Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bollard u l-grada li ġew nstallati madwar 3 ġimgħat ilu fi Sqaq Nru 4, fi Triq Santa Marija, Hal Tarxien humiex koperti bil-permessi neċessarji? Kemm il-bollard kif ukoll il-grada qed jimblukkaw l-aċċess pubbliku għal dan l-isqaq. Meta r-residenti tkellmu mal-kunsilli lokali huma ġew nfurmati li l-kunsill ma ħareġ l-ebda permess. Fl-istess ħin ma saret l-ebda konsultazzjoni mar-residenti qabel twaħħlu. F'każ li l-bollard u l-grada huma koperti bil-permessi jista' jgħid min ħareġ il-permess?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa minn Jannar elfejn u sebgħa (2007) irriżulta li t-taqsima ma rċeviet l-ebda talba għall-bollard u l-grada li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari w anki ma nħarġet l-ebda approvażżjoni għalihom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa responsabbli mill-Pill Box ta' żmien il-gwerra li hemm fi Triq Salvu Buhagiar f'Wied il-Għajn? Jista' jgħid x'inhu jsir biex jiġi evitat l-abbuż li qiegħed iseħħ f'din il-Pill Box li hija aċċessibli għall-pubbliku minn bieba li qed titħalla dejjem miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pillbox in kwistjoni hija proprjeta' tal-Gvern u bħalissa mhix mikrija. Ser jittieħdu l-passi neċessarji biex l-aċċess għaliha jkun magħluq.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-proċess biex titressaq fil-parlament il-liġi dwar is-saħħa mentali? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha din il-liġi li marret fl-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-draft finali tlestiet u ntbgħatet għand l-Avukat Ġenerali dan is-Sajf. Ser titressaq il-Parlament wara li tkun finaliżżata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li marru jaħdmu f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minn meta pajjiżna ssieħeb fl-1 ta' Mejju 2004? Jista' jgħid kemm kien hemm ċittadini Ewropej li ġew jaħdmu f'Malta mid-data li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi mhux possibbli li wieħed jistabbilixxi n-numru ta’ ċittadini Maltin li marru jaħdmu f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan minħabba li mhux kull min imur barra minn Malta biex ifittex xogħol jew biex jaħdem, jindika dan fuq il-formola tat-tmiem ta’ l-impjieg tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC).
Jista’ jkun hemm ukoll numru ta’ persuni, bħal gradwati ġodda, illi jitilqu minn Malta mingħajr ma huma obbligati li javżaw lill-ETC.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Mejju 2004 sal-24 ta’ Mejju 2007, kien hemm 5569 ċittadini Ewropej li ġew jaħdmu f’Malta.
Din il-figura hija magħmula minn:
4143 ħaddiema full-time;
841 ħaddiema part-time;
64 ħaddiema li jaħdmu b’sigħat imnaqqsa (reduced hours);
146 self-employed part-time; u
375 self-employed part-time.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex konxju li s-sistema preżenti tippermetti li prodotti tal-filugranu u tal-fidda manifatturati barra minn Malta jingħataw boll lokalment u jinbiegħu daqs li kieku huma prodotti lokali? X'jista' jagħmel il-gvern biex ineħħi dan ir-riskju ta' kompetizzjoni inġusta kontra l-artiġjanat lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-boll li l-Konslu jistampa fuq oġġetti prezzjużi m’huwiex ċertifikat jew indikazzjoni ta’ oriġini iżda biss garanzija ta’ l-istandard tal-metall prezzjuż ta’ l-oġġett tad-deheb jew tal-fidda. Għaldaqstant kemm xogħol Ewropew li jaqa’ taħt kummerċ ħieles kif ukoll xogħol ta’ oriġini extra-komunitarju hu ntitolat għal dan il-boll. Il-kwistjoni ta’ riskju ta’ kompetizzjoni nġusta hi kwistjoni purament kummerċjali.
