Jista’ l-Ministru jgħid kemm siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta għandhom il-faċilitajiet tal-wifi għall-viżitaturi? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-wifi systems jużaw servizzi tal-ISP mhux tal-MITA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li s-servizz tal-wifi qed jiġi pprovdut fiċ-ċentru tal-viżitaturi u t-tempju ta’ Ħaġar Qim, u fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Ninsab infurmat li l-wifi tal-Palazz tal-Inkwiżitur hu pprovdut mill-MITA.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il panneli fotovoltajiċi ġew stallati fil-proprjetajiet taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa? Jista jgħid fejn ġew stallati u kemm hi l-ispiża relatata magħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-energy policy li tħaddan din l-Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta nstallat 72 minn dawn it-tip ta’ panelli fi proġetti ġodda li ġew iffinanzjati mill-ERDF, li jinkludu t-Tempji tal-Ġgantija u l-Katakombi ta’ San Pawl.
L-ispiża ta’ dawn iż-żewġ sistemi tlaħħaq id- €79,187.
Ninsab infurmat li Heritage Malta m’għandiex energy policy speċifika iżda fil-proġetti l-ġodda tuża dawk is-sistemi kollha sabiex tnaqqas il-konsum u l-ispiża għall-enerġija skont ir-regolamentazzjoni tal-pajjiż kif ukoll il-programmi ta’ finanzjament li tkun qed tibbenifika minnhom.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li ġew intervistati nies sabiex jimtlew postijiet ta’ senior clerks u GSO sabiex jitmexxa s-sit ta’ Sant Iermu? Jekk fl-affermattiv, għaliex inħasset il-ħtieġa li jitwarrabu nies ta’ esperjenza u dedikazzjoni lejn l-istess aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġew intervistati nies biex jimtlew postijiet ta’ senior clerks sabiex jitmexxa s-sit ta’ Sant’Iermu. Madanakollu, ma kienx hemm nies li ġew intervistati għall-post jew postijiet ta’ Gallery Site Officer, u lanqas kien hemm talba biex jigu mpjegati nies f’dan il-grad.
Ninsab infurmat li n-numru ta’ senior clerks ta’ Heritage Malta m’ huwiex biżżejjed sabiex ikopru l-ħtiġijiet ta’ dan is-sit ġdid, u għaldaqstant ma twarrbu l-ebda nies ta’ esperjenza u dedikazzjoni fi ħdan l-aġenzija.
Heritage Malta – rilokazzjoni tal-monti tal-Belt Valletta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax il-parir mill-esperti ta’ Heritage Malta fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-monti ġewwa il-Belt? Jekk iva, x’kien dan il-parir li Heritage Malta tat lill-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx irrappurtati inċidenti relatati ma’ ħaddiema f’dawn l-aħħar 20 xahar? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont li ġie investit, kemm f’taħriġ ta’ ħaddiema kif ukoll f’tagħmir ta’ ilbies protettiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li f’dawn l-aħħar 20 xahar ġew irrappurtati inċidenti relatati ma’ ħames ħaddiema. F’dan il-perjodu msemmi ma kienx hemm taħriġ relatat direttament fuq is-sigurtà u s-saħħa iżda ninsab infurmat li ġew investiti €6,850 f’tagħmir ta’ lbies protettiv.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fis-6 ta’ Jannar 2015 għall-ħabta tal-10:30am, kien hemm inċidenti li ġew involuti fihom xi studenti waqt attività edukattiva fil-Palazz tal-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-accident report relatat mal-istess inċident, il-pariri u l-kummenti addizzjonali tal-health and safety officer u kemm minn dawn il-pariri twettqu sal-ġurnata tal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-imsemmi inċident seħħ waqt programm edukattiv u kien jinvolvi lil tifel li waqa’ b’mod aċċidentali wara li tfixkel f’saqajh stess. Dan ma ġarax minħabba xi nuqqasijiet relatati ma’ health and safety. Ninsab infurmat li l-istess tifel qam minnufih u ma ġarrab l-ebda tip ta’ konsegwenzi kif ikkonfermat omm it-tifel stess li kienet preżenti.
