Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu trabi minn tfajliet taħt is-16-il sena bejn Jannar u Ottubru 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa għandu informazzjoni nazzjonali fuq it-twelid ta' trabi lil ommijiet (Maltin jew mhux Maltin). L-istatistika għal din is-sena, kif miġbura permezz tas-sistema National Obstetric Information System (NOIS), hija aġġornata sa l-ewwel sitt xhur tas-sena.
Bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena (2003) kienu reġistrati total ta' seba' (7) ommijiet li welldu seba' (7) trabi f'Malta u Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni bil-file no: T2038/97 (plot 9 Ta' Pizzuta, Żejtun) għall-fidi ta' ċens? Id-dettalji tal-persuna qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li, wara li l-applikant in kwistjoni aċċetta s-somma għal fidi taċ-ċens impost fuq Plot 9, Ta` Pizzuta, Żejtun, tkomplew il-proċeduri sabiex jiġi finalizzat il-fidi u issa l-Uffiċċju Konġunt jinsab f`pożizzjoni li jiffirma l-kuntratt fi żmien xahrejn.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li l-gvern jirranġa Triq Kaħwila f'Ħaż-Żabbar (fuq in-naħa taċ-ċimiterju - servizzi tad-drenaġġ, eċċ. kollha mgħoddija) peress li din tinsab fi stat diżastruż u qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi t-triq qegħda nkluża fil-lista ta' prijoritajiet ta' toroq li għandu d-Direttorat u x-xogħol fiha jkun jista' jsir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.
Jista' il-Ministru jgħid huwiex konxju minn reklamar li qed isir fuq stazzjon tar-radju - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - minn kumpannija - li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu wkoll separatament - li qed tirreklama prodott li jkabbar is-sider tan-nisa? Jista' jgħid jekk dawn ir-reklami għandhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-dipartiment? Huwa etikament aċċettabbli li l-pubbliku jingħata informazzjoni minn impjegati ta' kumpannija u mhux minn persuni professjonali fil-qasam tal-mediċina?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment qiegħed jinvestiga u risposta definittiva tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ sabiex in-nies li joqogħdu fl-ewwel parti ta' Triq il-President Anton Buttigieg u Triq Xrob il-Għaġin, fiż-Żejtun ikollhom sistema ta' drenaġġ diċenti minflok il-fossa li qed jużaw fil-preżent?
X'wassal biex ix-xogħol li kien inbeda u tlestiet biċċa sewwa minnu waqaf proprju fl-aħħar biċċa trinka?
Huwa konxju l-Ministru li dawn ir-residenti ilhom ibatu min-nuqqas ta' sistema ta' drenaġġ adegwata għal dawn l-aħħar 20 sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li x-xogħol ta' drenaġġ fi Triq Xrob l-Għaġin, Żejtun se jitkompla aktar tard dan ix-xahar.
Dan ix-xogħol jista' jitkompla wara li ġew l-approvazzjonijiet meħtieġa għal din l-estensjoni. Ix-xogħol kellu jieqaf minħabba diffikultajiet tekniċi fil-qsim ta' din it-triq fejn kellha tiġi riveduta connection aħħarija tal-katusi.
Issa li dawn ġew superati, dan ix-xogħol se jitkompla.
Jista' il-Ministru jgħid min ser ikun is-CEO il-ġdid tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada? Jista' jgħid x'inhu x'xogħol tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament? Kemm titħallas din il-persuna fis-siegħa mill-Fondazzjoni? Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallset fix-xahar mill-bidu ta' l-impjieg tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li il-Bord għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni fir-rigward tal-ħatra ta' CEO ġdid. Ir-rwol tal-persuna imsemmija hija ta' 'Management Consultant' u bħalissa qed tikkonċentra fuq ix-xogħol ta' project management fuq il-proġett ta' l-iskola Junior Lyceum Sir Adrian Dingli, Pembroke.
Fit-13 ta' Novembru, 2002, f'PQ 35951 tajt it-tagħrif mitlub fit-tielet parti tal-mistoqsija, jiġifieri, li dan il-konsulent jitħallas bir-rata ta' LM 10.00 is-siegħa eskluż il-VAT, l-istess rata stabbilita bl-approvazzjoni tal-Finanzi sa mill-1995 għal konsulenti ta' dan it-tip f'dan il-Ministeru.
Mill-bidu ta' l-ingaġġ tas-servizzi tiegħu f'Mejju 2001 dan il-konsulent ħadem medja ta' 140 siegħa fix-xahar.
