Legali 227 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li l-istudenti li diġà qagħdu għall-eżamijiet tal-bijoloġija qabel ma tħabbar dan l-avviż legali kellhomx jingħataw il-konċessjoni li jkunu jafu minn qabel dwar l-introduzzjoni tal-kundizzjonijiet ġodda li qed tintroduċi l-fakultà dwar id-dħul għall-korsijiet fid-dental hygiene? Ma jidhirlux il-Ministru li jkun aktar trasparenti u ġust li din l-emenda għandha titħabbar issa u tidħol fis-seħħ mill-2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013, ir-regolamenti tal-eżami tal-Matrikola nbidlu b'tali mod li l-istudenti m’għadhomx jingħataw grad ġenerali aktar.
Minħabba f'dan, il-kategoriji tal-applikanti eliġibbli biex jidħlu fil-kors tad-Dental Hygiene kellhom jinbidlu kif hemm miktub fl-Avviż Legali 227 tal-2014. Din l-emenda neħħiet il-ħtieġa tal-grad ġenerali taċ-Ċertifikat tal-Matrikola għax dan ma għadux jingħata mill-MATSEC Board.
Ir-rekwiżit ta’ grad fil-Bijoloġija diġà kien hemm u kien ġie ppubblikat fl-Avviż Legali 42 tal-2013. Għalhekk l-istudenti ilhom jafu li jekk ikun hemm il-ħtieġa tal-għażla, huma se jintgħażlu skont il-grad li jiksbu fil-Bijoloġija.
Huwa mifhum li l-parti l-kbira tal-applikanti għal dan il-kors li se jiftaħ f'Ottubru li ġej għalhekk mhux se jkollhom il-grad ġenerali tal-Matrikola. Li kieku din l-emenda ma saritx, min japplika għal dan il-kors skont ir-regolamenti ġodda tal-Matrikola ma jkunx eliġibbli għad-dħul għax ma jippreżentax il-grad ġenerali.
Hemm 14-il post għad-Dental Hygiene u jkun hemm bżonn li ssir l-għażla biss jekk ikun hemm aktar applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha milli hemm postijiet.
B’referenza għall-Avviż Legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għall-introduzzjoni tal-emendi li qed isiru f’dan l-avviż legali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li peress li dan huwa kors ġdid, dawn l-emendi qed jiġu proposti wara konsultazzjoni mal-ewwel grupp ta’ studenti kif ukoll mal-Bord tal-Istitut tal-Logħob Diġitali. L-akkademiċi huma fid-dmir li jtejjbu l-kors għall-ġid tal-istudenti. Wara taħdidiet li saru mal-istudenti dwar kif jaħsbu li jista’ jitjieb il-kors, il-kummenti ġew diskussi mal-Bord tal-Istitut biex b’hekk qed jiġu proposti l-emendi msemmija.
Kors tal-Master of Science Degree in Digital Gaming – emenda fl-Avviż Legali
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn wara sena mindu beda l-kors tal-Masters of Science Degree in Digital Gaming, diġà qed jiġi emendat fl-avviż legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, il-perijodu ta’ kemm itul dan il-kors? Jista’ jgħid jekk din l-emenda dwar il-perijodu tal-kors tgħoddx ukoll għal dawk l-istudenti li diġà bdew dan il-programm ta’ studju tagħhom is-sena l-oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10243. Wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Istitut tal-Logħob Diġitali u mal-istudenti, ġie deċiż li t-tul tal-kors jinbidel għal sentejn. L-ammont ta’ xogħol li konna qegħdin nistennew mill-istudenti fi tliet semestri (90 krettu ECTS) kien ikkonsidrat eċċessiv. Apparti minn hekk, korsijiet simili multidixxiplinari fuq il-logħob diġitali li qed jiġu mgħallma madwar l-Ewropa jdumu sentejn (120 krettu ECTS). Allura nħass il-bżonn li filwaqt li nkunu konformi ma’ dak li qed jiġri f’korsijiet rinomati fl-Ewropa nqisu wkoll il-bżonnijiet tal-istudenti tagħna.