Fid-dawl tal-fatt li d-dipartiment tas-saħħa għandu numru ta' infermiera barranin li ilhom jaħdmu miegħu għal bosta snin (uħud minnhom aktar minn sitt snin) b'kuntratt li jiġġedded kull sena, jista' l-Ministru jgħid meta dawn il-ħaddiema se jingħataw kuntratt indefinit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-proċess ta' likwidazzjoni tal-Kooperattiva tat-Tjur Limitata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-likwidatur maħtur kiteb lill-aħħar kumitat tat-tmexxija biex jagħddulu kull informazzjoni li jista jkollhom, speċjalment dik li tirrigwardja l-finanzi sabiex ikun jista jagħlaq s-snin li fihom ma sarux l-accounts. Barra minnhekk hemm numru ta' kawżi l-qorti mressqa mill-istess membri tal-koperattiva kontra l-kredituri u kontra l-istess koperattiva li l-likwidatur daħal fihom ukoll.
Diversi kostitwenti fid-distrett tiegħi li għandhom qraba fis-sala 5/6 tan-nisa (St Francis Ward) fir-residenza San Vincenz de Paule, ilmentaw min-nuqass ta' kura u traskuraġni fil-konfront ta' l-anzjani min-naħa ta' l-istaff. Fost l-oħrajn semmewli każijiet ta' pazjenti li ma jitniżżlux mis-sodod, kif ukoll każijiet fejn il-qanpiena tal-pazjent tinqala' mis-sodda biex il-pazjent ma jkunx jista' jsejjaħ lin-nurse u meta l-kostitwenti tiegħi ilmentaw fuq dan it-tip ta' trattament qalulhom li fis-sala hemm nuqqas kbir ta' staff u dak kien l-aħjar li jistgħu jagħmlu mal-pazjenti anzjani. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li f'din is-sala hemm nuqqas ta' staff? Jekk huwa minnu, x'qed isir mid-dipartiment fuq din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid jekk waslulux ilmenti simili?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-istaff fl-imsemmija sala dejjem taw l-aqwa kura possibli. Xhieda ta' dan huwa l-fatt li għalkemm il-maġġoranza tar-residenti huma bed ridden, il-pressure sores huma ineżistenti.
F'każijiet eċċezjonali jista' jirriżulta li r-residenti ma jitniżżlux kollha mis-sodda. Rigward in-nurse call, minn investigazzjoni li għamel il-management, ma jirriżultax li jinqalgħu xi qniepen tar-residenti. Jekk kien hemm xi qanpiena bil-ħsara, dejjem inġibdet l-attenzjoni biex din titranġa.
Ir-residenza ta' San Vinċenz hi istituzzjoni ta' aktar minn elf ruħ fejn ir-rata ta' dipendenza qiegħda dejjem tikber. Fil-fatt in-nefqa tad-Dipartiment fit-taqsima tal-kura dejjem jiżdied u fi żmien qasir ser toħroġ tender għal servizz ta' aktar carers biex jiżdied il-complement fis-swali tan-nisa.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux tiswijiet fis-sistema tad-drenaġġ tar-residenti li joqogħdu fi Triq Ċensu Busuttil il-Fgura? Peress li r-residenti li joqogħdu fi Triq ir-Rihan ilhom għal dawn l-aħħar tlett snin ibatu l-konsegwenzi ta' dawn il-ħsarat minħabba li d-drenaġġ qed ifur fil-bjar tad-djar tagħhom, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol biex tissewwa l-ħsara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tagħmel investigazzjonijiet u xogħolijiet relatati fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq Ċensu Busuttil, u Triq Rihan, Fgura.
Dawn jinkludu tindif tal-mains biex jitkompla is-CCTV survey, kxif ta’ manholes li tgħattew bit-tarmak, kif ukoll investigazzjonijet minn naħa tas-Sanita’.