Kulleġġ Madre Tereża — Resits ta' l-eżamijiet finali
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati r-riżultati tar-resits ta' l-eżamijiet finali ta' studenti tat-tieni sena li jattendu fil-kulleġġ Madre Tereża?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni wara dan id-dewmien kollu? Huwa konxju l-Ministru mill-fatt li dan id-dewmien esaġerat ġab ħafna inċertezza bla bżonn fost dawn l-istudenti minħabba l-fatt li ma jistgħux japplikaw għall-korsijiet fil-qasam tas-saħħa minħabba li għadhom ma jafux ir-riżultat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn l-istudenti spiċċaw il-kors mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Id-dati tar-resits kienu mibgħuta mar-riżultati annwali fl-aħħar tas-sena skolastika mill-amministrazzjoni tal-Mother Theresa College u dawn saru bejn it-23 u d-29 ta' Settembru.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ sabiex in-nies li joqogħdu fl-ewwel parti ta' Triq il-President Anton Buttigieg u Triq Xrob il-Għaġin, fiż-Żejtun ikollhom sistema ta' drenaġġ diċenti minflok il-fossa li qed jużaw fil-preżent?
X'wassal biex ix-xogħol li kien inbeda u tlestiet biċċa sewwa minnu waqaf proprju fl-aħħar biċċa trinka?
Huwa konxju l-Ministru li dawn ir-residenti ilhom ibatu min-nuqqas ta' sistema ta' drenaġġ adegwata għal dawn l-aħħar 20 sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jelenka l-lista' sħiħa ta' kumpanniji, kuntratturi jew individwi li ġew imqabbda mill-grupp SKANSKA biex irendu xi servizz lejn il-bini ta' l-isptar il-ġdid mill-2002 l'hawn? X'kienet in-natura tax-xogħol ta' dawn il-kumpanniji kuntrattati mill-iSKANSKA? X'inhuma l-ammonti li ġew invoiced lil SKANSKA mill-kumpanniji mqabbda minnha? Liema kienu l-kumpanniji li tħallsu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-riposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada — Direct orders
Question
Jista' il-Ministru jgħid lil min ingħataw id-direct orders li ħarġu mill-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada għall-perjodu Jannar sa Diċembru 2002 u Jannar sa April 2003? Jista' jelenka waħda waħda d-direct orders li nħarġu f'dan iż-żmien, liema kienu l-kumpanniji statali, parastatali u privati li ġew mogħtija dawn id-direct orders u kemm kienu l-ammonti ta' kull direct order?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-dettalji mitluba b'riferenza għad-Direct Orders mogħtija mill-FTS qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kif jista' jinnota l-Onor. Membru il-biċċa l-kbira ta' dawn id-Direct Orders ingħataw lil kumpaniji tal-Gvern bl-approvazzjoni tal-Finanzi. Infatti għas-sena 2002 ammont ta' Lm 906,920 ingħataw lill-Kalaxlokk, Kooperattiva Aluminium, Kooperattiva Mastrudaxxi u Malta Shipbuilding filwaqt li Lm 278,147.69 ingħataw Direct Orders lis-settur privat. Fir-rigward tas-sena 2003 kif mitlub fil-mistoqsija wieħed isib li lis-settur privat ingħataw b'Lm 123,739.09 Direct Orders, filwaqt li lill-kumpaniji tal-Gvern ingħataw b'kemm jiswew Lm 308,694.12 f'Direct Orders taħt l-arranġamenti imsemmija.
Bis-saħħa tar-regolamenti finanzjarji l-FTS kellha id-delega li tawtorizza xogħolijiet u ħlasijiet sa Lm 2500 kull ordni. Numru ta' Direct Orders li jaqbżu dan il-limitu ġew approvati mill-Finanzi.
Informat ukoll li l-ħlasijiet f'numru ta' Direct Orders għadhom qed jiġu kontestati mill-FTS innifisha filwaqt li oħrajn għadhom ma ġewx approvati mill-Finanzi.
Ġejt assigurat li l-ebda ħlas ma sar mill-FTS jekk ix-xogħol, il-kwantita' u l-kwalita' ma ġewx ċertifikati mill-Quantity Surveyor li iddikjara ukoll il-ħlas bħala ġust u raġjonevoli kif jitolbu ir-regolamenti.
Jista’ jingħad kemm hu n-numru ta’ kummissjonijiet (commissions) ta’ flus li ngħataw, jekk hu l-każ, lill-aġenti/sensara illi jressqu klijenti prospettivi lill- BOV Home Loans, u dana tul is-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002, sena b’sena, xhar b’xhar ? Jista’ jingħad kemm kienu l- ‘Bad Debts’ għall-istess xhur u snin involuti ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura kummerċjali tal-BOV, mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm inġabru flus f’donazzjonijiet miġbura fl-uffiċċju tal-Morgages (self għad-djar) fil-BOV Palace Square, Valletta, b’risq l-hekk imsejjaħ studju xjentifiku li sar, jew qiegħed isir, jew li kellu jsir dwar il-marda tal-kanċer?
