Tista' il-Ministru tgħid jekk rekruti ġodda taċ-ċivil li jkunu marbutin bil-kuntratt mal-gvern ikunux intitolati għall-maternity leaveu parental leave u benefiċċji soċjali oħra?
Tista' tgħid x'benefiċċji soċjali huma ntitolati għalihom: ommijiet separati miż-żwieġ u ommijiet li qed irabbu l-uliedhom waħedhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli mill-impjegati taċ-Ċivil.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li ommijiet separati u ommijiet singli li qed irabbu l-uliedhom weħedhom huma ntitolati għad-diversi benefiċċji, allowances u pensjonijiet, kemm kontributorji u kemm m’humiex, provduti taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet relattivi ta’ l-imsemmi Att. Dawn il-benefiċċji jinkludu dawk maħsuba għan-nisa, jiġifieri, Benefiċċju tal-Maternita’ u Għotja għal Ħalib.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ma ġiex imġedded il-kuntratt tad-direttur ġenerali li serva għal dawn l-aħħar seba' snin fi ħdan l-istess ministeru?
Jista' jgħid jekk din il-vakanza (direttur ġenerali) ġietx pubblikata fil-gazzetta tal-gveern?
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kriterji mitluba għal min se jimla' din il-vakanza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema pożizzjoni qiegħed jirreferi.
Jista' il-Ministru jagħti raġuni għaliex għadu ma ħatarx ir-rappreżentanti tiegħu fuq il-bord tal-fond ċentrali tal-kooperattivi u konsegwenza t'hekk dan il-bord ma jistax jiffunzjona? Jista' jgħid meta beħsiebu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu sabiex il-bord jibda jiffunzjona?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġiet approvata l-ħatra tar-Rappreżentanti tiegħu fuq il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi b'effett mit-Tlieta 4 ta' Lulju 2006. Informat ukoll li l-Kumitat tal-Fond Ċentrali għandu jiltaqa' għall-ewwel darba matul din il-ġimgħa.
Jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-ftehim mal-konsorzju li rebaħ it-tender tal-privatizzazzjoni ta' l-Air Supplies Co. Ltd.?
Jista' il-Ministru jgħd kemm ġew ivvotati flus mid-dipartiment tas-saħħa matul is-snin 2004 u 2005 fuq teknoloġija ta' l-informazzjoni fl-isptar San Luqa?
Jista' jgħid kemm hi l-allokazzjoni finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jinxtraw computers u apparat ieħor ta' l-IT fl-isptar San Luqa għas-sena 2006?
Jista' jgħid kemm ġew utilizzati fondi sa Mejju 2006 minn din l-allokazzjoni?
Jista' jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal bdil ta' computers u apparat ieħor relatat, bħal printers u scanners?
Jista' jgħid minn liema swali jew dipartimenti huma ġejjin dawn it-talbiet u kemm ilhom pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont li ġie ivvutat fuq teknoloġija ta' l-informazzjoni fl-Isptar San Luqa kien ta' Lm88,176 għas-sena 2004 u Lm48,577 għas-sena 2005.
L-allokazzjoni sabiex ikunu jistgħu jinxtraw kompjuters u apparat ieħor ta' l-IT fl-Isptar San Luqa għas-sena 2006 hu ta' Lm39,550.
Minn din l-allokazzjoni ġew utiliżżati Lm21,616.
Fl-ammont murija hawn fuq m'hemmx inkluż ħlasijiet li jsir bħala manutenzjoni fuq is-sistemi u l-infrastrutura teknoloġika fi ħdan l-Isptar San Luqa.
Bħalissa, mill-Isptar San Luqa hemm pendenti 38 talba għal kompjuter ġdid u 5 għal printers ġodda, kif ġej:
Kompjuters
Fiżjoterapija- 2
Biomedical Engineering- 1
Swali tat-tfal- 2
Dipartiment ta' l-Outpatients- 4
Taqsima tal-Maternita'- 3
Patoloġija- 6
Taqsima tal-Kirurġija- 3
Radjoloġija- 3
Spiżerija- 7
Taqsima ta' l-Ortopedija- 1
Sala ta' l-Oftalmija- 1
Taqsima tal-Mediċina- 3
Amministrazzjoni- 2
Printers
Patoloġija- 2
Taqsima tal-Mediċina- 1
Taqsima tal-Maternita'- 1
Stores- 1
Ta' min jiċċara li t-talbiet ma jiġux milqugħa skond id-data rispettiva, imma kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha, kif ukoll skond l-ammont ta' fondi li jkunu ivvutati għal dak l-iskop.
