Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm proċeduri kriminali in konnessjoni ma' ħaddiema jew ex ħaddiema ta' koperattiva tat-tjur limited li baqgħu ma tħallsux il-pagi, bonus, eċċ? Jista' jgħid min huma dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid kemm hu l-ammont li għandhom jieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Bord tal-Koperattivi ma jidħolx fi kwistjonijet legali bejn il-membru/i u bejn il-koperattiva tagħhom. Mhux il-kompitu tal-Bord li jżomm din it-tip ta’ nformazzjoni.
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk kienx jaf b'inizjattiva ta' ġbir li sar fost l-impjegati tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni biex jinxtara rigal għad-direttur ġenerali li kien wasal biex jirtira?
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex konxju tal-fatt li min kien qed jiġbor il-flus beda jniżżel l-ismijiet ta' dawk li rrifjutaw li jagħtu l-flus?
Jista' jgħid jekk tali ġbir huwiex konformi mar-regolamenti ta' l-Estacode fid-dawl ta' ċirkulari li ħarġet aktar qabel li tipprojbixxi tali ġbir fost l-impjegati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ġbir li sar fost l-impjegati, kien biex isiru 'drinks' fl-okkażjoni ta' l-irtirar tas-Sur Charles Mizzi minn Segretarju Permanenti, u mhux għad-Direttur Ġenerali.
Informat ukoll li ma kien hemm l-ebda lista ta' ismijiet ta' dawk li ma tawx flus.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' warrants li ngħataw fl-aħħar ċerimonja li ġiet organizzata f'Marzu li għadda? Kemm minn dawn il-warrants ġew mogħtija fuq bażi ta' snin ta' esperjenza? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati tal-PGCE? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati ta' l-MA? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati ta' l-Msc? Kemm minn dawn il-warrants ġew mogħtija lill-gradwati tal-B.Ed.?
Fid-dawl tal-fatt li numru konsiderevoli minn dawn il-warrants ngħataw lil gradwati ta' l-MA u l-Msc., jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex kuntent bil-fatt li daqstant warrants qed jingħataw lill-individwi li m'għandhomx it-taħriġ neċessarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ċerimonja ta' l-għoti tal-Warrants lill-għalliema, ingħataw total ta' 229 warrant. Minn dawn 32 warrant ingħata fuq bażi ta' snin ta' esperjenza; 39 kienu gradwati tal-PGCE; 34 kellhom l-MA; 13 kienu gradwati bl-MSc u 102 gradwati tal-B.Ed. Kien hemm ukoll 2 bl-M.Ed u 7 kellhom Dottorat.
Dawn il-warrants kollha nħarġu skond l-Att ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Mixtla f'Ħ'Attard? Huwa konxju l-Ministru mill-inkonvenjent li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu r-residenti ta' din it-triq ta' kuljum minħabba d-diżlivelli u żdingar li hemm f'din it-triq? Jista' jgħid kemm saru toroq f'Ħ'attard tul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jagħti lista tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern u li għandhom bżonn li jsiru mil-bidu f'Ħ'Attard? Jista' jgħid liema minn dawn it-toroq se jibbenefikaw mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid liema huma t-toroq f'Ħ'Attard li se jiġu rranġati mill-gvern fis-sena 2005?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Fir-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija jien infurmat illi Triq il-Mixtla hija waħda mid-diversi toroq li ġew inklużi fil-programm ta’ kostruzzjoni ta' toroq li għandhom isiru iktar il-quddiem.
Toroq li saru f’Ħ’Attard fl-aħħar ħames snin. p/o Triq l-Imdina, Triq Żnuber, Triq il-Ponsjetta, n/s fi Triq Żnuber, Daħlet l-Oleandri, Daħlet iċ-Ċipress u Daħlet iċ-Ċawsli.
Fil-preżent l-Awtorita' għandha lista ta' toroq li għadhom qatt ma saru u li huma inklużi fil-programm ta' prijoritajiet, dawn huma Triq A.Durer, Triq il-Bettiegħa, Triq Emvin Cremona, Triq Ferdinandu Inglott, Triq il-Fikus, Daħlet l-Istrinġitur, Triq il-Konti R.Barbaro, Triq il-Larinġ, Triq Lorenzo Manche, Triq il-Mixtla, Triq in-Nebbieta, Triq Peter Paul Rubens, Triq is-Sardinella, Triq it-Taħħan, Triq iż-Żaħħar, Triq iż-Żbiba u Triq iż-Żraġen.
Fir-rigward ta’ toroq oħra fil-lokalita dawn isiru aktar il-quddiem skond l-eżiġenzi tad-Direttorat.
