Jista’ l-Ministru jikkonferma li fis-sessjonijiet ta’ informazzjoni organizzati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta qed jiġu esklużi ċerti faxex ta’ ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni ta’ dawn l-esklużjonijiet? Jista’ jelenka l-miżuri li l-Aġenzija ħadet sabiex tħeġġeġ lill-ħaddiema kollha fil-proċess tad-deċiżjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li sa madwar sentejn ilu l-laqgħat organizzati mill-Kap Eżekuttiv kienu għall-management biss. Madanakollu minn dak iż-żmien ’l hawn ġew miftuħa għall-impjegati kollha minn grad A ’il fuq. Dawn il-laqgħat qatt ma kienu intenzjonati għall-ħaddiema kollha, anki għaliex huwa impossibbli li kulħadd jiltaqa f’salt minħabba n-natura tax-xogħol. Il-bqija tal-impjegati jiġu kkonsultati f’laqgħat differenti permezz tal-managers rispettivi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jelenka x’inizjattivi saru sabiex l-impjegati ta’ Heritage Malta li jibdew minn grad C ’il fuq jiġu mħeġġa jidħlu għal xogħol ta’ riċerka fuq suġġetti relatati mal-Aġenzija? Jista’ jgħid kemm-il xogħol ta’ riċerka l-Aġenzija ppubblikat fl-2014 u fejn ġie ppubblikat dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-impjegati kollha ta’ Heritage Malta huma mħeġġa jirriċerkaw u jippubblikaw ix-xogħol tagħhom mal-aġenzija stess l-għaliex dan huwa mezz ieħor ta’ kif l-aġenzija żżid l-aċċessibilita' tal-kollezzjoni nazzjonali. Ta’ dan, l-impjegati li jikkontribwixxu jibbenefikaw minn sussidju bħala rikonoxximent.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2014 Heritage Malta ppubblikat dawn ix-xogħlijiet li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
1)
Malta, the great story of a small island-nation through 100 objects
(ISBN 978-99932-57-21-9)
2)
L-Ewwel 35,000,000 sena ta’ ħajti
(ISBN 978-99932-57-22-6)
3)
The Roman Inquisition in Malta
(ISBN 978-99932-57-23-3)
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ investiment relatat mal-laboratorji (kemm dawk relatati ma’ xjenza kif ukoll ma’ konservazzjoni) ta’ Heritage Malta? Jista’ jelenka kif dawn il-flus ġew investiti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-ammont li ntefaq matul l-2014 fil-laboratorji tax-xjenza u tar-restawr hu ta’ €33,453.78. Dawn intefqu fi bżonnijiet ta’ kuljum għall-amministrazzjoni, abbonamenti f’ġurnali relatati mas-settur, xiri ta’ materjal meħtieġ u xiri u tiswija ta’ għodda u apparat. Ninsab infurmat ukoll li dan l-ammont ser jiżdied u dan għaliex mhux il-pagamenti kollha tal-2014 għadhom ġew ipproċessati.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – pubblikazzjonijiet — awtur
Question
B’referenza għaż-żewġ pubblikazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru bl-isem ta’ “Aħna Maltin” u “Il-Berga ta’ Kastilja”, jista’ l-Prim Ministru jispjega fuq liema kriterji ntgħażel l-awtur u xi kwalifiki relevanti għandu? Jikkonferma li ma ġewx avviċinati riċerkaturi kkwalifikati u awturi rinomati biex isiru dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid x’kienet ir-rimunerazzjoni li ngħatat lill-awtur ta’ dan il-ktieb u jekk kienx hemm xi xogħol li sar waqt il-ħin tax-xogħol billi l-awtur kien jitlaq minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-pubblikazzjonijiet li qed jagħmel riferenza ghalihom huma pubblikazzjonijiet ta’ natura edukattiva u li tħejjew mill-Uffiċċju tieghi fl-okkażjoni tan-Notte Bianca tas-sena l-ohra. Dawn il-pubblikazzjonijiet tqassmu bla ħlas lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin u turisti li żaru l-Berġa ta’ Kastilja f’din l-okkażjoni. Jien informat li r-reazzjoni għal dawn il-pubblikazzjonijiet kienet waħda mill-iktar pozittiva u l-isforz li sar kien apprezzat minn ħafna.