L-emenda dwar il-perijodu tal-kors ma tapplikax għall-istudenti li diġà bdew il-programm, għalkemm jekk l-istess studenti jiktbu formalment lill-Bord tal-Istitut u jesprimu x-xewqa li jagħmlu dissertazzjoni ta’ 60 krettu ECTS minflok ta’ 30 krettu ECTS (bħalma qed jiġi propost fl-emenda) dan ikun possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn paragrafu 1 tal-ordinament 7 tal-ordinament prinċipali tal-Avviż Legali 311 tal-2013 qed jerġa’ jinbidel wara sena u issa se jiġi jinqara: “L-istudenti huma meħtieġa jippreżentaw dissertazzjoni individwali ta’ mhux aktar minn 60,000 kelma skont il-linji gwida maħruġa mill-Bord”, skont l-avviż legali 236 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni? Jista’ jgħid jekk din l-emenda tgħoddx ukoll għal dawk l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom bħalissa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10244. Għall-istess raġunijiet, il-bdil sar wara l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-istudenti. Iż-żmien fejn wieħed ikompli d-dissertazzjoni tiegħu qed jiżdied minn semestru għal żewġ semestri u b’hekk id-dissertazzjoni ser tingħata 60 krettu ECTS. Dan kollu jirrifletti ż-żieda fil-limitu ta’ kliem li qed jiġi propost.
Din l-emenda ma tgħoddx għal dawk l-istudenti li qed isegwu l-istudji tagħhom bħalissa, sakemm ma jesprimux ix-xewqa tagħhom formalment li jagħmlu dissertazzjoni ta’ 60 krettu ECTS permezz ta’ ittra indirizzata lill-Bord tal-Istitut.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ħalla d-deċiżjoni sabiex jipposponi l-bidu ta' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 sal-aħħar mumenti, meta wieħed iqis li l-Union tal-Għalliema kienet ġibdet l-attenzjoni għad-diffikultajiet li kien hemm minn tliet ġimgħat qabel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu preparatorju, il-Ministeru dejjem ġie infurmat li x-xogħol marbut mal-organizzazzjoni ta' dan is-servizz kien miexi tajjeb anki wara li l-MUT gibdet l-attenzjoni għal għadd ta' nuqqasijiet. Għaldaqstant, il-mira baqgħet li SkolaSajf tiftaħ fid-data stabbilita. Ħadt ir-responsabbiltà li nipposponi l-bidu ta' Skolasajf u Klabb 3-16 meta l-Ħadd fil-għaxija fl-aħħar kien hemm ammissjoni tan-nuqqasijiet serji fit-tħejjija li sa dak il-mument kienu nżammu mistura.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma r-raġunijiet għalfejn l-Università ta' Malta qed tintroduċi fid-dħul għal kors tal-PGCE b'emendi kif imħabbra fl-Avviż Legali 220 tal-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-emendi proposti ġew proposti u diskussi fi ħdan id-Department of Arts & Languages in Education, li huwa d-dipartiment li joffri l-korsijiet PGCE tal-Ingliż, Malti u Reliġjon. Meta ntlaħaq kunsens dwarhom ġew mgħoddija lill-Bord tal-Fakultà tal-Edukazzjoni u ġew diskussi fil-laqgħa tas-27 ta’ Novembru 2013.
L-emendi saru biex jiċċaraw il-kriterji użati għad-dħul fil-kors tal-PGCE, minħabba l-fatt li min jidħol f’kors biex jilħaq għalliem f’dawn is-suġġetti għandu bżonn bażi ta’ għarfien tal-kontenut tal-oqsma speċifikati fl-emenda.
Avviż Legali 220 — konsultazzjonijiet mal-MUT, Direttorati tal-Edukazzjoni u KSU
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux konsultazzjonijiet mal-Malta Union of Teachers, mad-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-Kunsill tal-Istudenti Universitarji dwar l-Avviz Legali 220 tal-2014? Jekk saret konsultazzjoni magħhom, jista' jgħid x'kienet il-pożizzjoni ta' dawn it-tlett organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk kienx hemm laqgħat ta' konsultazzjonijiet oħra u jekk kien hemm ma' min u x'kienet il-pożizzjoni tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ma sarux konsultazzjonijiet ma’ dawn l-organizzazzjonijiet għax l-emendi jikkonċernaw materji akkademiċi.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk hux se jkun hemm inqas studenti li jidħlu għal korsijiet tal-Ingliż, tal-Malti, u tar-Reliġjon mis-snin l-imgħoddija meta wieħed jikkonsidra l-emendi li qed jiġu introdotti fl-Avviz Legali 220 tal-2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-istudenti fil-korsijiet undergraduate (eż. Bachelor of Arts) tal-Ingliż, tal-Malti u tar-Reliġjon isegwu study-units fl-oqsma li huma inklużi fl-emendi proposti. Għaldaqstant mhuwiex previst illi jkun hemm tnaqqis fin-numru tal-istudenti li japplikaw biex isegwu l-PGCE f’dawn is-suġġetti. In-numru ta’ studenti li jsegwu l-kors jiddependi min-numru ta’ postijiet ipprovduti fl-iskejjel biex isir it-Teaching Practice.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-indikaturi li bihom se jkun qed jitkejjel it-titjieb fil-litteriżmu f'Malta u Għawdex bħala konsegwenza tal-Istrateġija Nazzjonali għal-Litteriżmu għal Malta u Għawdex fi żmien tliet snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kulleġġi għandhom sistemi ta' assessjar kontinwu, ċekkjaturi u testijiet fil-litteriżmu.
