Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2147 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Diesel ħażin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm il-Korporazzjoni Enemalta rċeviet ilmenti dwar diesel ħażin jew imħallat bl-ilma f'dawn l-aħħar ħames snin? Jista' l-Ministru jgħid xi grad hu d-diesel li jitqassam fil-pompi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta irċeviet 25 ilment dwar diesel imħallat bl-ilma matul dawn l-aħħar 5 snin. Rigward il-kwalita' tad-diesel, il-Korporazzjoni timporta diesel 0.5 sulphur ta' kwalita' Ewropea.

Awtorita' Marittima — Qliegħ dirett

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm kellha qliegħ dirett l-Awtorita' Marittima ta' Malta matul l-1998 u l-1999?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lil-Onor. Interpellant ghar-Rapport Finanzjarju ta` l-Awtorita Marittima li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f`seduta Nru 10 (11 ta` Novembru 1998)

Cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il cruise liner żar il-port tagħna matul din is-sena u jekk kien hemm żieda, kemm kienet din iż-żieda fuq is-sena l-oħra? Kemm kien hemm turisti fuq dawn il-cruise liners?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa l-aħħar t`Ottubru 1998, 191 cruise liners żaru Malta. Dan kien sitta aktar mill-istess perjodu għas-sena 1997. In-numru ta` passieġieri kien 129,503.

Vapuri — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna vapuri reġistrati hawn Malta din is-sena u kemm għandhom tunnellaġġ gross? Kemm ħallsu flus f'registration fees dawn il-vapuri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kif diġa jidher fir-rapport annwali ta` l-Awtorita Marittima ta` Malta, li jiena poġġejt fuq il-mejda tal-kamra, fl-aħħar ta` Settembru 1998, jiġifieri f`għeluq is-sena finanzjarja ta` l-Awtorita, kien hemm 3105 il-bastiment b`tunellaġġ gross totali ta` 24,772,138 reġistrati taħt l-Att ta` l-1973 dwar il-bastimenti merkantili. Jiena infurmat li Matul il-perjodu Ottubru 1997 - Settembru 1998, jiġifieri is-sena finanzjarja ta` l-Awtorita, tħallsu LM2,640,376 fi drittijiet ta` reġistrazzjoni.

Berths — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna berths reġistrati f'Malta u Għawdex matul din is-sena u kemm saru talbiet ġodda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` irmiġġi għall-jottijiet f`Malta u Għawdex huma: MALTA: Msida Marina 642 Lazzaretto Quay 83 Ta` Xbiex Quay 57 Pieta` Quay 55 Whitehall Quay 15 Breakwater Quay 9 Sliema Quay (Summer) 60 Vittoriosa Quay 8 TOTAL 929 GĦAWDEX: Pontoons F,G,H,I & Breakwater - 205 Total globali Malta u Għawdex - 1134 In-numru ta` talbiet li ġew milqugħa matul din is-sena 1998 għall-irmiġġi temporanju ta` l-istess irmiġġi huwa: Talbiet minn jottijiet Maltin 165 Talbiet minn jottijiet barranin 1143 Total 1308 Barra minnhekk matul is-sena 1998 kien hemm 65 talba għall-irmiġġi fuq bażi permanenti li tpoġġiet fuq il- waiting list eżistenti.

Vapuri — Vapuri struck off

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vapuri ġew struck off matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kif diġa jidher fir-rapport annwali ta` l-Awtorita Marittima ta` Malta, li jiena poġġejt fuq il-mejda tal-kamra, matul il-perjodu Ottubru 1997 - Settembru 1998, jiġifieri is-sena finanzjarja ta`l-Awtorita, ġiet mitmuma r-registrazzjoni ta` 329 bastiment.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 579, jaf il-Ministru li l-fond li titlob li tiġi rikonoxxuta fih il-persuna huwa dak li qed jintbagħat separatament u li żgur jappartjeni lid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna indikata mhux tapplika mill-post indikat. Anzi dan il-post, l-Onor. Interpellant jaf illi min kien joqgħod fih, ġie allokat post ieħor u hu obbligat jirritorna ċ-ċwievet fid-Dipartiment biex dan jiġi allokat lil xi ħadd mill-lista li jżomm. 30.11.98
Leg 9 PQ #589 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

ITCs

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-esperjenza ta' dawn l-aħħar sentejn li ilhom jeżistu l-ITCs, bħala medja kemm idum biex jitħallas rebate fuq profitti mqassma lil non-residents?

