Jista' l-Ministru jispjega kif ir-riżorsi umani tad-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti ġew affettwati minħabba li diversi professjonisti kellhom jaħdmu fuq dan il-programm flok ikomplu bil-ħidma tagħhom fil-Kulleġġi u l-iskejjel? Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma ġewx ingaġġati persuni ġodda ma' dan id-Dipartiment sabiex imexxu l-Alternative Learning Programme?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali l-istudenti xorta baqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kulleġġi tagħhom f’dak li hu s-servizz ta’ sapport li kienu jirċievu. Il-ġid tal-istudenti kien jitlob li huma jibqgħu jiġu mgħejjuna u ssapportjati minn professjonisti li kienu jafuhom sew, li kienu ilhom isegwuhom fl-iskejjel, u li allura l-istudenti kienu jafuhom u kellhom fiduċja fihom.
Infatti, f’kull ċentru li mexxa l-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali, l-istudenti baqgħu jiġu segwiti kuljum kemm mill-istaff tas-sapport tal-Kulleġġi tagħhom kif ukoll mill-professjonisti psiko-soċjali tad-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudenti fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dan sar skont skeda li tfasslet mid-Dipartiment tas-Servizzi għall-iStudenti li, mas-servizz ta’ sapport mogħti fil-Kulleġġi, assigurat li dawn l-istudenti jibqgħu jieħdu s-sapport intitolati għalih.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10194, jista' l-Ministru jkun speċifiku u jispjega x’se jkunu l-indikaturi tal-azzjonijiet imsemmija fl-Istrategija Nazzjonali tal-Litteriżmu li se jkejlu u jipprovdu titjib fl-istudju internazzjonali (PIRLS u PISA) kif ukoll il-miri fl-assessjar nazzjonali fil-litteriżmu tat-tfal wara t-tielet sena fil-Primarja u l-benchmark għat-tfal ta' 11-il sena? Jista' jgħid kif l-azzjonijiet imsemmija fl-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Litteriżmu mistennija li jilħqu l-miri mixtieqa f'dan il-kejl internazzjonali u nazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal miri speċifiċi u ddettaljati li hemm fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex għall-etajiet differenti. Dawn il-miri huma intenzjonati sabiex isostnu l-indikaturi fil-litteriżmu fuq tliet livelli: 1) ta’ skejjel u kulleġġi 2) nazzjonali u 3) internazzjonali:
1) Indikaturi li fasslu l-iskejjel u l-kulleġġi fis-sistemi ta' assessjar kontinwu, ċekkjaturi u testijiet fil-litteriżmu;
2) Indikaturi nazzjonali li hemm fl-assessjar nazzjonali fil-litteriżmu għal tfal ta' 7/8 snin (Year 3) u l-benċmark għal tfal ta’ 11-il sena, fl-aħħar tal-iskola primarja li jinsabu fir-rapporti rispettivi;
3) Indikaturi internazzjonali skont il-PIRLS (Progress in International Reading Study) għal studenti ta' għaxar snin u fil-PISA (Programme for International Student Assessment) għal studenti ta' 15-il sena. Dawn l-indikaturi jinsabu fil-manwali rispettivi li qegħdin 'online'.
L-intenzjoni tal-istrateġija m’hix sempliċiment li Malta ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fi studji internazzjonali bħalma huma l-PISA u l-PIRLS, imma li aktar tfal u studenti jsaħħu l-ħiliet tagħhom fil-litteriżmu.