Fuq livell nazzjonali hemm l-assessjar nazzjonali fil-litteriżmu għal tfal ta' 7/8 snin (Year 3) u l-benċmark għal tfal ta’ 11-il sena, fl-aħħar tal-iskola primarja.
Fuq livell internazzjonali Malta tieħu sehem fil-PIRLS (Progress in International Reading Literacy Study) għal studenti ta' għaxar snin u fil-PISA (Programme for International Student Assessment) għal studenti ta' 15-il sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li se jitwaqqaf Literacy Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni? Jista' jagħti t-terms of refence ta' dan il-unit u jgħid kif se jsir l-ingaġġ tal-ħaddiema fi ħdan dan il-unit? Jista' jgħid kif dan il-unit se jkun differenti minn National Literacy Strategy Unit li diġà jeżisti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nikkonferma li se jitwaqqaf Literacy Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni. Ix-xogħol relatat mal-litteriżmu fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni huwa mżewweġ u rifless fl-istess Strateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex. Huwa mifhum illi l-edukaturi kollha għandhom sehem fit-tisħiħ tal-litteriżmu, madankollu hemm rwoli speċifiċi ta’ edukaturi speċjalizzati sabiex ikunu jistgħu jissaportjaw u jikkordinaw l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex taħt id-direzzjoni tad-Direttorati tal-Edukazzjoni.
L-ingaġġ tal-ħaddiema ser isir skont il-proċeduri stabbiliti.
L-Agenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li ġiet imwaqqfa b’Avviz Legali Nru 192/2014, ser tkun qed tikkordina l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-azzjonijiet li ħa d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jassigura li s-servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jkompli jingħata, wara li f’Ġunju 2013, l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ kienet avżat li ma felħitx aktar tipprovdih hi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jassigura li s-servizz ta’ interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali jkompli jingħata nħareġ tender għall-għoti ta’ dan is-servizz.
Ingaġġ ta’ Learning Support Assistans b’livell ta’ Maltese Sign Language
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-dipartiment ħareġ ċirkolari biex jiġu ngaġġati Learning Support Assistans b’livell bażiku ta’ Maltese Sign Language (MSL) sas-sena skolastika 2018/19? Fuq liema parir sar dan? Hemm xi evidenza li LSA b’livell bażiku ta’ MSL, persuna nieqsa mis-smigħ tista’ tlaħħaq il-Kurrikulum Nazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Iva, nikkonferma li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħareġ ċirkolari għall-uffiċjali pubbliċi fil-gradi kollha ta’ Learning Support Assistants, li għandhom fil-pussess tagħhom ċertifikazzjoni f’Livell 1 u 2 ta’ Maltese Sign Language.
Dan sar biex tfal neqsin mis-smigħ li jużaw il-lingwa tas-sinjali jkun jista’ jkollhom l-appoġġ kontinwu bil-mezz ta’ komunikazzjoni tagħhom. Barra mill-għalliema tal-klassi/suġġetti u l-LSAs, biex persuna nieqsa mis-smigħ tlaħħaq il-Kurrikulum Nazzjonali, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi permezz tad-Dipartiment Servizzi għall-Istudent jipprovdi wkoll għalliema speċjalizzati fl-edukazzjoni u bżonnijiet ta’ studenti neqsin mis-smigħ li joffru appoġġ lill-istudent kif ukoll lill-għalliema u l-LSAs tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li persuni neqsin mis-smigħ m’humiex ċittadini tat-tieni klassi u li ħaqqhom almenu ftit investiment fil-bżonnijiet partikolari tagħhom, biex bħalma jsir f’pajjiżi avvanzati fejn huwa normali li persuni deaf anki jiggradwaw, il-problema tagħhom ta’ komunikazzjoni ma żżommhomx milli jilħqu l-potenzjal tagħhom kollu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Żgur li persuni neqsin mis-smigħ m'humiex ċittadini tat-tieni klassi u fil-fatt