Peress li r-residenti li joqogħdu fi Triq President Buttigieg fiż-Żejtun ilhom għal bosta snin esposti għal traffiku qawwi quddiem id-djar tagħhom, apparti l-ħsejjes tal-karozzi speċjalment matul il-lejl hemm ukoll problema aktar serja ta' sigurta', li mhux darba u tnejn il-karozzi li jkunu għaddejjin b'veloċita' qawwija jibqgħu deħlin fil-parapetti tad-djar b'periklu kbir għar-residenti. Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu sabiex jitnaqqas il-periklu għal dawn ir-residenti? Jista' jgħid jekk tistax issir side road bħalma hemm f'toroq arterjali oħra biex ir-residenti jkunu aktar protetti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numru 23900 u 17783.
Peress li r-residenti li joqogħdu fin-naħa t'isfel ta' Triq il-Ġiżi Fgura, proprju fil-parti li tmiss ma' Wied Blandun, qed jilmentaw mill-fatt li meta tagħmel ħalba xita qawwija huma jispiċċaw b'wied ilma wara biebhom, bil-konsegwenza li mhux darba u tnejn sofrew ħsara fil-vetturi tagħhom minħabba li dawn jinġarru mill-wied, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan min-naħa tad-dipartiment konċernat sabiex tissolva din il-problema għar-residenti ta' dawn l-inħawi? Jista' jgħid jekk jistgħux isiru culverts biex jinġabar l-ilma tax-xita u tiġi evitata l-ħsara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq hija responsabilita’ tal-Kunsill Lokali tal-Fgura.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' suwiċidju sena b'sena bejn l-1996 u l-2006? Jista' jindika kemm minn dawn kienu barranin, kif ukoll in-numru ta' nisa, irġiel u kemm minnhom kienu adoloxxenti taħt it-18-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma komputerizzata mill-1998.
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu bejn l-1998 u l-2006 kien hemm 181 persuni (143 irġiel - 38 nisa) li mietu b'suwiċidju li minnhom 18 kienu ta' nazzjonalita' barranija, filwaqt li 3 kienu ta' eta' taħt it-18-il sena.
It-tagħrif sena b'sena hu kif ġej:-
1998
1999
2000
2001
2002
2003
2004
2005
2006
11
23
21
26
16
18
25
17
24
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li s-sistema preżenti tippermetti li prodotti tal-filugranu u tal-fidda manifatturati barra minn Malta jingħataw boll lokalment u jinbiegħu daqs li kieku huma prodotti lokali? X'jista' jagħmel il-gvern biex ineħħi dan ir-riskju ta' kompetizzjoni inġusta kontra l-artiġjanat lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema kif jingħata l-boll (hallmarking) fuq prodotti tal-filugranu, taqa' taħt il-kompetenza tal-konslu tad-Deheb u Fidda fid-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty li jifforma parti mill-Ministeru tal-Finanzi. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħi lill-ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma sarux tiswijiet fis-sistema tad-drenaġġ tar-residenti li joqogħdu fi Triq Ċensu Busuttil il-Fgura? Peress li r-residenti li joqogħdu fi Triq ir-Rihan ilhom għal dawn l-aħħar tlett snin ibatu l-konsegwenzi ta' dawn il-ħsarat minħabba li d-drenaġġ qed ifur fil-bjar tad-djar tagħhom, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol biex tissewwa l-ħsara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin li marru jaħdmu f'pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea minn meta pajjiżna ssieħeb fl-1 ta' Mejju 2004? Jista' jgħid kemm kien hemm ċittadini Ewropej li ġew jaħdmu f'Malta mid-data li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' suwiċidju sena b'sena bejn l-1966 u l-2006? Jista' jindika kemm minn dawn kienu barranin kif ukoll in-numru ta' nisa u rġiel u kemm minnhom kienu adoloxxenti taħt it-18-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorita' dwar it-trasport pubbliku ta' nhar it-22 ta' Jannar 2007 sabiex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant Emidju fiż-Żejtun?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Żejtun kien issottometta din it-talba sabiex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant Emidju għal konsiderazzjoni ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Id-deċiżjoni li fi Triq Sant'Emidju titneħħa il-possibilita' ta' parkeġġ ta' żewġ karozzi, ittieħdet mit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku.