Jista’ ġentilment jingħata breakdown tal-ġbir tul dawn l-aħħar snin, u kif u fejn intnefqu ? Sar xi forma ta’ kontroll u ta’ awditjar u ingħataw irċevuta għal kull donazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba n-natura kummerċjali tal-BOV, mhux fl-interess tal-kumpanija li jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġie amministrat it-test ta' alkohol fuq sewwieqa suspettati li huma bl-influwenza ta' xorb alkoholiku matul is-sena li għaddiet u matul l-ewwel nofs ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Għar-rigward is-sena l-oħra, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1325. Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 45 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta` l-alkoħol. Minn dawn 23 irriżultaw fil-pożittiv, 2 irriżultaw fin-negattiv, filwaqt li 20 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.
Jista l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal jiffrekwentaw postijiet tad-divertiment f'Paceville minn Jannar 2002 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 51 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment ġewwa Paċeville, filwaqt li bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena kien hemm 13.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi implimentat il-proġett li kien maħsub qabel l-elezzjoni sabiex il-koperattivi magħmula minn ħaddiema tal-gvern, jiġifieri tal-mastrudaxxi, aluminium, u tas-sinjali tat-toroq ikunu jistgħu jespandu l-operazzjoni tagħhom ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett li qed jirreferi għalih huwa x-xogħlijiet li jridu jsiru fil-ħwienet li qed jintużaw mill-koperattivi biex ikunu jistgħu jtejjbu l-ħidma tagħhom. Ninfurmah ukoll li jien kelli laqgħa ma' dawn il-koperattivi li fiha ġie ddentifikat ix-xogħol li jrid isir. Ninsab infurmat ukoll li diġa' bdiet tittieħed azzjoni biex dawn ix-xogħlijiet jitwettqu.
Jista’ l-Prim Minsitru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 851 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe' jgħid jekk sarx xi rapport mill-Ministeru dwar il-funzjoni tal- koperattivi li twaqqfu fi ħdan iċ-Ċivil qabel l-elezzjoni li għaddiet?
Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta'dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-Bord li twaqqaf mill-“Management and Personnel Office”, fl-Uffiċċju tiegħi li kien kompost ukoll minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Bord tal-Koperattivi ssottometta rakkomandazzjonijiet dwar l-operat tal-Koperattivi komposti minn uffiċjali pubbliċi u kif ix-xogħol permezz ta’ Koperattivi minn uffiċjali pubbliċi jista’ jiġi nkoraġġit.
Qabel ma jiġi konkluż ir-rapport jinħtieġ li ssir evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjonijiet tagħhom. Din l-evalwazzjoni qiegħda ssir u mistennija tiġi konkluża f’qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru studji mill-Awtorita` tat-Trasport dwar is-sistema tat-trasport pubbliku f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' l-Ministru jgħid min għamel dawn l-istudji u kemm swew? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-istudji humiex pubbliċi u jekk jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għamlet dawn ir-rapporti hekk kif gejjin fir-rigward tas-sistema tat-trasport pubbliku f'Malta.
a) Commuter Use of Bus System - l-ewwel parti, u li sar mill-professur Mario Vassallo f'Settembru 1999. Dan sewa Lm3392.50. F'Marzu 2000 sar it-tieni parti ta' dan l-istudju u li kien jiswa Lm3696.
b) Impact Assessment on the adoption of the Aqcuis - rigward l-operat tat-trasport pubbliku. Dan sar mis-Sur Anthony Pearce, Access Euro Consulting f'Ġunju 2000 u li kien jiswa Lm6670.
c) Working paper on a viable public transport system, dan sar mis-Sur Anthony Pearce bħala tkomplija ma' l-impact assessment.
d) Time to Act - Dan l-istudju sar mill-Bord u l-Management ta' l-istess Awtorita' mingħajr ħlas.
Jien infurmat ukoll li (b) u (c) diġa tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta Nru. 563 tal-leġislatura preċedenti b'rispsota għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26682.
Dwar (a) u (d) dawn ir-rapporti huma parti mill-bażi li fuqhom qed isiru taħdidiet mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u għalhekk dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra aktar 'l quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-pulizija f'Paceville bl-iskop li jinqabdu persuni taħt l-eta` jixorbu xorb alkoholiku matul is-sena 2002? Jista’ l-Ministru jgħid fejn u meta saru dawn l-ispezzjonijiet matul is-sena 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2002 il-Pulizija tad-distrett ta` San Ġiljan għamlet xejn inqas minn 174 spezzjoni f`postijiet ta` divertiment li hemm f`Paċeville. B`riżultat ta` dawn l-ispezzjonijiet, ma nqabdet l-ebda persuna tbiegħ xorb alkoħoliku lill-persuni taħt l-eta` pero` inqabdu 51 persuna taħt is-sittax-il sena f`postijiet ta` divertiment u inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra s-sidien ta` seba` stabbilimenti fejn instabu dawn iż-żgħażagħ.
Pulizija — Persuni li nqabdu jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb fis-sena 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 124 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta` l-alkoħol. Minn dawn 85 irriżultaw fil-pożittiv filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Fil-każijiet kollha inbdew proċeduri quddiem il-Qorti.