id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, minbarra li jipprovdi appoġġ ta’ LSAs għal studenti neqsin mis-smigħ, jipprovdi wkoll għalliema speċjalizzati fl-edukazzjoni u bżonnijiet ta’ studenti neqsin mis-smigħ li joffru appoġġ lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema u l-LSAs tagħhom. Dawn l-għalliema jkollhom taħrig speċjalizzat kontinwu biex ikunu jistgħu joffru l-aħjar appoġġ f’dan il-qasam u b’hekk il-bżonnijiet ta’ dawn l-istudenti ma’ jżommhomx milli jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji dwar kif studenti tal-Form 3 joqogħdu għall- Karta A jew Karta B tas-suġġett tal-Fiżika? Jista' jgħid meta jkunu nfurmati l-istudenti għal liema karta tal-eżami jkunu se joqogħdu? Jista' jinvestiga u jgħid jekk l-iskola Sekondarja Santa Tereża fl-Imrieħel imxewx mal-kriterji? Jista' jgħid x'azzjoni u x’rimedji jistgħu jittieħdu jekk il-kriterji ma ġewx segwiti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kriterji huma dawk li jinsabu fiċ-ċirkulari CMeLD 30/2013 datata 11 ta' Ġunju 2013. Il-kriterju ewlieni huwa l-marka tal-eżami tal-Annwal tax-Xjenza Integrata, fi tmiem il-Form 2. Dawk l-istudenti li jġibu aktar minn 40 marka f’dan l-eżami jitqiegħdu fit-Track 3 tal-Fiżika fil-Form 3. Matul il-Form 3, kemm l-istudenti li jkunu fit-Track 2 kif ukoll dawk fit-Track 3 jimxu mal-istess sillabu tal-Fiżika, pero` tat-Track 2 ikun f’livell iktar ħafif. L-istudenti li jkunu fit-Track 2 u juru progress, jintalbu jmorru fit-Track 3. Studenti oħra li juru x-xewqa tagħhom li jkunu fit-Track 3, jitħallew jagħmlu dan skont id-diskrezzjoni tal-kap tal-iskola. L-eżami annwali tal-Fiżika tal-Form 3, kemm għat-Track 2 kif ukoll għat-Track 3, ikun fih is-Sezzjoni A komuni għaż-żewġ Tracks. Sezzjoni B tkun differenti, bit-Track 3 titlob iktar xogħol minn Track 2.
Meta dawn l-istudenti jaslu fil-Form 5 u jiġu biex japplikaw għas-SEC, l-istudenti tat-Track 2 ikunu mistennija jagħmlu l-karta 2B u dawk ta’ Track 3 jersqu għall-karta 2A. L-iskola Santa Tereża, Sekondarja tal-Bniet, tal-Imrieħel qiegħda timxi fuq dawn il-kriterji.
Filwaqt li fil-prinċipju jista’ jkun hemm qbil dwar l-awtonomija, l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu kif indikati fl-Avviż Legali reċenti 192 tal-2014, Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 497) Ordni tal-2014, jista’ l-Ministru juri kif din l-Aġenzija awtonoma se tikkollabora mill-qrib u b’mod regolari mad-Direttorat Ġenerali għall-Kwalità u Standards tal-Edukazzjoni, b’mod partikulari mad-Dipartimenti/Taqsimiet tad-Direttorat Ġenerali li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Litteriżmu fil-kuntest ġenerali u fl-aspetti differenti tal-Kurrikulu Nazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Huwa maħsub li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tkun qed tixpruna u timbotta t-twettiq tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu. L-Istrateġija hija msejsa fuq il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-Aġenzija se tkun qed taħdem f’kollaborazzjoni sħiħa mad-Direttorat u mad-Dipartimenti relattivi. Dan diġa` qiegħed isir permezz ta’ laqgħat regolari li bdew bejn l-Aġenzija u d-Direttur Ġenerali tad-DQSE u d-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. Il-ħidma favur il-Litteriżmu se ssir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Uffiċjali Edukattivi responsabbli għal-litteriżmu fi ħdan id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu. M’hemm l-ebda ħsieb li tiġi dduplikata l-ħidma. L-Aġenzija se tfittex ukoll li tasal f’dawk l-oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza tad-Direttorat bħal programmi għall-ewwel snin ta’ qabel il-kindergarten, dawk mal-familji u programmi ta’ wara l-ħin. Se tfittex li jkun hemm rabta sħiħa u kontinwita’ bejn il-programmi fl-iskejjel u dawk ta’ wara ħin l-iskola.
