Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel Primarji – eżamijiet tal-Benchmark

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-bidliet li saru fl-eżamijiet tal-benchmark tal-aħħar tal-primarja? X’effett kellhom dawn il-bidliet fuq ir-riżultati tal-benchmark? Il-Ministru qed jikkonsidra li l-eżami jsir benchmark tassew nazzjonali biex il-ġenituri kollha Maltin ikunu jafu l-livell li laħqu uliedhom fil-kompetenzi differenti fl-aħħar tal-primarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fi tweġiba estensiva fuq il-Mejda tal-Kamra.

Użu ta’ Tablets

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi r-riżultati tal-istudju li saru dwar l-effettività fl-użu tat-tablets? Kemm kien hemm għalliema involuti f’dan l-istadju? Kemm kien hemm studenti? X’persentaġġ tal-ġimgħa skolastika (barra l-breaks) kien qed jintuża t-tablet b’mod attiv waqt it-tagħlim? X’parametri ntużaw biex titkejjel l-effettività ta’ dan l-użu? X’rakkomandazzjonijiet saru? Dawn kif se jiġu implimentati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif tħabbar waqt it-tnedija tal-Proġett Pilota bit-tablets f'Marzu li għadda, it-tablets se jingħataw lill-istudenti fil-klassi fil-bidu tas-sena skolastika 2014/2015 u dawn jibqgħu jintużaw sa l-aħħar ta' Marzu 2015 meta mbagħad jitħejja r-rapport ta' evalwazzjoni. Għaldaqstant mhux possibli li f’dan l-istadju jiġi kkwantifikat kemm sigħat u b'liema mod jistgħu jintużaw it-tablets fil-klassi. Meta dan ikun magħruf, kull informazzjoni tiġi analizzata u tinġabar fir-rapport ta' evalwazzjoni, li jkun jinkludi rakkomandazzjonijiet u pjan ta’ implimentazzjoni. Il-Proġett Pilota se jħalli kemm jista' jkun f'idejn l-għalliema li jiddeterminaw l-aħjar mod kif jintużaw it-tablets. Madankollu l-għalliema u l-LSAs li se jieħdu sehem fil-Proġett Pilota ngħataw it-taħriġ meħtieġ u l-enfasi se jkun fuq il-litteriżmu skont l-iStrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd. Fil-Proġett Pilota se jieħdu sehem 346 student u 22 għalliem imferrxa fi skejjel tal-iStat, tal-Knisja u Indipendenti madwar Malta u Għawdex. L-għalliema huma voluntiera u t-tablets se jkunu mislufa lilhom u lill-istudenti minn kumpaniji li rrispondew għal sejħa li saret fil-bidu ta' din is-sena.

Klabb 3-16 u SkolaSajf – screening tal-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta ta d-direzzjoni biex jiġu impjegati aktar ħaddiema ma' Klabb 3 - 16 u SkolaSajf, ħa ħsieb ukoll li jassigura li l-ħaddiema kollha li kellhom jiġu impjegati għandu isirulhom l-iscreening meħtieġ u r-reklutaġġ tagħhom skont il-liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-persuni li ġew impjegati sabiex fis-sajf jaħdmu fi Klabb 3-16 u Skola Sajf ġejjin jew mill-iskejjel tal-Istat jew mill-iskejjel tal-Knisja jew Skejjel Indipendenti. Dan ifisser li dawn il-persuni kienu approvati mid-DQSE jew mill-PSC. Bħal ma ġara fi snin oħra, intużaw ukoll studenti tal-Universita` u/jew MCAST bħala parti mill-University Student Summer Work Opportunities.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – impjieg ta’ coordinator, child support workers u l-playworkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi ngħatat l-awtorizzazzjoni bil-miktub biex timpjega l-Coordinator, iċ-Child Support Workers u l-Playworkers biex dan is-sajf jaħdmu ma' SkolaSajf u Klabb 3 - 16? Jista' jgħid kemm kienu n-numri ta' ħaddiema f'kull kategorija li kienu awtorizzati li jimpjegaw? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex l-Fondazzjoni tkun tista' timpjega il-ħaddiema li kien hemm bżonn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-6 ta’ Mejju 2014 il-Fondazzjoni ingħatat permess sabiex timpjega 12-il kordinatur, 140 Child Support Worker u 300 Play Worker bejn Lulju u Settembru 2014. Kopji tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex il-Fondazzjoni tkun tista' timpjega dawn il-ħaddiema qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Dok. A; B u Ċ