Il-persuni li ħadmu fuq dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom impjieg full time jew fi ħdan is-Segretarjat Privat tiegħi jew ma’ Heritage Malta. Dawn il-persuni huma gradwati fl-istorja ta’ pajjizna, midħla sew tar-riċerka tal-istorja u gradwati fil-komunikazzjoni. Il-persuni li jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi ma tħallsux u għamlu x-xogħol kollu fuq dawn il-pubblikazzjonijiet fuq bazi volontarja fil-ħin liberu tagħhom. L-uniku ħlas li sar kien lill-persuna li bħala impjieg full time jaħdem ma’ Heritage Malta. Il-hlas kien jammonta għal €350. Anki x-xoghol li għamlet din il-persuna fuq dawn il-pubblikazzjonijiet, sar ukoll fil-ħin liberu tiegħu.
Ikkontribwew ukoll għas-suċċess ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet il-Ministeru t’Ghawdex, id-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-MEPA,il-Bibljoteka, Heritage Malta, l-Air Malta, l-Imperial War Museum tar-Renju Unit, l-Arkivji Nazzjonali, u anki numru ta’ individwi u kollezzjonijiet privati.
Heritage Malta – gradi maniġerjali – pakketti finanzjarji
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li kull persuna fi grad maniġerjali (managers u senior curators) f’Heritage Malta għandha pakkett finanzjarju ekwivalenti għal dak ta’ skala 4 fis-servizz pubbliku, għandha l-istess transport allowance u l-istess persentaġġ ta’ performance bonus?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li it-
top notch
tas-salarju ta’ manager staff ta’ Heritage Malta hija ekwivalenti għal dik ta’ skala erbgħa (4) fis-servizz pubbliku. Il-
performance bonus
huwa ta’ 0 - 15% fuq il-gross rispettiv tagħhom. It-
transport allowance
tammonta għal €3,494 fis-sena u hija l-istess għall-
managers
u
senior curators
kollha.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li Heritage Malta ordnat 5,000 desk calendars sabiex jinbiegħu mis-siti u l-mużewijiet tagħha? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża abbinata mal-istampar ta’ dan id-desk calendar? Kemm inbiegħu minnhom u kemm ġew imqassma b’xejn? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni sabiex jiġu stampati dawn l-ammonti u bdew jinbiegħu bejn Ottubru u Novembru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-ispiża tal-istampar tal-kalendarju kienet ta’ €4,800. Dan il-kalendarju ġie ppublikat f’Settembru b’kollaborazzjoni mal-Uffiċju tal-President sabiex parti mill-introjtu jmur għall-
Community Chest Fund
. Sa Diċembru nbiegħu 635 kopja għall-prezz ta’ €5 kull kalendarju, filwaqt li 462 tqassmu b’xejn bħala promozzjoni għall-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir u għall-wirja internazzjonali li ser tiġi organizzata fil-Palazz tal-President iżjed tard din is-sena sabiex tikkommemora dan l-avveniment importanti. Minħabba f’hekk huwa mistenni li dan il-kalendarju jibqa’ jinbiegħ matul din is-sena.
Heritage Malta – gradi maniġerjali – livelli ta’ kwalifiki
Question
Jista’ l-Ministru jagħti elenku, grad grad, tal-livelli ta’ kwalifiki li għandhom l-individwi fil-gradi maniġerjali li jaħdmu ma’ Heritage Malta? Jista’ jikkonferma li hemm xi individwi fil-gradi maniġerjali li lanqas għandhom kwalifika ta’ livell 6 jew aktar?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ pożizzjonijiet maniġerjali bil-livell ta’ kwalifiki rispettivi tagħhom hekk kif mogħtija lili minn Heritage Malta.
Heritage Malta – kontravenzjonijiet tat-traffiku minn vetturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kontravenzjoni tat-traffiku twettqet, u x’kienu, f’dawn l-aħħat 22 xahar minn vetturi allokati lill-Heritage Malta? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-kontravenzjonijiet ġew imħallsa mill-Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li f’dawn l-aħħar tnejn u għoxrin (22) xahar twettqu erba’ kontravenzjonijiet, tnejn fuq sewqan b’veloċita' eċċessiva u tnejn oħra fuq parkeġġar illegali. Minn dawn il-kontravenzjonijiet, waħda biss ġiet imħallsa minn Heritage Malta. Ninsab infurmat li l-kontravenzjonijiet l-oħrajn ġew imħallsa mis-sewwieqa stess li kienu qegħdin isuqu l-karozzi.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ffinalizzat u ppubblikat il-management plan (UNESCO) relatat mal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-Management Plan tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni beda billi kien ippubblikat dokument ta’ konsultazzjoni, li wieħed jista’ jniżżel minn din il-ħolqa: http://heritagemalta.org/wp-content/uploads/2012/03/Consultation-document-hypogeum.pdf.
Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tfassal l-abbozz tal-Management Plan fuq dan id-dokument, flimkien ma’ xi kummenti li rċeviet dwaru, biex tippubblikah għall-konsultazzjoni aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kif intbagħtet ċirkulari lill-ħaddiema kollha tal-Heritage Malta sabiex jattendu party tal-Milied fit-23 ta’ Diċembru 2014 u erbat ijiem qabel l-istess party ntbagħtet email oħra mill-Acting HR Manager lil sitt ħaddiema li jaħdmu f’siti jew mużewijiet tal-istess Heritage Malta sabiex jattendi/tattendi wieħed/waħda minnhom biss skont x’jiddeċiedu huma u dan biex, kif qalulhom, jibqgħu jaħdmu bi skeleton staff? Jista’ jikkonferma li fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ma kien baqa’ ħadd preżenti fl-uffiċċju waqt il-party sabiex bl-istess raġunament jibqgħu jaħdmu bi skeleton staff?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li kull meta jsir il-party tal-Milied ta’ Heritage Malta, l-mużewijiet u l-uffiċini qatt ma jagħlqu iżda jibqgħu dejjem joffru servizz bażiku lill-pubbliku. Għal din ir-raġuni, numru minimu ta’ staff jeħtieġ li jibqa’ fil-post tax-xogħol. Ninsab infurmat li hekk sar ukoll din is-sena fis-siti kollha ta’ Heritage Malta, inkluż l-uffiċini ta’ Bighi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li l-party tal-Milied ta’ Heritage Malta ma sarx bħas-soltu fil-Head Office f’Bighi u minflok sar fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tat-Tempji ta’ Ħaġar Qim waqt il-ħin li l-viżitaturi kienu qed iżuru l-post fost mużika għolja? Jikkonferma li xi viżitaturi kellhom imorru lura u ma jżurux it-tempji minħabba li l-parking area ttieħdet mill-impjegati u dawn il-viżitaturi ma sabux post fejn jipparkjaw? Jikkonferma li waqt dan il-party l-ħaddiema kellhom jixtru d-drinks billi jixtru tokens u fl-ebda ħin ma ħarġet irċevuta fiskali awtorizzata mid-Dipartiment tal-VAT?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-party tal-Milied ta’ Heritage Malta ta’ din is-sena sar fiċ-ċentru tal-viżitaturi ta’ Ħagar Qim sabiex jagħti iżjed opportunità lill-membri tal-istaff li jattendu – kif fil-fatt ġara. Il-party, li beda fis-2pm, sar f’parti miċ-ċentru li tintuża apposta għall-attivitajiet soċjali. Ninsab infurmat li ma sarx ħlas għad-drinks iżda id-drinks ingħataw għal-donazzjoni li marret għal fond tal-iSports and Social Committee ta’ Heritage Malta li jorganizza attivitajiet għall-istaff ta’ Heritage Malta stess. Ninsab ukoll infurmat li ma jirriżultax li xi viżitaturi ma setgħux jattendu minħabba nuqqas ta’ parkeġġ: tant hu hekk li filwaqt li fit-23 ta’ Diċembru 2013 (meta ma kienx hemm party) kien hemm tlett mija wieħed u sebgħin (371) viżitatur li żaru Ħagar Qim, dan in-numru tela għal erbgħa mija sebgħa u tletin (437) fl-istess data tal-2014.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-performance bonus lis-CEO u lid-diversi heads ta’ Heritage Malta matul is-sena 2014? Jista’ jelenka (kariga b’kariga) kemm-il mira mistennija mid-diversi heads intlaħqu u b’liema persentaġġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 13338 hekk kif mogħtija lili minn Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Palazz Manoel de Vilhena fl-Imdina li jospita anzjani u persuni b’abilitajiet differenti, dawn il-persuni għandhomx aċċess għas-sulari ta’ fuq, minħabba li hemm tliet sulari taraġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-parti tal- Palazz Vilhena li tospita fiha l-Mużew tal-Istorja Naturali m’għandhiex faċilitajiet li jippermettu aċċess faċli għal kulħadd. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aċċessibilta’ ta’ dan il-post qatt ma kienet faċli partikolarment minħabba l-istruttura tiegħu.
