Heritage Malta – okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta — attivitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet se torganizza Heritage Malta fl-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta? Jista' jgħid ukoll x'budget hemm allokat ma’ dawn l-attivitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif jaf il-poplu kollu, saru għadd ta' attivitajiet biex jikkommemoraw kif xieraq l-450 sena mill-Assedju l-Kbir.
Nemmen li sar xogħol tajjeb ħafna li bagħat messaġġ pożittiv immens lill-mijiet ta' persuni distinti li żaruna għall-okkazjoni partikolarment il-Kavallieri ta' Malta minn madwar id-dinja kollha.
Nieħu l-opportunita' li nirringrazzja lil kull min għen biex dawn l-attivitajiet kienu suċċess.
Heritage Malta — Bighi u Sant’ Iermu – pjan ta’ evakwazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta’ evakwazzjoni relatat mal-Head Office ta’ Heritage Malta ġewwa Bighi kif ukoll dak ta’ Sant'Iermu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta qatt ma kellha pjan ta’ evakwazzjoni minn meta twaqqfet fl-2003.
Biss aħna rajna li għandha ssir ħidma minnufih fuq policy ta’ evakwazzjoni u proċedura ġenerika għall-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta u dan il-process beda din is-sena u jinsab works in progress.
Kunsill Malti għall-Arti – riżultati għal Diretturi Artistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li l-Kunsill Malti għall-Arti jippubblika r-riżultati tas-sejħiet għal Diretturi Artistiċi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-riżultati tas-sejħiet għal Diretturi Artistiċi ġew maħruġa u mpoġġija fuq in-notice board tal-Kunsill Malti għall-Arti skont ma jridu l-proċeduri.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Heritage Malta hux qed tagħmel użu ta’ servizzi ta’ kuntrattur sabiex jinħadmu l-payrolls tal-impjegati tagħha? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-expression of interest li Heritage Malta ħarġet għal dan il-għan kif ukoll il-kuntratt marbut ma’ dan is-servizz. Jista’ wkoll jispjega għaliex inħasset il-ħtieġa li jingħata dan il-kuntratt?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta bdiet tagħmel użu ta’ servizz ta’ kuntrattur sabiex jinħadmu l-pagi tal-impjegati. Sabiex ingħata l-kuntratt saret sejħa għal offerti li nbgħatet lil numru ta’ kuntratturi u minnhom intgħażlet l-irħas proposta, skond il-proċeduri. Is-sottomissjonijiet kienu dawn:
1. KPMG €8900 + €850 (1 time fee)
Up to 310 staff /year
2. PriceWaterHouseCoopers (PwC) €11,825 + €200 (1 time fee) / year
3. Grant Thornton €5,525 inclusive of all required work / year
4. PKF No quotation sent
Inħasset il-ħtieġa li jsir hekk sabiex ir-riżorsi umani li normalment jieħdu ħsieb il-
payroll
ikunu jistgħu
jiddedikaw ruħhom għal xogħol ieħor fil-qasam tal-finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm Heritage Malta tiddedika labour hours fix-xahar għal xogħol fuq payroll?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ sieghat kull payroll (x13) sabiex tinħadem il-paga huwa ta’ madwar 40 siegħa. Peress li dan ix-xogħol issa qed isir minn kuntrattur, dawn is-siegħat qed jiġu ddedikati għal xogħol ieħor.
Heritage Malta – L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni — xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn Heritage Malta qed terġa tipposponi x-xogħol tant meħtieġ li jrid isir fl-Ipoġew ta' Ħal Saflieni? Jista' wkoll jgħid meta hu maħsub li dan is-sit jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku wara li x-xogħol ikun tlesta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tender għax-xogħolijiet meħtieġa fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni – li kien jirrikjedi studji tekniċi u ta’ disinn minħabba s-sensittivita’ ta’ dan is-sit ġie ppubblikat fit-18 ta’ Settembru.
Ix-xogħol se jibda f’Jannar li ġej u mistenni jitlesta fit-tielet kwart ta’ l-2016.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji Heritage Malta tagħżel il-partners tagħha vis-a-vis promozzjonijiet u offerti abbinati mal-multisite pass?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kriterji huma varji. L-ewwel ma jiġi kkunsidrat huwa r-rilevanza tal-kontenut tal-partner mal-wirt kulturali li tamministra Heritage Malta, il-potenzjal ta’ kummerċ li jista’ jiġġenera, u mal-exposure li tieħu l-Aġenzija permezz ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn, li huma varji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas li jingħata lill-partner ta' Heritage Malta fir-rigward tal-Valletta ticket li ġie rriklamat ftit xhur ilu? Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt relatat ma dan il-ftehim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħlas li jingħata lill-partner fil-Valletta ticket huwa ta’ €5 għal kull biljett ta’ adult (li jiswa €25), €3.50 għal kull biljett ta’ anzjan (li jiswa €20), u €2.50 għal kull biljett tat-tfal (li jiswa €15).