Rigward l-Avviż Legali 194 tal-2014, Att tal-Edukazzjoni (Kap.327), jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għalfejn is-Sectors Skills Unit mhux se jibqgħu jagħtu kwalifika sa livell 4?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Avviż Legali 194/2014 jgħolli l-livell minimu li jista’ jingħata mill-Livell 4 għall-Livell 5 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki, u għalhekk jinkludi l-possibilta` li t-Taqsimiet ta’ Ħiliet Settorali jagħtu rikonoxximent lil persuni fil-livelli kollha taħt il-Livell 5, inkluż il-Livell 4.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3806 u jgħid x’inhi l-kariga tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fis-segretarjat tiegħu? X’inhu l-pakkett finanzjarju għal din il-kariga?
Response (MIZZI, KONRAD)
Il-persuna indikata ma taħdimx fis-segretarjat għas-saħħa.
B’referenza għat-tweġiba parlamentari 9324 dwar l-eżerċizzju tal-PIRLS, TIMMS, u PISA li għaddew minnu l-istudenti Maltin f’dawn l-aħħar snin, l-istudji relatati uffiċjali jindikaw differenzi u jagħtu riżultati fuq bażi settorjali u fuq bażi ta’ gender tal-istudenti Maltin, u jidher ċar li l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel Indipendenti li jimplimentaw sistema ta’ klassijiet ta’ abbiltajiet imħallta marru aħjar mhux biss mill-istudenti li jattendu l-iskejjel sekondarji iżda wkoll mill-istudenti fil-Junior Lyceums fejn hi implimentata sistema ta’ klassijiet iggruppati skond ir-riżultati ta’ eżamijiet, jidhirlux l-Ministru li għaġġel meta reġa’ daħħal sistema ta’ ggruppar tal-istudenti fl-iskejjel tal-Istat minflok ma fittex u sab mezzi u metodi kif jissapportja lil dawk l-għalliema li kienu qed isibu xi diffikultà fit-twettiq tas-sistema ta’ klassijiet imħallta, aktar u aktar meta għadd sinifikanti ta’ skejjel primarji tal-Istat se jibqgħu jimplimentaw sistema ta’ klassijiet imħallta minħabba ċ-ċokon tagħhom? Jidhirlux l-Ministru li l-banding se jaffettwa b’mod negattiv lill-istudenti b’diżabbiltà intellettwali għaliex jistgħu jsibu ruħhom kollha fl-aħħar banding?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien ta’ meta saru dawn l-istudji internazzjonali, PIRLS, TIMSS u PISA, jiġifieri fl-2009-10, fl-iskejjel primarji tal-istat kien għadu jitħaddem l-istreaming u għalhekk ir-riżultati miksuba huma minn sistema ta’ streaming (almenu fi skejjel primarji ta’ aktar minn klassi waħda f’kull sena). L-istudju tal-PISA jsir fil-ħames sena tas-sekondarja u għalhekk wieħed ma jistax jgħid li kien riżultat dirett ta’ xi sistema partikulari ta’ tqassim tal-istudenti fil-klassijiet sekondarji. Dak iż-żmien kien għad għandna s-sekondarji u l-junior lyceums kif ukoll l-eżami tal-common entrance għall-iskejjel subien tal-knisja, sistemi li spiċċaw gradwalment mill-2011 ’l hawn.
Ir-riżultati miksuba fis-setturi differenti ta’ skejjel Maltin huma effett ta’ iktar minn kawża waħda. Huwa magħruf illi s-
socio-economic-status
tal-istudenti għandu effett mhux żgħir fuq ir-riżultat miksub. Kull settur tal-edukazzjoni Maltija għandu ħafna x’jitgħallem mis-setturi l-oħra. Kull settur irid iħares lejn is-setturi l-oħra u jitgħallem mit-tajjeb tagħhom. Dan diġa qiegħed isir.
Dawn l-istudji internazzjonali huwa biss riga waħda li tkejjel aspett wieħed tat-tagħlim kollu li jsir fl-iskejjel u barra mill-iskejjel. M’għandux jittieħed bħala xi
league tables
bejn is-setturi jew bejn pajjiż u ieħor. Li wieħed ifittex huwa li jkun hemm titjib fejn huwa meħtieġ, fis-setturi kollha tas-sistema edukattiva Maltija.
Dwar il-parti tal-mistoqsija dwar
banding
nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li diġa tajt għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħu 9345, 9346 u 9347 li ġew imwieġba f'seduta 148.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — tiġdid ta' kuntratt
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9166, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi li ma ġġeddilhomx il-kuntratt tagħhom fil-Ministeru u fid-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu minn Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, fil-Ministeru u fid-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħi, kien hemm żewġ persuni fil-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali li l-kuntratt tagħhom skada u ma ġġeddilhomx wara li skada. Huma stess kienu wrew ix-xewqa li jibdew fażi ġdida fil-karrieri tagħhom barra minn Malta u fil-fatt hekk għamlu.