Response (DALLI, JOHN)

L-Att Dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, 1994, jagħti perjodu ta` żmien ta` bejn ġimgħatejn u sitt ġimgħat, jiddependi meta ssir it-talba għar-`refund`, biex jitħallsu `refunds` ta` taxxa mħallsa mill-ITC`s fuq profitti mqassma lil `non-residents`. Mill-esperjenza ta` dawn l-aħħar snin, dawn ir-refunds qed jitħallsu, bħala medja, fi żmien għaxart` ijiem minn meta ssir it-talba għar-`refund`.
Leg 9 PQ #590 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Sistema antika ta' Offshore

Question

Jaqbel il-Ministru li kien jagħmel aktar sens finanzjarjament li kieku żammejna s-sistema antika ta' l-Offshore sakemm almenu Malta ssir parti mill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Iċ-ċentri `offshore` huma l-mira ta` attakki mill-pajjiżi kollha; fosthom wieħed jista` jsemmi l-OECD (Organisation for Economic Co-operation and Development) u l-pajjiżi magħrufa bħala l-G7. Tant huwa hekk li ħafna miċ-ċentri `offshore` qegħdin ibiddlu l-liġijiet tagħhom sabiex jottemporaw ruħhom mal-ħtiġiet ġodda li wieħed jistenna li jsib f`ġurisdizzjonijiet finanzjarji. Irrispettivament mill-applikazzjoni ta` Malta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja, aħna kburin li ħadna l-passi meħtieġa biex ngħollu l-livell tal-qafas legislattiv u regolatorju tagħna sabiex b`hekk inkabbru r-reputazzjoni tajba li ngawdu.
Leg 9 PQ #591 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Reġistrazzjoni ta' kumpanniji Offshore

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il offshore company ġiet reġistrata Malta fl-aħħar sentejn qabel l-introduzzjoni tal-MFSC? Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-introjtu tal-gvern f'dak li jirrigwarda renewal fees u taxxa minn dawn is-soċjetajiet offshore? Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm-il ITC (International Trading Company) ġew ifformati u kemm-il offshore company għażlet li tittrasforma l-istatus tagħha f'ITC? Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-introjtu tal-gvern s'issa mill-ITCs f'renewal fees u taxxa?

Response (DALLI, JOHN)

Bejn l-1 ta` Jannar 1993 sat-23 ta` Settembru 1994 ġew reġistrati 811 kumpaniji `offshore`. L-introjtu f`dak li jirrigwarda `renewal fees` kien ta` Lm1,043,950. L-introjtu minn taxxa minn kumpaniji `offshore` fl-1993 u 1994 kien ta` Lm817,002. Mit-23 ta` Settembru 1994 sal-31 t`Ottubru 1998 in-numru totali ta` International Trading Companies li ġew reġistrati kien ta 700 li minnhom 106 kienu trasformati minn kumpanniji `offshore`. Mit-23 ta` Settembru 1994 sal-31 t`Ottubru 1998 l-introjtu tal-gvern mill-International Trading Companies f`taxxa (jiġifieri l-flus li għaddew fil-Public Account wara li tħallsu r-refunds dovuti lill-azzjonisti li huma `non-resident`) kien ta` Lm664,500. L-International Trading Companies ma jħallsux `renewal fees`.
Leg 9 PQ #592 Sitting 10 1998-11-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC

Question

Peress li r-reġistrar ta' kumpanniji lokali kif ukoll ITCs huma f'idejn l-MFSC, jaqbel il-Ministru li jagħmel aktar sens sabiex tiġi evitata burokrazija żejda li l-kwestjonijiet ta' reġistrar ta' soċjetajiet lokali li jkollhom foreign shareholding, tibqa' solament f'idejn l-MFSC u mhux ukoll f'idejn il-Bank Centrali minflok is-sistema kif inhi, fejn hemm l-intervent ukoll tal-Bank Ċentrali flimkien ukoll mal-MFSC?

Response (DALLI, JOHN)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, biex persuna barranija tissottoskrivi azzjonijiet f`soċjeta Maltija jrid ikollha l-permess tal-Bank Ċentrali taħt il-provvedimenti ta` l-Exchange Control Act 1972. Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Membru li ma teżisti ebda burokrazija fil-ħruġ ta` permessi mid-Diviżżjoni tal-Exchange Control lill-kumpanniji ITC`s.