Alternative Learning Programme – kopja tal-kurrikulu
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kurrikulu tal-Alternative Learning Programme li sar matul is-sena skolastika li għaddiet għall-istudenti tal-ħames sena? Jista' jqiegħed kopja tal-għanijiet u l-objettivi ta' dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant flimkien mal-ħsieb wara l-Programm Alternattiv ta' Tagħlim qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Alternative Learning Programme – studenti li bdew u spiċċaw il-programm
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li bdew l-Alternative Learning Programme fis-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm huma l-istudenti li spiċċaw il-programm b'suċċess?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li kien hemm 214-il student li bdew l-Alternative Learning Programme. Minn dawn kien hemm 100 li baqgħu jattendu sal-aħħar fl-MCAST, fl-ETC u fl-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Għawdex u allura jikkwalifikaw għal ċertifikat ta’ attendenza jew ta’ kompetenza. Hemm ukoll 20 student ieħor fil-Youth.Inc li għadhom għaddejjin bil-programm tagħhom u li se jintemm f’Settembru. Ta’ min jgħid li minkejja li s-sena skolastika spiċċat, dawn l-20 student iddeċidew li jibqgħu għaddejjin bil-programm sal-aħħar sabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal ċertifikazzjoni akkreditata.
Jista' l-Ministru jgħid liema post ta' studju attendew l-istudenti tal-Alternative Learning Programme matul is-sena li għaddiet u kemm kien hemm studenti f'kull programm? Jista' jgħid kemm kienu l-istudenti li bdew l-Alternative Learning Programme f'kull għażla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:
Kien hemm 40 student li kienu ospitati mil-Programm Youth.Inc.
Kien hemm 40 student fl-Istitut tal-Bini u l-kostruzzjoni, MCAST Naxxar.
Kien hemm 12-il student fl-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika, MCAST Kordin.
Kien hemm 12-il student fl-Istitut tas-Servizzi tal-Komunita’, MCAST Kordin.
Kien hemm 98 student fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, Ħal Far.
Kien hemm 12-il student li segwew l-ALP f’Għawdex b’lezzjonijiet li sarulhom fl-iskola sekondarja tas-Subien, fl-MCAST ta’ Għawdex u fl-iskola tal-Arti ta’ Għawdex.
Alternative Learning Programme – organizzazzjoni responsabbli
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema organizzazzjoni jew dipartiment kienu responsabbli għal koordinazzjoni tal-Alternative Learning Programme?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Alternative Learning Programme kien ikkordinat mill-Early School Leavers Unit, il-Unit għall-Iżvilupp tat-Tagħlim Vokazzjonali, u d-Dipartiment għas-Servizzi tal-Istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni tal-ewwel esperjenza tal-Alternative Learning Programme? Jekk sar, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-evalwazzjoni tal-Alternative Learning Programme?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sa issa nġabar feedback mingħand l-istudenti u mingħand l-għalliema f’kull ċentru fejn kien hemm studenti tal-ALP. Rapport finali dwar dan il-feedback ikun lest fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' xogħol li qed jingħataw il-ħaddiema kollha li se jaħdmu ma' Skola Sajf u Klabb 3 -16?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li qed jingħataw il-ħaddiema li se jaħdmu ma' Skola Sajf u Klabb 3-16.
ETC – persuni ingaġġati biex jaħdmu fi SkolaSajf u Klabb 3-16
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid kemm kien hemm persuni li ġew ingaġġati biex jaħdmu ma' Klabb 3 - 16 jew SkolaSajf u li kienu jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li ma kienx hemm persuni li ġew ingaġġati biex jaħdmu ma' Klabb 3 - 16 jew SkolaSajf u li kienu jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa r-ratio tat-tfal ma' adulti li se jieħdu ħsieb waqt SkolaSajf u Klabb 3-16? Jista' jgħid jekk tfal bi ħtiġijiet speċjali hux se jingħataw xi assistenza u servizz partikulari? Jista' jgħid jekk ir-ratio hux se jinbidel meta jkun hemm tfal li għandhom bżonn għajnuna partikulari? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji ta' kif jintgħażlu t-tfal li jeħtieġu għajnuna speċjali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li r-ratio ta’ tfal ma’ adulti huwa kif ġej:
għal tfal bejn it-tlieta u l-ħames snin ir-ratio hu ta’ adult ma’ 15-il tifel u tifla.
għal tfal minn 6 snin ’l fuq ir-ratio hu ta’ adult ma’ 20 tifel u tifla.
Tfal b’diżabiltà jew kundizzjoni medika li teħtieġ sapport ser jingħataw assistenza permezz ta’ Child Support Worker.