Skond il-Linja ta' Gwida ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, it-triq għandha tkun ta' l-inqas wiesgħa 4.8 metri biex tkun tippermetti parkeġġ fuq naħa waħda. Id-deċiżjoni biex ma jsirx parkeġġ fi Triq Sant'Emidju ittieħdet minħabba li l-wisgħa tagħha tvarja bejn 2.4m fl-idjaq parti u 4.2m fl-aktar parti wiesgħa.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti (in-patients) fl-isptar San Luqa li għandhom 'il fuq minn 60 sena minn dawn l-irħula mniżżla hawn taħt bejn Ġunju 2005 u Ġunju 2006?
Jista' jgħid kemm kien hemm pazjenti mill-irħula mniżżla hawn taħt li wżaw is-servizzi ta' l-out-patients psychiatric unit ta' l-isptar San Luqa bejn Ġunju 2005 u Ġunju 2006?
Jista' jgħid kemm hemm residenti ġo San Vincenz de Paule li huma ġejjin mill-irħula mniżżla hawn taħt:
Valletta, Birgu, Isla, Bormla, Żabbar, Fgura, Floriana, Kalkara, Luqa, Marsa, Paola, Santa Luċija, Tarxien u Xgħajra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' pazjenti li għandhom 'l fuq minn 60 sena u li ddaħħlu fl-Isptar San luqa bejn 1 ta' Ġunju 2005 u t-30 ta' Ġunju 2006 kien ta' 6,124 mqassmin hekk: Valletta 707, Birgu 270, Isla 287, Bormla 573, Żabbar 739, Fgura 474, Floriana 270, Kalkara 133, Luqa 442, Marsa 531, Paola 925, Santa Luċija 208, Tarxien 528, Xgħajra 37.
In-numru ta' pazjenti li wżaw is-servizzi ta' l-Out Patients Psychiatric Unit ta' l-Isptar San Luqa bejn l-istess perjodu kien ta' 3,664 mqassmin hekk: Valletta 361, Birgu 97, Isla 190, Bormla 401, Żabbar 511, Fgura 319, Floriana 150, Kalkara 118, Luqa 199, Marsa 329, Paola 408, Santa Luċija 186, Tarxien 361, Xgħajra 34.
In-numru ta' residenti fir-Residenza San Vinċenz huwa ta' 298, mqassmin hekk: Valletta 47, Birgu 14, Isla 10, Bormla 25, Żabbar 35, Fgura 11, Floriana 21, Kalkara 11, Luqa 20, Marsa 34, Paola 48, Santa Luċija 6, Tarxien 15, Xgħajra 1.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ma ġiex imġedded il-kuntratt tad-Direttur Ġenerali Konservazzjoni u Sajd li serva għal dawn l-aħħar seba' snin fi ħdan l-istess ministeru?
Jista' jgħid jekk din il-vakanza (direttur ġenerali) ġietx pubblikata fil-gazzetta tal-gvern?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kriterji mitluba għal min se jimla' din il-vakanza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Nru 20271 f’din is-Seduta, fuq il-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm nies imħallsin mill-gvern fl-open centre ta' l-immigranti irregolari tal-Marsa? Kemm hemm pulizija? Kemm hemm suldati? Kemm hemm nies pajżana? Fil-każ ta' nies pajżana, x'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu u kemm qed jiswew lill-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fl-Open Centre tal-Marsa, li jitmexxa minn NGO, il-Gvern ma jipprovdix ħaddiema tiegħu ħlief għal servizz kontinwu ta' suldat, provdut mill-Forzi Armati ta' Malta.