Malta Maritime Authority — Reġistrazzjoni ta' vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vapuri reġistrati b'bandiera Maltija ġew miżmuma minn l-awtorita' tal-portijiet esteri minħabba nuqqas ta' International Safety Standards u nuqqasijiet simili fl-aħħar erba' snin? Jaħseb il-Ministru li jagħmel sens li l-istandards Maltin f'dan is-sens għandhom jogħlew biex titneħħa l-impressjoni negattiva li talvolta jkun hemm fuq il-Malta Maritime Authority?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minn informazzjoni maħruġa mill-Organizazzjoni Internazzjonali Marittima, l-medja annwali ta' numru ta' bastimenti li ġew detenuti f'portijiet esteri taħt is-sistema tal-Port State Contol għas-snin 1995 - 1997 kienet ta' 210. Jidher li dan l-istess numru se jkun ukoll dak għall-1998. Il-livelli meħtieġa għall-bastimenti Maltin huma dawk stabbiliti taħt id-diversi konvenzjonijiet internazzjonali. Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta f'dawn l-aħħar snin introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li dawn qed jinżammu. Jidher li dawn il-miżuri qegħdin iħallu l-effett tagħhom. Tant hu hekk li minkejja li s-sistema ta' Port State Control qiegħda dejjem tiġi estiża konsiderevolment mad-dinja kollha, l-ispezzjonijiet qed ikunu iktar stretti, u n-numru ta' bastimenti Maltin żdied ukoll, il-mejda ta' detenzjonijiet baqgħet l-istess jew pjuttost qed tonos. Fl-1995 kien hemm 218 id-detenzjoni waqt li s-sena l-oħra kien hemm 201.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, se tiġi allokata fond alternattiv peress li din il-persuna tgħix f'kantina b'ħafna umdita' u m'għandha faċilitajiet sanitarji ta' xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 10.11.98
Leg 9 PQ #584 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Stock Exchange

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien li kkawża s-sospensjoni fl-Istock Exchange dan l-aħħar? Jikkonferma l-Ministru li r-raġuni kienet għaliex is-sistema komputerizzata akkwistata mill-Alberta Stock Exchange kienet antikwata jew inkella li s-sistema m'għandhiex il-kapaċita' tkopri adegwatament id-daily trading?

Response (DALLI, JOHN)

Jien informat li l-kawża tas-sospensjoni waqt it-trading fuq il-Borża li ġrat dan l-aħħar kella x`taqsam mas-software magħruf bħala MQ Series li jmexi il-messaggi mill-AS 400 mill-OS 2 server għat-trading engine, jiġifieri li l-kawża tas-sospensjoni ma kienitx fit-trading software imma fis-software li tmexxi l-componenti li jikkomunikaw bejniethom. Is-sistema komputerizzat li tintuża fuq il-Borża ta` Malta ma ġietx akkwistata mill-Alberta Stock Exchange. L-Alberta Stock Exchange iħaddem sistema simili u hi l-iktar verżjoni moderna li kienet teżisti meta ġiet installata fuq il-Borża ta` Malta. Is-sistema għandha kapaċita tkopri għall-ġurnata waħda bil-bosta aktar minn kemm wieħed jantiċipa li jsir negozzju fuq il-Borża ta` Malta f`sena.
Leg 9 PQ #585 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Companies Act 1995 — Compliance

Question

Jista' l-Ministru jgħid rigward il-compliance rikjesti bil-Companies Act 1995, jista' l-Ministru jgħid kemm-il compliance ġiet pproċessata mill-Malta Financial Services Centre u kemm baqa' pendenti? Jista' l-Ministru jispjega dan id-dewmien? Jaqbel l-Ministru li, tenendo kont ż-żieda ta' responsabbilta' mogħtija lill-Malta Financial Services Centre, li hemm nuqqas ta' personnel, speċjalment kwalifikati?

Response (DALLI, JOHN)

S`issa ġew proċessati 4710 dokumenti ta` compliance u fadal ftit anqas minn 3000 dokument pendenti. Id-dewmien kien kawżat prinċipalment għal żewġ raġunijiet bażiċi: L-ewwel raġuni hija li matul iż-żmien transitorju ta` sentejn li fih il-kumpanniji kellhom jattemporaw ruħhom mad-dispożizzjoni ta` l-Att ta` l-1995 dwar il-Kumpanniji għadd kbir minnhom ħallew għall-aħħar mument biex jagħmlu dan. Tant huwa hekk, li l-predeċessur tiegħi kellu jtawwal iż-żmien transitorju, li kellu jagħlaq fil-31 ta` Diċembru, 1997 b`xahrejn. Filwaqt li matul l-1996, l-ewwel sena taż-żmien transitorju, 63 kumpannija biss bagħtu d-dokumenti ta` compliance, fl-aħħar sitt xhur, bejn l-1 ta` Settembru, 1997 sa` l-aħħar ta` Frar, 1998 in-numru ta` compliance documents li ġew konsenjati għar-reġistrazzjoni kien ta` 7093 minn numru totali kollu ta` 7697 compliance documents. It-tieni raġuni għad-dewmien huwa dovut għan-numru straordinarju (85% u aktar) ta` dokumenti li jkollhom jintbagħtu lura lill-kumpanniji biex jiġu emendati. Ma jinħassx li hemm nuqqas ta` personnel fid-diviżjoni tar-Reġistru tal-Kumpanniji. Jekk u meta jinħass li hemm xi nuqqas, iċ-Ċentru tas-Servizzi Finanzjarji ma jonqosx li jimla dan il-vojt fl-iqsar żmien possibbli. Fl-aħħarnett, nassigura lill-Onor. Membru li ma hemmx nuqqas ta` personnel kwalifikati. l-Uffiċjali li ċ-Ċentru mpjega, wara sejħa pubblika, sabiex jaħdmu direttament fuq ir-reġistrazzjoni ta` kumpanniji u dokumenti konessi magħhom, huma kollha gradwati.
Leg 9 PQ #586 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