Ir-Rabat – Vjal il-Ħaddiem – Triq magħluqa minħabba xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat Malta ġie magħluq kompletament miż-żewġ naħat (minn Triq Misraħ Suffara sa Triq is-Salvja) tul it-triq kollha għad-detriment ta' min jgħix u jaħdem fiha, meta setgħet ngħalqet biċċa, imbagħad tingħalaq il-biċċa l-oħra, minħabba li dan qed jaffettwa r-residenti kif ukoll lill-ħwienet? Għaliex, meta mhux qed isiru xogħlijiet fin-naħa t’isfel, lanqas qed jkun hemm aċċess għal din il-biċċa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ġiet magħluqa miż-żewġ naħat biex il-kuntrattur ikun jista' jaħdem minn żewġ postijiet differenti. Dan il-qbil intlaħaq wara laqgħa li saret mal-enititajiet konċernati biex jitnaqqas iż-żmien li fih iddum magħluqa it-triq u b'hekk jitnaqqas ukoll l-inkonvjent lir-residenti.
Fil-preżent, il-kuntrattur qed jonqos milli jimxi ma' dan il-ftehim u ġie notifikat uffiċċjalment mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13884, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li kien issemma fl-istess mistoqsija parlamentari qed jagħmel l-istess xogħol li kien jagħmel meta kien impjegat mal-kuntrattur, fosthom anke li kien jassumi r-responsabilità ta’ xufier taċ-Chairperson fl-assenza tax-xufier proprju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minbarra dak li ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13884, il-persuna msemmija qed tagħmel ukoll ix-xogħol li kien jagħmel qabel.
Jista’ l-Ministru jispjega x’ried ifisser is-CEO ta’ Heritage Malta bil-kliem: “Għandha ħafna x’nagħmlu u ma noqogħdux nintilfu bħala aġenzija fuq affarijiet personali” waqt il-laqgħa tal-management li saret nhar it-Tlieta, 27 ta’ Jannar f’Ħaġar Qim? Jidhirlu l-Ministru li dan ma kienx kumment f’waqtu u li seta’ urta ħafna mill-managers preżenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Filwaqt li qed jiġi espress dubju dwar kemm il-kwotazzjoni hija korretta, ninsab infurmat li l-kuntest li fih intqal dan il-kliem kien sabiex Heritage Malta twettaq il-proġetti kbar li hija impenjata fihom matul din is-sena u kif għandha bżonn il-kontribut attiv ta’ kulħadd. Dawn il-proġetti se jkunu ta’ prijorità ewlenija, u għalhekk għalissa l-miri individwali ta’ dipartimenti partikolari jkollhom jingħataw importanza sekondarja.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13595, ma jidhirlux il-Ministru li tirriserva jumejn fil-ġimgħa trasport għad-dipartiment tal-istores huwa ftit meta dawn il-ħaddiema jridu jlaħħqu mas-siti kollha mxerrda ma’ Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-frekwenza tat-trasport għall-ħaddiema tal-istores tista’ tiżdied. Il-frekwenza tat-trasport tiżdied meta jinħass il-bżonn li dan isir.
Heritage Malta – impjegati li ġġeddewlhom is-servizz wara l-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu 2013 kienx hemm impjegati ta’ Heritage Malta li ġeddewlhom is-servizz tagħhom wara l-pensjoni tal-irtirar? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm ħaddiema, f’liema gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni ġejjin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa kien hemm impjegat wieħed fi grad ta’ coordinator mid-Dipartiment tal-istores li kellu estenzjoni ta’ sitt xhur.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14080, jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-professjoni li l-persuna ġiet ingaġġata taħdem fiha? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sejħa tal-ETC li għaliha qed jirreferi l-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna ġiet ingaġġata bħala Legal Officer mal-Kunsill Malti għall-Arti u kif diġa ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 14080 dan l-ingaġġ sar wara sejħa tal-ETC.
Il-Vacancy number ta’ l-ETC huwa 273862.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-proċeduri l-Kunsill Malti għall-Arti ma jkollux għandu kopja tas-sejħa ta’ l-ETC, iżda minflok il-Kunsill jirċievi mingħand l-ETC dokument mingħand din il-korporazzjoni li jikkontjeni lista tal-kandidati li applikaw.