F’każ li jkun hemm tfal b’diżabiltà fil-klassi, ir-ratio jinbidel skont il-każ (case by case basis)
Fl-applikazzjoni għas-servizz il-Fondazzjoni talbet lill-ġenituri sabiex jipprovdu kopja tar-rapport tal-istatementing board li jagħti rakkomandazzjonijiet tas-servizz li jkollu bżonn it-tifel jew tifla.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-baġit li ngħata fl-estimi sabiex jitmexxew SkolaSajf u Klabb 3-16? Jista’ jgħid kemm huwa maħsub li se tqum l-ispiża li hija prevista għal SkolaSajf u Klabb 3-16? Jista' jgħid jekk hux maħsub li l-ispejjeż previsti se jaqbżu l-baġit li għandu? Jista' jippreżenta baġit dettaljat tal-infiq li huwa mistenni li jintnefaq minn Klabb 3 - 16 u SkolaSajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-baġit li ngħata fl-estimi sabiex jitmexxew Skola Sajf u Klabb 3-16 hu kif ġej:-
Skola Sajf: €380,000
Klabb 3-16 (After School Programmes): €130,000.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar il-ħruġ u d-dħul kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-riżorsi finanzjarji u umani li ngħataw lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi sabiex ikunu jistgħu jassumu t-tmexxija ta' SkolaSajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-riżorsi finanzjarji huma dawk imsemmija fl-estimi tal-baġit filwaqt li r-riżors uman huwa magħmul minn tim ta’ kordinament magħmul mill-istaff tal-Fondazzjoni u tad-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti kif ukoll persuni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Klabb 3-16 – pjanijiet għal wara l-vaganzi tas-sajf
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għall-Klabb 3-16 wara l-vaganzi tas-sajf? Jista' jgħid liema huma ċ-ċentri li se jibqgħu joffru servizz wara l-ħin tal-iskola għal wara x-xhur tas-sajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentri li ser jibqgħu jagħtu servizz ta’ Klabb 3-16 wara l-vakanzi tas-sajf huma kif ġej:
Attard, Mġarr,Rabat, B’Kara, Sta Venera, Bormla, Żabbar, Ħamrun, Paola, Floriana, Valletta, Haż-Żebbuġ, Luqa, Qormi San Ġorġ, Pembroke, Sliema, San Ġwann, B’Bugia, Żurrieq, Mosta, Naxxar, San Pawl il-Baħar, Mellieħa, M’Scala, Żejtun, Fgura, Victoria, Nadur u x- Xagħra.
Skont il-pjan ta’ tliet snin tal-Fondazzjoni hemm ippjanat li jinfetħu aktar ċentri kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qabel il-kapijiet tal-iskejjel kienu jingħataw riżorsi finanzjarji minħabba spejjeż diretti jew indiretti marbutin ma' SkolaSajf, u jekk hux se jingħataw l-istess riżorsi finanzjarji bħal ma kienu jingħataw fis-snin l-imgħoddija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kapijiet tal-iskejjel kienu jingħataw 20 fil-mija ta’ kull applikazzjoni ta’ skolasajf li kienu jirċievu. Din is-sena kull ċentru ġie mogħti €100 petty cash li jiżdiedu skont il-bżonnijiet taċ-ċentru. Kull ċentru qed jingħatalu provvista ta’ stationery u bżonnijiet oħra fosthom materjal tat-tindif.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li min imexxi s-servizz ta' Klabb Sajf u/jew Klabb 3 - 16 qed jingħata inqas fondi għal riżorsi mis-snin imgħoddija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-budget Afternoon School Programme fl-2013 kien jammonta għal €130,000. Fl-2014 il-budget baqa’ bl-istess ammont. Il-budget tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi żdied minn €470,000 għal €500,000. Il-budget ta’ Skola Sajf żdied minn €298,000 għal €380,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jingħata fondi kull ċentru fis-snin li għaddew u kemm ġew allokati fondi lil kull ċentri qabel ma kellu jibda s-servizz ta’ SkolaSajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li qed tingħata għall-mistoqsija parlamentari 10260
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li ta' kull sena studenti universitarji kienu jingħataw l-opportunità li jaħdmu ma' SkolaSajf, u issa kienu se jingħataw perijodu inqas ta' impjieġ mis-snin ta' qabel ma' SkolaSajf?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhux minnu li studenti universitarji li jaċċettaw li jaħdmu ma’ Skola Sajf se jingħataw perijodu inqas ta’ impjieg mis-snin ta’ qabel ma’ Skola Sajf.
Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhuma l-kwalifiki u r-rekwiżiti kollha sabiex wieħed jaħdem ma' SkolaSajf u/jew Klabb 3 - 16?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kwalifiki u rekwiżiti sabiex persuna taħdem fi Klabb 3-16 / Skola Sajf huma kif ġejjin:
1. Koordinaturi taċ-Ċentri:
Il-persuni li qed jokkupaw din il-kariga għandhom tal-anqas Baċċelerat f’suġġetti varji li jinkludu: Pedagoġija tal-Edukazzjoni, Edukazzjoni Inklussiva, Psikoloġija, Social Work, Soċjoloġija, Komunikazzjoni, u Social Policy. Huma għandhom esperjenza ta’ xogħol mat-tfal f’ambjenti differenti bħal appoġġ u kura wara l-ħin tal-iskola, tfal b’diżabiltajiet u diffikultajiet oħra, aġenzija ta’ social work, kampijiet għat-tfal matul il-btajjel tas-sajf, immaniġġjar ta’ proġetti, arti u oqsma kulturali oħra, riżorsi umani, eċċ.
2. Playworkers:
Minħabba li f’pajjiżna m’għandniex kwalifika formali ta’ Playworker, il-Fondazzjoni ma setgħetx tgħolli ħafna il-kriterji sabiex persuna tkun tista’ tapplika għal dan ix-xogħol, iżda, l-istaff tal-Fondazzjoni hu magħmul minn Kindergarten Assistants kwalifikati, LSAs u Sports Coaches. Hemm persuni oħra li kienu mħarrġa mill-Fondazzjoni stess bħala Childminders.
SkolaSajf u Klabb 3.16 – intervisti qabel l-ingaġġ
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dawk kollha li ġew ingaġġati biex jaħdmu ma' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 kienux intervisti qabel ma ngħataw impjieg?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Koordinaturi taċ-Ċentri kollha kienu intervistati qabel ma ġew ingaġġati.
Infurmat ukoll li ma hemmx raġuni għaliex il-Playworkers u ċ-Child Support Workers jiġu intervistati peress li dawn diġa` jaħdmu fl-iskejjel u għalhekk kienu intervistati qabel ma bdew jaħdmu hemmhekk. L-istudenti tal-Universita` ma ġewx intervistati, la din is-sena u lanqas fis-snin li għaddew għall-Klabb 3-16.
B’referenza għall-Avviż Legali 226 tal-2014 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-konsegwenzi meta applikanti li jkun aċċettati imma ma jikkwalifikax mill-Occupational Health Assessment u għalhekk skont l-istess avviż legali ma jitħallewx jattendu għat-tagħlim kliniku indikat fil-programm ta’ studju? Jista’ jispjega jekk dawn l-istudenti jkunux jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom bħal studenti oħrajn u x’inhi l-kwalifika li jistgħu jieħdu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-konsegwenzi ta’ meta student ma jgħaddix mill-Occupational Health Assessment huma ppubblikati fuq l-internet u l-istudenti ukoll huma infurmati bil-kundizzjonijiet ta’ dawn il-korsijiet (Dental Hygiene u Dental Technology) kemm fil-prospett tal-korsijiet undergraduate, kif ukoll fl-ittra ta’ aċċettazzjoni.
Min ma jgħaddix mill-occupational health assessment, ma jitħalliex jattendi għall-partijiet kliniċi ta’ dawn il-korsijiet, imma jista’ jkompli l-partijiet akkademiċi (mhux kliniċi) tal-kors sakemm jgħaddi mill-occupational health assessment.
L-Occupational Health Protocol li jagħmel referenza għalih l-Avviż Legali 226, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.