ITC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ITC jutilizzaw nominee companies? Jista' l-Ministru jispjega kif l-awtoritajiet jassiguraw li l-actual shareholders huma fil-fatt il-beneficiary owners jew le, peress illi qabel, meta kien għad hemm l-Offshore Companies, din kienet responsabbilta' tan-nominee companies?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-maġġoranza kbira tagħhom, l-International Trading Companies jutilizzaw nominee companies; fil-fatt, in-numru ta` ITC`s li ma jutilizzawx nominee companies huwa insinifikanti. Bħalma kien jiġri fi żmien ta` meta kienu jiġu reġistrati l-offshore companies, l-istess għadu jiġri llum; jiġifieri in-nominee companies għandhom l-obbligu bil-liġi (MFSC Act sec. 51A(2)(e)) li jkollhom sistemi sabiex jgħinuhom jistabbilixxu l-identita` tal-klijenti tagħhom. Barra minn hekk, qabel ma kumpannija tiġi reġistrata u liċenzjata bħala nominee company miċ-Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji, trid tiddikjara u tobbliga ruħha, bil-miktub, li ma taċċetta ebda klijent qabel ma tkun tafu tajjeb wara li tkun għamlet dawk l-indaġini neċessarji kif jirriżulta mill-kopja ta` `Declaration \ Undertaking by a Licensed Nominee Company` li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #587 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Companies Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kumpanniji kienu tardivi li jaġġornaw ruħhom (complying) mar-rekwiżiti tal-Companies Act? Jista' l-Ministru jgħid kemm kumpanniji għażlu li ma jaderux ruħhom u għalhekk ġew imneħħija mir-Reġistru? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'kien l-introjtu mill-impożizzjoni ta' multi minħabba f'dawk il-kumpanniji li aderaw ruħhom tard?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` kumpanniji li bejn l-1 ta` Marzu, 1998 u l-aħħar t`Ottubru 1998 kienu tardivi biex jaġġornaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta` l-Att ta` l-1995 dwar il-kumpanniji kien ta` 125. S`issa, 990 kumpannija m`aderietx ruħha. Dawn għadhom ma ġewx imneħħija minn fuq ir-Reġistru peress li skond id-dispożizzjonijiet ta` l-Att Nru. XXX ta` l-1997 dawn jistgħu jiġu hekk imneħħija meta l-Ministru b`ordni fil-Gazetta jistabbilixxi data, li tkun data wara l-31 ta` Diċembru 1998. Il-multi miġburin minn kumpanniji li s`issa aderew ruħhom tard kienu jammontaw għal Lm23,307.
Leg 9 PQ #588 Sitting 9 1998-11-10 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Offshore Company

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Offshore Company iddeċidiet li ma ġġedditx il-liċenzja tagħha wara l-introduzzjoni tal-Malta Financial Services Centre Act?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` kumpanniji `offshore` li ma ġeddewx il-liċenzja tagħhom mill-introduzzjoni tal-Malta Financial Services Centre Act sal-31 t`Ottubru 1998 kien ta` 956.

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuni li isimhom qed jintbagħat taħt separate cover, se jiġu allokati fond alternattiv peress li dawn il-persuni għandhom żewġt itfal u spiċċaw fit-triq u peress li ma setgħux ilaħħqu mal-kera tal-fond li kienu jgħixu fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuni indikati fil-mistoqsija ġew allokati post ieħor f' Ġunju 1998. 9.11.98

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament se tiġi allokata fond alternattiv peress li din il-persuna tgħix ġewwa l-fond indikat li jinsab f'ħafna periklu peress illi x-xorok waqgħu u li tant hemm spejjeż li m'hemmx skop li jiġi rranġat? Jaf il-Ministru li din il-persuna hi separata u għandha tifel żgħir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata ġiet ikkanċellata peress li l-applikanta naqset li tirrispondi kwestjonnarju li ntbagħtilha. 9.11.98