Rigward toroq f’Ħ’Attard li ser jibbenifikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja, nixtieq infakkar li l-finanzi il jiġu minn barra jintużaw fuq toroq arterjali u mhux it-tip ta’ toroq li semma l-Onorevoli Interpellant. Mill-fondi li ġejjien mill-5 Protokoll Taljan hemm skedata t-Triq li minn Ħ’Attard twassal għas-Saqqaja.
Ħaddiema tal-Gvern — Seconded ma għaqdiet volontarji
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Gvern li huma seconded ma' għaqdiet volontarji? Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' min huma dawn l-għaqdiet u kemm għandhom ħaddiema sekondati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern għandu għaxar ħaddiema mid-dipartimenti tal-Gvern li qed jaħdmu ma’ għaqdiet volontarji Non Governmental Organisations (NGO’s).
Hawn taħt qed nagħti lista ta’ għaqdiet volontarji u n-numru ta’ ħaddiema tal-gvern li qed jaħdmu magħhom.
GĦAQDA
NUMRU TA’ ĦADDIEMA
BIRD LIFE MALTA
2
NATURE TRUST MALTA
1
CARITAS (MALTA)
1
MALTA RED CROSS SOCIETY
1
DIN L-ART ĦELWA
1
CATHEDRAL PARISH REGIONAL LIBRARY,
GĦAWDEX
2
EDEN FOUNDATION
1
MIRIAM AL BATOOL ARAB SCHOOL
1
Jaf il-Ministru li pazjenti intitolati għal Ventolin inhaler mhumiex qegħdin jingħataw dan il-prodott mill-ispiżeriji tal-gvern? Jista' jgħid x'inhi l-kawża ta' din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid meta dan il-prodott ikun fl-ispiżerija ta' l-isptar San Luqa? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' mediċini li bħalissa jinsabu out of stock mill-ispiżeriji tal-gvern u l-isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-mediċina Salbutamol inhaler, riferuta bħala Ventolin tinsab f'kull spiżerija tal-Gvern, inkluż tal-Isptar San Luqa.
Il-kumplament tat-tweġiba qed tinġabar u titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta tkun lesta.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-picnic area ta' Ħal Far (viċin il-Lyster barracks) tħalliet fi stat ta' żdingar? X'kienet ir-raġuni li din is-sena l-ħaxix ħażin tħalla jikber u din in-naħa ma ġietx ikkurata kif jiġri ta' kull sena? Meta se titnaddaf din il-picnic area sabiex tkun tista' titgawda mill-pubbliku?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ħaddiema tal-Gvern — Seconded ma għaqdiet volontarji
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Gvern li huma seconded ma' għaqdiet volontarji? Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' min huma dawn l-għaqdiet u kemm għandhom ħaddiema sekondati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm hemm ħaddiema (full time) li qed jaħdmu fiċ-Ċentru Miftuħ (Open Centre) ta' Ħal Far?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentament hemm tliet ħaddiema full-time jaħdmu fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal-Far. Dawn huma ko-ordinatur u żewġ labourers.
Ta' min jgħid li dan iċ-Ċentru hu wkoll sapportjat minn taqsima mwaqqfa apposta dwar immigranti rregolari fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali li tikkonsisti f'Service Area Leader, logistics officer, social worker u skrivan.
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' servizzi qed jiġu offruti miż-żewġ ċentri għall-unaccompanied minors (immigranti llegali) f'Santa Venera u Frate Francesco? Kemm hemm unaccompanied minors li qed jibbenifikaw minn dawn iż-żewġ ċentri rispettivament? Kemm qed jiswew lill-Gvern dawn iż-żewġ ċentri? Kemm hemm ħaddiema impjegati fiż-żewġ ċentri rispettivament u f'liema gradi? Kemm kienet in-nefqa sabiex jiġi rranġat iċ-ċentru miftuħ (open camp) ta' Ħal Far?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra min`barra dak mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija, liema tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdownta' għaqdiet volontarji li bbenefikaw minn għajnuna finanzjarja mill-Gvern u kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li rċevew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
(Tweġiba mogħtija: 07/12/2004PM)
(Seduta Numru: 203)
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq Triq il-Mixtla f'Ħ'Attard? Huwa konxju l-Ministru mill-inkonvenjent li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom miegħu r-residenti ta' din it-triq ta' kuljum minħabba d-diżlivelli u żdingar li hemm f'din it-triq? Jista' jgħid kemm saru toroq f'Ħ'attard tul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jagħti lista tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-gvern u li għandhom bżonn li jsiru mil-bidu f'Ħ'Attard? Jista' jgħid liema minn dawn it-toroq se jibbenefikaw mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid liema huma t-toroq f'Ħ'Attard li se jiġu rranġati mill-gvern fis-sena 2005?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-informazjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-FTS qed jippjanaw sa biex tiġi mwaħħla tinda fil-Kindergarten taż-Żejtun sabiex tipproteġi lit-tfal żgħar mill-qilla tax-xemx waqt li dawn jinħarġu jilagħbu fil-grounds ta' l-iskola? Meta huwa ppjanat li teħel din it-tinda? Jekk il-proċess se jieħu aktar fit-tul u mhux se titwaħħal fil-ġimgħat li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li tinkera tinda temporanja b'mod speċjali issa li r-raġġi UV bdew jitilgħu f'livelli perikolużi għat-tfal żgħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kwalunkwe xogħol meħtieġ għandu bżonn il-permess tal-MEPA. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada issottomettiet applikazzjoni għal dawn ix-xogħolijiet.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitneħħa l-iskart goff (parts tal-karozzi) li hemm biswit l-istage tal-karozza tal-linja f'tarf ta' Triq President Buttigieg (in-naħa taż-Żejtun) fiż-Żejtun?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru vjaġġi mill-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali mill-1 ta' Jannar 2004 'il hawn?