Sptar Monte Carmeli — Ċerimonja tal-ħaddiem tas-sena
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm swiet iċ-ċerimonja tal-ħaddiem tas-sena li saret fl-isptar Monte Carmeli nhar il-Ġimgħa 13 ta' Mejju 2006?
Jista' jgħid kemm sewa r-riċeviment li sar wara ċ-ċerimonja tal-ħaddiem tas-sena?
Jista' jgħid il-għala nħarġet ordni sabiex tobba li jaħdmu b'reduced hours mad-dipartiment tal-pedjatrija jibdew jaħdmu s-sigħat kollha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif ġejja:
Iċ-ċerimonja swiet: Lm1345
Ir-riċeviment sewa: Lm1152
Total Lm2497
Less Donations Lm 630
Lm1867
Inħolqot sitwazzjoni fejn f'ċerti ħinijiet partikolarment bil-lejl seta' ikun hemm numru mhux adegwat ta' tobba biex jieħdu ħsieb il-każijiet l-isptar.
Għaldaqstant għal ġid ta' l-istess pazjenti l-konċessjoni tar-reduced hours għat-tobba f'dan id-dipartiment qed tiġi riveduta.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi provdut is-servizz tad-drenaġġ lil numru ta' residenti (bibien nri 23-30) fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun li għadhom qed jinqdew bis-servizz tal-fossa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat lis-servizz tad-drenaġġ lil dawn ir-residenti se jkun provdut meta tkun lesta l-mina tad-drenaġġ ta' Bir id-Deheb. Din mistennija titlesta matul is-sena d-dieħla.
B'riferenza għall-ELF446/01 u ELF447/01 jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li:
(a) sal-lum l-ebda passi għadhom ma ttieħdu;
(b) illi nonostante l-garages li nbnew, dawn issa anke ġew mogħtija saqaf u l-ebda passi ma ttieħdu;
c) illi dawn l-istess garages qegħdin jintużaw illegalment bħala farm għat-tkabbir tat-tiġieġ;
d) iddaħħal fl-istess garage, b'mod illegali, id-dawl?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ż-żewġ Avviżi tat-Twettieq indikati kienu nħarġu separatament kontra persuni li allegatament kienu bnew l-istrutturi 'msemmija.
Wieħed miż-żewġ każi (ECF 446/01) kien ġie inkluż fil-lista t'azzjoni diretta wara li l-persuna kkonċernata naqset li tobdi l-Avviż notifikat lilha. Għalkemm dan il-garaxx jidher li hu abbandunat u mhux użat, tpoġġielu saqaf bi ksur ta' l-istess Avviż. Dan il-fatt ser jiġi nnutat u il-każ ser jibqa' inkluż fil-lista ta’ l-azzjoni diretta meta l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkun tista' taġixxi billi tneħħi l-istruttura imsemmija għas-spejjeż tal-persuna responsabbli.
Il-garaxx l-ieħor (ECF 447/01), li dak iż-żmien kien għadu pedamenti, kien twaqqa' iżjed tard u dan skond kif ġie stabbilit minn spezzjoni li saret riċentament. Dan il-każ ser jingħalaq.
Ma jirriżlutax li l-Awtorità ħarġet xi compliance certificate għal xi struttura li ġiet indikata f'din l-interpellanza, sabiex jiddaħħal servizz ta' dawl u ilma.