Nifhem li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li m’huwiex opportun li mperreċ mal-erbat irjieħ l-ismijiet tal-kandidati li applikaw għas-sejħa tal-ETC.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża abbinata ma’ training u CPD programme f’Heritage Malta matul is-sena 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta l-ispiża ta’ Heritage Malta abbinata ma’ training u CPD programme għall-2014 kienet tammonta għal €16,279.43
Għandi nifhem li l-Onor Interpellant jemmen kemm fit-training u kemm f'CPD initiatives għall-impjegati tal-Aġenzija u jemmen ukoll li kull Ewro investit f'dan il-qasam hu investiment dirett fil-ħaddiema nfushom.
Il-Belt — Palazz tal-Granmastri – kontroll taħt Heritage Malta
Question
Darba li l-Parlament imur fil-binja l-ġdida, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hux se tieħu l-kontroll tal-binja kollha tal-Palazz?
Response (BONNICI, OWEN)
Onestament, ma fhimtx jekk l-Onor. Interpellant huwiex qed jissuġġerixxi li l-President ta’ Malta m’għandux jew m’għandhiex jibqa’ jokkupa partijiet tal-Palazz tal-President. Jekk dak huwa li qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant, jiena ma naqbilx ma dana s-suġġeriment. Naturalment, wara li l-Parlament imur fil-binja l-ġdida, Heritage Malta se tilgħab rwol kruċjali fl-amministrazzjoni ta’ partijiet tal-Palazz tal-President b’konsultazzjoni sħiħa ma’ esperti fis-settur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi enforcement notices tal-MEPA relatati mal-uffiċċji ta’ Heritage Malta? Jekk fl-affermativ, x’mi¿uri ħadet l-Aġenzija biex din il-kwistjoni tiġi riżolta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’ hemm l-ebda enforcement notice tal-MEPA relatata mal-uffiċċji ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid għala Heritage Malta organizzat open day fis-siti u l-mużewijiet tagħha kollha fi żmien li ma kienx previst, fl-istess ġurnata meta l-Fondazzjoni Wirt Artna organizzat ukoll open day li kienet reklamata ħafna qabel fil-Batterija tal-Mistra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta organizzat open day fl-1 ta’ Frar 2015 bħala l-kontribut tagħha għall-Gimgħa tas-Servizz Pubbliku organizzata mill-Uffiċju tal-Prim Ministru
Heritage Malta –kunflitt ta’ interess ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif Heritage Malta tiddefinixxi t-terminu ta’ kunflitt ta’ interess fejn jidħlu l-impjegati tagħha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta tiddefinixxi l-kunflitt t’ interess fejn jidħlu l-impjegati bl-istess mod kif it-terminu jiġi definit fil-Public Service Management Code.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338 fejn il-Ministru informa li s-CEO ta’ Heritage Malta ngħata l-massimu tal-performance bonus, jiġifieri 15%, filwaqt li l-heads ingħataw 13.5%, jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet għaliex is-CEO ngħata l-massimu tal-punti fejn jidħol il-kriterju tal-ERDF projects filwaqt li l-heads ingħataw biss 17/20 fuq dan il-kriterju? Jekk is-CEO ħa l-massimu, x’inhi r-raġuni li l-heads ma ngħatawx il-massimu bħalu u x’miżuri ħa jittieħdu sabiex il-miri stabbiliti jintlaħqu kollha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’kull każ il-persentaġġ tal-performance bonus ingħata bl-aktar mod ġust.
Heritage Malta – kriterji għall-għoti ta’ performance bonus lill-Managers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom ingħata l-performance bonus tal-managers ta’ Heritage Malta matul is-sena 2014? Jista’ jelenka (kariga b’kariga) kemm-il mira mistennija mid-diversi managers intlaħqet? B’liema persentaġġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-performance bonus tal-managers ta’ Heritage Malta huma differenti għal kull każ, u jvarjaw skont ir-responsabilità ta’ tal-individwu partikolari. Minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni ma nħossx li din għandha titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għas-siti ta’ Tas-Silġ u Borg in-Nadur? Hemm xi ħsieb biex dawn is-siti jinfetħu għall-pubbliku iktar spiss ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li s-siti ta’ Tas-Silġ u ta’ Borġ in-Nadur jinfetħu għall-pubbliku kull meta jkun hemm talba. Ninsab infurmat ukoll li f’Tas-Silġ beda xogħol preparattiv sabiex fis-sit isir xogħol sabiex fih ikun hemm faċilitajiet infrastrutturali u interpretattivi aħjar.