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jekk jinstab mod li bih jista’ jitħaffef l-aċċess, dan il-Gvern jimpenja ruħu li jagħmlu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-membri fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Heritage Malta minbarra r-rappreżentant tal-Università ta’ Malta, għandhom rikonoxximenti akkademiċi fil-qasam tal-Heritage/restawr/tmexxija ta’ siti kulturali? Saru talbiet biex nies fi ħdan il-qasam tar-restawr/patrimonju/tmexxija ta’ siti kulturali jkunu membri fil-bord de quo?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li fuq il-Bord ta’ Heritage Malta stess hemm membri li għandhom rikonoxximenti akkademiċi jew esperjenza fil-qasam tal-Heritage / restawr / tmexxija ta’ siti kulturali daqs kemm kien hemm preżenti qabel Marzu 2013. Ninsab konvint li l-Onor. Interpellant jifhem li mhux kull min ikun involut fil-qasam tal-wirt kulturali għandu bilfors ikollu kwalifika partikolari f’dan il-qasam.
Access to Communication and Technology Unit — applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet quddiem l-ACTU (Access to Communication and Technology Unit) bejn Jannar 2014 u Novembru 2014? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet bdew jiġu mismugħa u kemm kien in-numru ta’ studenti ġodda li bdew igawdu mis-servizzi tal-istess ACTU matul l-istess perjodu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2014 u Novembru 2014 daħlu l-ACTU (Access to Communication and Technology Unit) 72 każijiet ġodda. Bejn Jannar u Novembru 2014, l-ACTU raw 24 każ ġdid flimkien ma każijiet oħrajn li jkunu diġa bdew igawdu mis-servizz. Waqt dan il-perjodu sar ukoll eżerċizzju ta’ screening fejn ġew screened 78 każ u b'hekk ġew identifikati l-prijoritajiet għas-servizz.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12916, jista’ l-Ministru jagħti ġustifikazzjoni, f’kull każ imsemmi fit-tweġiba, għalfejn ma ntużatx il-proċedura ta’ konkors (call for quotes, tender, eċċ.)?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-raġunijiet prinċipali għaliex ma ntużatx il-proċedura ta' konkors kienu għax ix-xogħlijiet kienu urġenti minħabba li l-iskejjel saru co-ed kif ukoll minħabba esiġenza ta' xogħol.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12916, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux inkwetat li f’21 xahar, ingħataw 171 direct order minn entità waħda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għamlet xogħlijiet fuq madwar 59 skola bejn Marzu 2013 u Diċembru 2013, u fuq madwar 89 skola minn Jannar 2014 sa Novembru 2014. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-MCAST f'Għawdex u l-Visual and Performing Arts Centre f'Għawdex ukoll. L-ispiża totali f’dawn l-iskejjel kienet ta’ €17,090,013.78. Id-direct orders kienu jammontaw għal 5.3% tal- valur tal-ispiża totali.
Peress li ma sibnix pjan serju għal xogħlijiet ta' manutenzjoni, ix-xogħlijiet bżonnjużi kellhom isiru b'urġenza u għalhekk ma nħossx li din il-proċedura hija inkwetanti, anzi kienet meħtieġa u urġenti. Il-bini tal-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi ma jitranġax bil-kliem sabiħ iżda bix-xogħol li ma jiflaħx jistenna minn sena għall-oħra, sena wara sena.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12916, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru talabx spjegazzjoni għalfejn kien hemm dak l-ammont għoli ta’ direct orders?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-direct orders ingħataw fuq numru ta’ proġetti fejn wieħed kien konxju ta’ l-urġenza tax-xogħlijiet li kellhom isiru u għaldaqstant, il-Ministeru kien infurmat dwar il-bżonn li dawn ix-xogħlijiet isiru malajr kemm jista' jkun għall-benefiċċju tal-istudenti.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12916, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex ma jibqax isir dan l-ammont għoli ta’ direct orders?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-direct orders intużaw minħabba l-urġenza tax-xogħlijiet u ma setax isir mod ieħor. Fil-fatt qed isir pjanar short to medium term biex direct orders jintużaw lanqas possibli.