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-restawr fuq l-istrutturi Ingliżi li hemm fid-daħla tal-Forti Sant’Iermu ma ġewx inklużi mal-proġett ta’-restawr tal-istess Forti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta kien ġie definit il-proġett tar-restawr ta’ Sant’ Iermu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, uħud mill-istrutturi ta’difiża li hemm fid-dawra ta’ barra tal-forti ma kienux parti mill proġett u għalhekk ma sar ebda intervent fuqhom. Dawn ma kienux approvati mill- grant li kien ingħata fis-sena 2012.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu beħsiebha toħroġ mill-Auberge d’Italie u fejn se jiġu rrilokati l-uffiċini l-ġodda tagħha?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qiegħda tevalwa numru t’għażliet li għandha quddiemha sabiex issir l-għazla fejn ser jiġu rrilokati l-uffiċini l-ġodda tagħha. Għalkemm id-data ezatta għadha ma ġietx stabbilita’ minħabba numru ta’ kunsiderazzjonijiet li qiegħdin jittieħdu fil-prezent, il-ħsieb hu li r-rilokazzjoni ssir mhux aktar tard mill-ewwel kwart tas-sena 2016.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15882 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li qed jingħataw is-servizzi lid-djar f’Bieb ir-Ruwa, limiti tar-Rabat? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk hux minnu li f’ċerti proprjetajiet privati qed jintuża kejl differenti u ċjoè hemm minn qed juża l-prassi li l-kuntrattur imqabbad mill-Gvern iħaffer biss 20 pied fil-proprjetà u l-inkwilin irid iħallas il-bqija, filwaqt li f’ċerti proprjetajiet qed isir tħaffir fil-proprjetà kollha?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi d-djar fiż-żona msemmija se jingħataw is-servizz. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tisħaq li dan mhuwiex il-każ.
Valletta 2018 – għajnuna lill-Komunità Virtwali Kelma Kelma
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Valletta 2018 b’xi mod hijiex tgħin lill-komunità virtwali Kelma Kelma? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid kif qed tingħata din l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-proġett Kelma Kelma Nota Nota huwa proġett kulturali verament sabiħ, divertenti u fl-istess waqt għandu l-għan li jmexxi 'l quddiem ir-rispett lejn il-lingwa Maltija u t-tħaddim brillanti tagħha.
Dan il-proġett ġej direttament mingħand l-artisti u m'huwiex ħolqien tal-entitajiet kulturali Governattivi. Dan, fil-fehma tiegħi, jagħmilha espressjoni iktar awtentika mil-lat kulturali.
S'intendi l-entitajiet kulturali Governattivi jappoġġjaw u jgħinu kemm jistgħu lil dan il-proġett.
Ha nġib ftit eżempji. Għad-disa kunċerti ta’ Kelma Kelma Nota Nota ingħata prezz speċjali għall-użu ta' Pjazza Teatru Rjal.
Bl-istess mod, il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien ma' Pjazza Teatru Rjal ħadu ħsieb huma l-ispiża sabiex seta' jintrama big screen fil-pjazza tal-Parlament.
Nemmem li din il-kollaborazzjoni hija waħda sabiħa u sinerġetika
Valletta 2018 – għajnuna lill-School of Performing Arts
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Valletta 2018 b’xi mod hijiex tgħin lill-School of Performing Arts? Jekk dan hu l-każ, jista’ jgħid kif qed tingħata din l-għajnuna?
Response (BONNICI, OWEN)
L-School of Performing Arts tiġi ffinanzjata mill-baġit tal- Universita’ ta’ Malta.
Naturalment l-entitajiet kulturali jikkollaboraw u b’mod indirett jgħinu lil din l-iSkola.
Iċ- Ċentru għall-Kreattività ta’ St. James Cavalier u l-Kunsill Malti għall-Arti, parzjalment ffinanzjaw il-korsijiet ta’ scriptwriting. Dawn il-korsijiet huwa pprovduti b'kollaborazzjoni mal-School of Performing Arts.