Irid jingħad li dawn l-istrutturi jagħmlu parti minn kumpless ikbar li primarjament qed jintuża għat-trobbija ta' l-annimali minn diversi persuni. F'dan ir-rigward ser issir investigazzjoni separata dwar il-legalità ta' dan l-iżvilupp sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-passi t’infurzar neċessarji jekk ikun meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-avukati li qed jidhru għal SmartCity@Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Smart City @ Malta hija entita' privata li għadha l-anqas biss ġiet iffurmata u għaldaqstant ma tistax tingħata risposta għall-Mistoqsija tal-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-ftehim mal-konsorzju li rebaħ it-tender tal-privatizzazzjoni ta' l-Air Supplies Co. Ltd.?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni li nqabdu jpejpu fi stabilimenti tad-divertiment minn kemm ilha li għaddiet il-liġi li tipprojbixxi tipjip f'bini pubbliku?
Jista' jagħti rendikont tal-frekwenza u l-postijiet (irħula) li fihom ingħataw dawn iċ-ċitazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta ġew fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-2004 dwar it-Tipjip f'Postijiet Miftuħin għall-Pubbliku sa l-aħħar tas-sena 2005, il-Pulizija sabet u ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 244 persuna ipejpu ġewwa bars/diskoteki/każini.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sidien li ġew imħarrka fuq ksur tal-liġi in konnessjoni ma' tipjip fi stabilimenti tad-divertiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 23 persuni responsabbli minn bars/diskoteki li l-Pulizija ħadet passi kontra tagħhom quddiem il-Qorti fuq ksur tar-Regolamenti dwar it-Tipjip.
Peress li issa ħareġ avviż legali li jipprojbixxi reklamar ta' prodotti tat-tabakk, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif dan ir-regolament qed jiġi inforzat? Jekk dan l-avviż legali li jipprojbixxi reklamar ta' prodotti tat-tabakk qed jiġi inforzat, jista' jgħid għaliex għadhom qed jitwaħħlu billboards li jirreklamaw dawn il-prodotti u għaliex reklami qodma ta' dawn il-prodotti għadhom ma tneħħewx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jieħdu passi meħtieġa sabiex jitneħħew dawk ir-reklami li jmorru kontra dawn ir-regolamenti. F'każ li dawn ma jitneħħewx jittieħdu l-proċeduri skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'permessi huma meħtieġa biex wieħed ikun jista' jżomm u jopera magni tal-logħob ta' l-azzard f'ħanut?
Jista' jgħid jekk il-ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex kopert b'dawn il-permessi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija toħroġ biss liċenzji għal magni ta' divertiment skond ir-Regolamenti dwar ir-Restrizzjoni ta' l-Użu ta' Magni tad-Divertiment. Liċenżji għall-postijiet kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant jinħarġu skond l-Att dwar il-Logħob. Infurmat ukoll illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija fil-post imsemmi, jirriżulta illi dan il-post għadu fi stadju li jkun mibdul minn ħanut tal-ħwejjeġ għal ħanut ta' divertiment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija wissiet lill-proprjetarju sabiex ma jiftaħx il-ħanut sakemm ma jkollux il-permessi meħtieġa.
Koperattiva tat-Tjur Limited — Rapport ta' inkjesta
Question
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-inkjesta li saret mill-bord tal-koperattivi fuq l-operat u l-finanzi tal-koperattiva tat-tjur limited?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-inkjesta dwar il-Koperattiva tat-Tjur Limitata, datat 23 ta' Ġunju 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati Occupational Therapists mad-dipartiment tas-saħħa mill-aħħar grupp li ggradwaw?
Meta wieħed jikkonsidra n-nuqqas kbir ta' Occupational Therapists li hemm fid-dipartiment, speċjalment fl-isptar San Luqa, jista' jgħid il-għala dawn l-Occupational Therapists ma ġewx impjegati kollha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma ġewx impjegati Occupational Therapists mad-Diviżjoni tas-Saħħa mill-aħħar grupp li ggradwaw.
Iżda fil-Gażżetta tal-Gvern tad-9 t'Awissu 2005 ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' Occupational Therapist fid-Diviżjoni tas-Saħħa u din is-sejħa għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rapport ta' inkjesta li ġiet maħtura fis-17 ta' Marzu, 2004 sabiex tinvestiga l-operat tal-koperattiva tat-tjur limited, liema rapport ġie ppreżentat fit-23 ta' Ġunju, 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.