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – fondi għall-klabb 3-16 u SkolaSajf

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi se tingħata fondi iktar milli hemm allokati fil-baġit imressaq mill-Gvern sabiex ikunu jistgħu ikopru għall-ispejjeż kollha li huma marbuta ma' Klabb 3 -16 u SkolaSajf matul din is-sena kollha? Jista' jgħid kemm huwa x-shortfall ta' Klabb 3 - 16 u SkolaSajf li huwa kkalkulat li għandha l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi għal matul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi s’issa ngħatat fondi addizzjonali biex ikopru spejjeż relatati ma’ Klabb 3-16 u Skola Sajf li jammontaw għal €901,467.56. Ngħataw ukoll €200,000 għas-salarji tal-part-time cleaners.

Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi – kap eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li nbidel il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi? Se ssir sejħa pubblika biex jintgħażel Kap Eżekuttiv ġdid, kif wara kollox suppost hija l-prassi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta, liema rapport ġie ppubblikat, il-Ministeru ħatar lis-Sur Charles Micallef, li għandu esperjenza vasta ta' tmexxija maniġerjali, għal perjodu definit.

Skejjel Primarji – rata nazzjonali tal-assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tal-primarja mill-Year 1 sal-Year 6 jew ekwivalwenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi, dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tal-primarja Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, iġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħall-iskejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn 3 ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola. Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru. Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Skejjel Sekondarji – rata nazzjonali tal-assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tas-sekondarja li m’għandhomx il-bniet u s-subien imħalltin, mill-Form 1 sal-Form 5 jew ekwivalenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tas-sekondarja Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, iġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħall-iskejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn 3 ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola. Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru. Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Università ta’ Malta – Kors tad-dentistrija

Question

Peress li dentisti ggradwati mill-Università ta’ Malta huma rinomati għal-livell għoli ta’ sengħa fix-xogħol tagħhom u għaldaqstant ħafna minnhom jirnexxu fi studji iktar avvanzati jew f'impjiegi saħansitra fl-aqwa istituzzjonijiet barra minn Malta u peress li dan il-livell huwa milħuq grazzi għas-sistema ta’ taħriġ li permezz ta’ superviżjoni minn speċjalisti u professjonisti impjegati mill-Università ta’ Malta l-istudenti jingħataw l-opportunità ta’ tagħlim u prattika tas-sengħa tagħhom f’ambjent li jiżgura l-ogħla kura għall-pazjenti u bħala parti mill-operat ta’ din is-sistema, id-dentisti tal-Gvern kellhom il-possibilità li jirreferu pazjenti għand l-istudenti fejn ix-xogħol li l-pazjenti kellhom bżonn kien ta' kumplessità adattata għal-livell ta’ sengħa tal-istudenti u li llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn din is-sistema twaqqfet u għalhekk l-istudenti mhux qed jirċievu biżżejjed esperjenza fix-xogħol kliniku tagħhom u dan qiegħed ikun ta' detriment għal-livell ta’ sengħa fil-qasam tad-dentistrija f’Malta b’riskju li l-livell ta’ kura fid-dentistrija ma tibqax iżomm il-livell għoli li laħaq illum il-ġurnata, jista’ l-Ministru jagħti spjega għaliex saru dawn it-tibdiliet fis-sistema u x’passi se jieħu l-Gvern biex jindirizza din il-problema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-istudenti fil-Fakulta’ tad-Dentistrija tal-Universita’ ta' Malta huma mħarrġin sew waqt il-kors li jsegwu kif jidher ċar mir-riżultati li huma rċevew dan l-aħħar fl-eżamijiet ta' Ġunju. Minħabba l-fatt li n-natura tal-kura tal-pazjenti u l-bżonnijiet tagħhom huwa proċess ta' tibdil kontinwu, ċerti proċeduri ma jistgħux isiru min-naħa tal-kliniċi ta' l-Universita’ iżda huma mogħtija mill-kliniċi u konsulenti tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Il-livell ta' edukazzjoni u taħriġ kliniku kien, u għadu, ssorveljat mill-istaff fl-isptar Mater Dei li joffru s-servizz tagħhom biex jgħallmu u jedukaw mill-esperjenza u l-għarfien tagħhom. Din hija deċiżjoni libera u mhux imposta mill-gvern u lanqas mill-Universita’. Hemm min jogħġbu jirreferi pazjenti lin-naħa ta' l-Universita’ u hemm min mhux lest jagħmel dan. Ix-xewqa hi li aktar staff jinvolvu ruħhom min-naħa tal-Isptar Mater Dei bħala sptar li jgħallem (teaching hospital). Nixtieq inżid li hemm koperazzjoni kbira bejn il-Fakulta’ tad-Dentistrija u ċ- chairman preżenti tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei kif ukoll mas-segretarjat parlamentari tas-saħħa f’dan ir-rigward.

Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – għalliema għal revision courses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx biżżejjed għalliema għall-istudenti kollha li applikaw għal revision courses tas-SEC fil-Malti, Ingliż, Matematika u l-Fiżika taħt l-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iva. Hemm għalliema biżżejjed biex jipprovdu l-ammont ta’ sigħat meħtieġa għal kull student li applika f’kull suġġett.

Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – reviżjoni tas-suġġetti tas-SEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li nbagħtet ċirkulari mal-għalliema tal-Gvern dwar l-ingaġġ ta' għalliema taħt l-iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ għar-revisjoni tas-suggetti tas-SEC? Jista' jgħid meta nbagħtet din iċ-ċirkulari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iva. Bi proċedura normali ħarġu żewġ sejħiet għal Espressjoni ta’ Interess mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. L-ewwel sejħa ħarġet fl-14 ta’ Mejju bin-numru HR/99/2014. It-tieni sejħa għal Espressjoni ta’ Interess ħarġet fil-11 ta’ Lulju bin-numru HR/130/2014.

Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – lezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se jsiru l-lezzjonijiet tar-reviżjoni tas-SEC tal-Ingliż, Malti, Matematika u l-Fiżika tal-Iskema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-lezzjonijiet se jsiru f’dawn it-tliet postijiet: L-iskola sekondarja tas-subien, il-Ħamrun (Liċeo) L-Istitut tax-Xjenza Applikata, MCAST, Kordin L-iskola sekondarja tas-subien, ir-Rabat, Għawdex

Skema tal-Garanzija taż-Żgħażagħ – Numru massimu ta’ żgħażagħ fil-klassijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun in-numru massimu ta' żgħażagħ fil-klassijiet tar-reviżjoni tas-SEC fil-Ingliż, Malti, Matematika u l-Fiżika fl-Iskema tal-Garanżija taż-Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru massimu ta’ studenti f’kull klassi se jkun ta’ ħmistax (15).

SkolaSajf u Klabb 3-16 – impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjegati l-ġodda ta' SkolaSajf u Klabb 3 - 16 li bdew jaħdmu mal-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi ma għaddewx mill-process ta' screening biex jaħdmu mat-tfal skont kif stabbilit fil-liġi skont Kap 518 il-Protezzjoni tal-Minuri?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-koordinaturi taċ-ċentri kienu kollha intervistati u huma kollha ħaddiema fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Il-Playworkers u ċ-Child Support Workers li ġew ingaġġati sabiex jaħdmu fi Klabb 3-16 / Skola Sajf huma jew impjegati fl-iskejjel tal-Istat, jew tal-Knisja jew Indipendenti u għalhekk ikunu approvati minn qabel mid-direttorati. Fil-każ tal-istudenti tal-MCAST jew tal-Universita’ dawn il-persuni applikaw mal-iStudents’ Maintenance Grants Board. Dawn l-istudenti ma kinux intervistati la din is-sena u lanqas fi snin preċedenti. Impjegati oħra li qed jaħdmu f’dan is-servizz ġew intervistati u għaddew mill-proċedura tar-reklutaġġ.

Skejjel – għadd ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ studenti li attendew l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju matul is-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel– Għalliema u Learning Support Assistants