Jista' jagħti breakdown ta' dawn il-vjaġġi u għal xiex saru?
Jista' jgħid kemm-il aġenzija ta' l-ivjaġġar ġew użati matul dan l-istess perjodu sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa għal dan is-safar?
Jista' jinforma lill-Kamra liema linja ta' l-ajru l-aktar li tiġi wżata mill-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali għal dan is-safar?
Jista' jgħid għaliex l-Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali tagħżel li tagħmel użu minn linja ta' l-ajru li mhix l-Air Malta anke fejn u meta din ta' l-aħħar tipprovdi s-servizz għad-destinazzjonijiet konċernati?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri ta' l-Eżekuttiv ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali minbarra li jiffurmaw id-delegazzjoni Maltija għall-Kungress ta' l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, bi dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea huma ukoll membri tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' l-UE. Membri minnhom ġew ukoll eletti f'karigi ta' dawn l-istutuzzjonijiet jew inkella ġew magħżula sabiex jagħmlu xogħol ieħor għan-nom ta' l-istess istituzzjonijiet.
Ninfurmah ukoll li l-membri għandhom il-fakulta' li jieħdu pre paid ticket mingħand dawn l-istituzzjonijiet għaliex is-safar huwa tagħhom fil-kapaċita' personali tagħhom u mhux għan-nom ta' l-Assoċjazzjoni. Madanakollu l-membri iddeċidew illi l-arranġamenti għan-nom tagħhom isir mill-Assoċjazzjoni sabiex l-Assoċjazzjoni tkun tista' tieħu benefiċċji finanzjarji biex b'hekk tnaqqas l-ispiża tagħha għal dawk il-laqgħat li jkunu jridu jattendu u ma jkunux rimburzabbli minn barra minn Malta.
Fuq rakkomandazzjoni ta' l-awditur ġenerali l-Assoċjazzjoni kienet bdiet tieħu l-vjaġġi tagħha mingħand l-Air Malta bi skont ta' 50% kif japplika għad-Dipartimenti tal-Gvern iżda l-Air Malta waqqfet din il-proċedura għaliex sostniet li din kienet applikabbli biss għall-persuni fl-impjieg mas-servizz pubbliku u għal xogħol konness mas-servizz pubbliku.
Għalhekk illi l-Assoċjazzjoni anke fir-rigward ta' l-ivvjaġar tal-membri tagħha, tara liema linja ta' l-ajru qed joffri l-aħjar prezz u connection għal kull viżita li ssir, liema proċedura qed issir bl-approvazzjoni unanima tal-membri ta' l-Eżekuttiv.
L-Assoċjazzjoni qed tuża għal dan il-għan l-Aġenzija KD Travel Limited. L-istess Aġenzija tagħti żewġ vjaġġi b'xejn fis-sena lill-Assoċjazzjoni li matul din is-sena ġia intuża wieħed minnhom.
Ninforma l-kamra ukoll illi l-vjaġġi li għalihom l-Assoċjazzjoni ma rċeviet l-ebda rimbors u li tħallsu mill-allokazzjoni mgħoddija lilha mill-Gvern kienu s-segwenti:
Data
Persuna
Agent ta’ l-ivvjaggar
Post tad-destinazzjoni u dettalji tal-laqgha
Prezz imhallas
Linja ta’ l-ajru wzata
9 ta’ Marzu
Antonia Farrugia
K.D. Travel Services Ltd
Strasbourg, Franza –
CLRAE - Culture and Education Committee.