L-ewwel kors tnieda fl-2014-2015 u din is-sena ser jiġu offruti żewġ korsijiet oħra (Scriptwriting 1 u Scriptwriting 2). L-Iskola torganizza l-korsijiet u tipprovdi lecturer permanenti li jikkoordina u jgħati lectures. Dawn il-kosijiet jistgħu jitqiesu bħala preparament għal kors Universitarju intitolat Degree in Liberal Arts, u jipprovdu ċertifikat ta' attendenza.
Il-fondazzjoni Valletta 2018 u l-Kunsill Malti għall-Arti jipprovdu l-ħlas għal lecturers barranin, kif ukoll it-trasport tagħhom, spejjeż ta' akkomodazzjoni u per diems.
Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lil din l-iSkola tal-ġid enormi li tagħmel lill-kommunita’ kulturali tagħna.
Kunsill Malti għall-Arti – Call for applications għall-Diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ħarġux call for applications sabiex jimtlew postijiet għalDiretturi (Festival Strategy u Corporate Services) mal-Kunsill Malti għall-Arti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista’ jpoġġi wkoll kopja tal-kuntratti ta’ dawn id-diretturi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta hija fl-affermattiv.
Qed inqiegħed kopja tal-call for applications għad- Direttur tal-
Festivals
u Direttur
Corporate Affairs
fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mitlub minn l-Onor. Interpellant.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti dawn iż-żewġ
call for applications
, fl-istess żmien ħarġet ukoll sejħa għal Director Strategy, tali sejħa qed titqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara kopja tal-kuntratt, nista’ naghmel dan privatament.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-cost benefit analysis li sar fir-rigward tal-Gozo Museum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Cost Benefit Analysis tal-Gozo Museum jifforma parti integrali mill-applikazzjoni li saret għall-fondi tal-Unjoni Ewropea 2014 – 2020.
Kif jaf l-Onor Interpellant applikazzjonijiet għal fondi Ewropej jobdu standards rigoruzi u stretti ħafna.
M’huwiex indikat li s-CBA jiġi ppubblikat f’dan l-istadju.
B’referenza għall-intervent li għamel il-Ministru waqt id-dibattitu tal-Estimi Finanzjarji ta’ Heritage Malta, jista’ l-Ministru jikkonferma li ma ħarġet l-ebda tender relatata max-xogħol manwali fuq il-Mużew tal-Arti l-Ġdida? Jekk fl-affermattiv meta ħa jibdew joħorġu dawn it-tenders u x’kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 18020. L-ewwel tender CT3025/2015 għar-restawr tal-faċċata tal-Berġa tal-Italja ġie ppubblikat fil-5 ta’ Ġunju u għalaq fis-16 ta’ Lulju. Il-proġett MUŻA miexi kif ippjanat u ma hemm l-ebda dewmien.
Ma jagħmilx ħazin l-Onor. Interpellant jekk jipprova jżomm ruħu aġġornat.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-vjaġġi tas-safar kollu li sar minn uffiċjali ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa?? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li saru dawn il-vjaġġi u minn min saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi 28 xahar ta’ dina l-amministrazzjoni kien hemm 100 safra INQAS mill-aħħar 26 xahar ta’ Gvern preċedenti minn uffiċjali ta’ Heritage Malta.
Dan ifisser f’inqas żmien, taħt Gvern preċedenti kien isir ferm iktar safar.
Bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u Marzu 2013 kien hemm 179-il safra minn ufficjali ta’ Heritage Malta, filwaqt li minn Marzu 2013 sa nofs Lulju 2015 kien hemm 79-il safra.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li tindika l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B’referenza għas-sejħa bit-titlu Art in Public Spaces, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol ta’ Transport Malta f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-proġett Arti fi Spazji Pubbliċi hu inizjattiva tal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja,Kultura u Gvern Lokali,l-Kunsill Malti għall-Arti bl-appoġġ ta’ Muża (li tinsab fi ħdan Heritage Malta). Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jirrapreżenta lill- Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura f’dan il-proġett u Transport Malta m’għandhomx sehem f’dan il-proġett f’dan ir-rigward.
B’referenza għas-sejħa bit-titlu Art in Public Spaces, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol ta’ Heritage Malta f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-proġett Arti fi Spazji Pubbliċi hu inizjattiva tal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja,Kultura u Gvern Lokali u l-Kunsill Malti għall-Arti bl-appoġġ ta’ Muza( li tinsab fi ħdan Heritage Malta).