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ għalliema u Learning Support Assistants fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u f’dawk indipendenti f’livell primarju, sekondarju u post sekondarju matul is-sena skolastika li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Alternative Learning Programme — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tibdil li qed jiġi ppjanat jekk se jkun hemm xi tibdil għas-sena d-dieħla fl-Alternative Learning Programme? Jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet futuri ta' dan il-programm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għas-sena skolastika 2014-15, se jkun hemm żewġ bidliet ewlenin minn kif sar il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali matul is-sena 2013-14: - Fl-għażla tal-istudenti. - F’wieħed miċ-Ċentri li fihom hemm maħsub li jsir il-programm. Il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali li kien sar fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) issa se jsir fl-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Raħal Ġdid. L-istaff kollu Amministrattiv, Professjonali, Tekniku, Klerikali u Ġenerali ser jintgħażel mid-Direttorat għas-Servizzi tal-Istudenti. Il-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali huwa programm ad hoc maħsub għal studenti tal-ħames sena vulnerabbli ħafna li kienu ser jispiċċaw mill-iskola tal-obbligu mingħajr kwalifiċi ta’ xejn u għalhekk f’riskju li ma jibqgħux fis-sistema edukattiva. Huma studenti li għandhom diffikultajiet serji fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi – l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika. It-triq ’il quddiem għal dawn l-istudenti vulnerabbli huwa l-programm il-ġdid ta’ tagħlim prattiku - li ddaħħal għall-ewwel darba matul is-sena skolastika 2013-14 bl-isem ta’ Core Curriculum Programme – għall-istudenti li kienu fit-tielet sena tas-sekondarja fil-Kulleġġi kollha tal-istat u li waqgħu lura ħafna fil-programmi kurrikulari. Dan huwa programm ta’ tagħlim mifrux fuq tliet snin – mit-tielet sal-ħames sena tal-iskola sekondarja u li jwassal lill-istudenti għal Ċertifikat ta’ livell 1 fuq il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Matul is-sena skolastika li jmiss, 2014-15, dawn l-istudenti jkunu fir-raba’ sena tal-iskola sekondarja. Matul is-sena skolastika ta’ wara, 2015-16, dawn l-istudenti jitilgħu fil-ħames sena u allura mhux maħsub li jkun hemm bżonn programm alternattiv ta’ tagħlim ieħor għalihom.

Alternative Learning Programme – għażla ta’ studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-istudenti mill-ħames sena sabiex jipparteċipaw fl-Alternative Learning Programme? Għalfejn ċertu studenti li xtaqu jieħdu sehem f'dan il-programm, ma ingħatawx ċans li jipparteċipaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2013-14, għall-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali ntgħażlu l-istudenti kollha tal-ħames sena li ma kinux ser joqogħdu għal ebda eżami fil-livell tas-SEC - studenti vulnerabbli ħafna li kienu ser jispiċċaw mill-iskola tal-obbligu mingħajr kwalifiċi ta’ xejn u f’riskju li ma jibqħux fis-sistema edukattiva. Uħud minn dawn l-istudenti kellhom storja ta’ assenteiżmu u kienu ilhom ma jmorru l-iskola. Għas-sena skolastika 2014-15, għall-programm alternattiv ta’ tagħlim vokazzjonali ntgħażlu l-istudenti li telgħin fil-ħames sena tas-sekondarja fil-Kulleġġi tal-istat u li d-Dipartiment tal-Kurrikulu jqis li għandhom diffikultajiet serji fit-tagħlim tal-ħiliet bażiċi – l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika. Dan abbażi tal-marki tagħhom fl-eżamijiet tal-aħħar tas-sena fi tmiem it-tielet sena u ta’ matul ir-raba’ sena. In-numru tagħhom ilaħħaq it-356 student.

Alternative Learning Programme – kwalifiki ta’ studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li kisbu l-istudenti li ħadu sehem fl-Alternative Learning Programme?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li studenti li kienu qed isegwu kors fl-MCAST setgħu jiksbu kwalifika ġenerali fl-ewwel livell u li tagħtihom il-fakultà li fis-sena skolastika li ġejja jkomplu jistudjaw fl-MCAST billi jmorru mill-ewwel għal kors tat-tieni livell. Studenti li kienu qed jattendu l-ETC setgħu jiksbu ċertikazzjoni f’ħiliet vokazzjonali differenti fl-ewwel u fit-tieni livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Studenti li għadhom għaddejjin bil-programm tagħhom mal-Youth.Inc jistgħu jiksbu kwalifika ġenerali fl-ewwel livell u li tagħtihom il-fakultà li f’Ottubru li ġej japplikaw biex isegwu l-programm tal-Youth.Inc fit-tieni livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi.

Alternative Learning Programme – nefqiet diretti fil-programm

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-Alternative Learning Programme? Jista' jagħti d-dettalji tan-nefqiet diretti li kien hemm f'dan il-programm? Jista' jagħti n-nefqa li kien hemm fit-trasport li ġie pprovdut?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.