Lm169.52
Lufthansa
22 ta’ Marzu
Oreste Alessandro
JAC Travel Bureau
Strasbourg, Franza –
CLRAE - Meeting of the Secretaries of National Delegations
Lm112.00
Air-Malta
22 ta’ April
Oreste Alessandro
Ryanair.com
Brussels, Belgium –
Committee Of The Regions - National Delegation Coordinators Meeting
Lm48.60
RyanAir
16 ta’ Gunju
Oreste Alessandro
K.D. Travel Services Ltd
Brussels, Belgium –
Committee Of The Regions – Plenary Session, New Regions and Cities of the European Union
Lm221.27
Lufthansa
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jiltaqa' l-kumitat ta' l-NGOs u rappreżentanti tad-dipartimenti tal-gvern li jagħmlu ħidma ma' l-immigranti llegali fi ħdan il-Ministeru ta' l-Intern?
Jista' jgħid għaliex dan l-aħħar il-kumitat ma kienx qeigħed jiltaqa"? Jista' jgħid meta se jiltaqa' dan il-kumitat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dan il-Kumitat, li twaqqaf minn dan il-Ministeru meta l-għadd ta' immigranti illegali żdied b'mod drammatiku li wassal għal stat ta' emerġenza, iltaqa' l-aħħar f'Ottubru 2003.
F'Diċembru li għadda l-Kabinett iddeċieda li ċerti oqsma relatati mal-bżonnijiet tar-refuġjati jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali. Fil-fatt il-Gvern issuġġerixxa t-twaqqif ta' forum ta' Organizzazzjonijiet Non Governattivi li jaħdmu f'dan is-settur. Ir-rwol ta' dan il-forum se jkun prinċipalment li jikkoordina s-servizzi offruti lir-refuġjati u jassisti fl-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda.
Nixtieq ngħid ukoll li kull meta nħass il-bżonn, u ġie mitlub, dan il-Ministeru kien dejjem lest jiltaqa', fi spirtu ta' kooperazzjoni ma' l-NGOs involuti f'dan is-settur.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm occupational therapists reġistrati l-isptar San Luqa?
Jista' jgħid kemm hemm occupational therapists li huma reġistrati l-isptar San Luqa imma qegħdin jaħdmu fl-isptar Zammit Clapp jew inkella f'postijiet oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-isptar San Luqa hemm reġistrati 28 Occupational Therapists. Ma' dawn wieħed irid iżid 11 Occupational Therapists oħra li qegħdin jagħmlu sentejn rotation mal-isptarijiet kollha, fosthom fl-isptar San Luqa.
Minn dawn l-Occupational Therapists fl-isptar San Luqa, 7 qegħdin jaħdmu fl-isptar Żammit Clapp, 1 qiegħed jaħdem fl-Institute of Health Care, 1 qiegħed jaħdem fl-isptar Ġenerali t'Għawdex u 1 jinsab misluf mal-Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita'.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5617, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-lecturers part-time u full time li huma nvoluti?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li t-tagħrif mitlub hu aċċessibbli bl-aktar mod faċli għall-istudenti tal-fakulta konċernata, m'hiniex nifhem l-interess pubbliku involut biex nirrendi l-ismijiet ta' l-għalliema konċernati pubbliċi bil-mod kif jixtieq l-Onor. Membru. Napprezza jekk jispjegali anke privatament, il-ħtieġa li l-ismijiet ta' nies privati jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti ħjiel meta se jiġu implimentati mill-public service commission is-sentenzi maqtugħa mit-Tribunal ta’ l-Inġustizzji għar-rigward ta’ l-impjegati tal-qrati tal-ġustizzja li ngħataw rimedji għall-inġustizzji li sofrew fuq il-post tax-xogħol ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ każijiet dwar impjegati tal-Qorti li ġew deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji u li ġew irriferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati minħabba li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma ħassitx li hija f’pożizzjoni li tirrakkomanda l-ħatriet proposti mit-Tribunal.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-lecturers u assistant lecturers fit-taqsima tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li;
Hemm 2
full-time lecturers
, u 3
full-time
u 2
part-time assistant lecturers
fid-Dipartiment tal-Psikoloġija tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.
Hemm 2 full-time lecturers u 5 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni Primarja tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.
Hemm 3 full-time u 1 part-time lecturers u 8 full-time u 1 part-time assistant lecturers fid-dipartiment tal-Matematika, Xjenza u Edukazzjoni Teknoloġika tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.