Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma u liema kienu l-maġistrati u mħallfin li ngħataw xogħol ta' reviżjoni ta' atti notarili bejn l-1992 u l-1998? Jista' jgħid kemm-il att notarili ġie riferut lil kull ġudikant individwali? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas fuq kull att?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata
f'xi seduta oħra peress li l-informazzjoni mitluba għadha
qed tinġabar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm baqa' kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji li għadhom lanqas ġew appuntati? Jista' jgħid kemm ġew maqtugħa? Jista' jagħti tagħrif dettaljat ta' x'rimedji ingħataw? Jista' jgħid kemm ġew kkanċellati u differiti sine die u kemm minn dawn reġgħu ġew irrapportati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru totali ta' applikazzjonijiet li daħlu quddiem it-
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji sal-11 ta'
Marzu 1999 huwa 1339, tnejn minnhom għar-ritrattazzjoni.
Din il-figura hija maqsuma kif jidher fit-tabella li qed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra tagħrif fil-
qosor dwar il-kawżi deċiżi kif ukoll listi tal-kawżi
kanċellati, sine die u riappuntati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3884 datata 19 ta' Jannar 1999 fejn il-Ministru rrifera għall-mistoqsija parlamentari numru 1758 fis-seduta 55, u b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari oħra tiegħi numru 4006 fejn il-Ministru rrefera għall-mistoqsija parlamentari numru 705 datata 3 ta' Novembru, 1998 meta qal li l-isfaltar isir wara li jkun żgurat li s-servizzi tqiegħdu b'mod permanenti, jista' l-Ministru jispjega għaliex ma sarx ix-xogħol fi Pjazza 7 ta' Ġunju, Ħamrun meta s-servizzi ilhom li tqiegħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tad-Djar għadhiex interessata li tixtri l-blokk appartamenti li d-dettalji tagħhom qed nibgħathom separatament? Jaf il-Ministru li kien ilhom għaddejjin diskussjonijiet għal żmien twil u kien ġie miftiehem it-tip ta' kumpens li se jingħata lir-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'qasir żmien, l-Awtorita' tad-Djar ser toħroġ skema biex tinkoraġixxi sidien ta' proprjeta' immobbli tal-privat biex ibigħuha lill-Awtorita' tad-Djar taħt ir-regolarmenti u kundizzjonijiet li jiggarantixxu trasparenza u biex jiġi użat l-istock ta' djar li sal-lum mhux okkupat. Kull applikazzjoni tiġi ġġudikata fuq il-meritu tagħha.
15.3.99
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, se tiġi rikonoxxuta fil-fond fejn tirrisjedi? Jaf il-Ministru li għalkemm din il-persuna daħlet f'dan il-fond biex ma tibqax fit-triq u sakemm tingħatalha akkomodazzjoni alternattiva dan qatt ma sar? Jaf il-Ministru li jekk tiġi nforzata eviction order fil-konfront tagħha, din se terġa' tispiċċa fit-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhix il-policy li persuni, li jkunu okkupaw postijiet illegalment billi użaw vjolenza, jiġu rikonoxxuti fil-post.
15.3.99
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tal-pożizzjoni ta' chief executive fl-Awtorita' Marittima, meta din il-pożizzjoni lanqas hija biss ikkontemplata fil-liġi ta' l-istess awtorita' u fejn hemm biss tlett diretturi esekuttivi msemmija?
Ġaladarba m'hemmx din il-pożizzjoni msemmija, kif tista' tiġi ġġustifikata paga ta' aktar minn Lm16,000 fis-sena apparti benefiċċji oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-liġi ta` l-Awtorita` Marittima tipprovdi għall-ħolqien ta` erba` Executive Directors. Iċ-Chief Executive huwa wkoll Chief Director. Il-kariga ta` Chief Executive qegħda fuq bażi indefinita. Fir-rigward tar-remunerazzjoni, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija fi Frar 1996 għal PQ 31167 (Seba` Leġislatura). Mill-1996 s`issa, iż-żiediet fir-remunerazzjoni bażika kienu jammontaw għall-Lm797.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ġudikatura li għandhom xi kariga l-Universita'? Jista' jgħid x'inhi din il-kariga u kemm ilhom jokkupaw din il-kariga?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-membri tal-ġudikatura li għandhom kariga l-Universita' huma tnejn:
1. L-imħallef Vincent De Gaetano
Lettur Anzjan (Part-time) (T6) b'effett mill-20 ta'
Jannar 1994 (ma jitħallasx tas-servizz li jagħti)
2. L-imħallef Ġanninu Caruana Demajo
Lettur (Part-time) (T6) b'effett mill-1 ta' Diċembru 1998.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk wasalx biex jibda x-xogħol fuq Triq il-Kbira, San Ġużepp, il-Ħamrun li fuqu diġa' saru ħafna diskussjonijiet ma' diversi ministri? Jaf il-Prim Ministru li dan kellu jkun il-proġett tal-millenju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant il-Kunsilli huma korpi
statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet,
jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fi Pjazza Kappillan Muscat, il-Ħamrun? Jaf il-Ministru li wara li kienet saret sejħa għall-offerti dan ix-xogħol kien ġie allokat lill-kuntrattur u dan ix-xogħol kellu jibda wara l-elezzjoni ta' l-1996?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol imwiegħed fi Pjazza 7 ta' Ġunju u t-toroq ta' madwarha, cioe' Triq Dun Frans Camilleri, Triq Guże' Bajada, Triq Willie Attard u Triq Wenzu Dyer, Ħamrun peress li din il-pjazza u t-toroq imsemmija huma toroq ġodda u għalhekk l-ewwel kisi jrid jingħata mill-gvern u r-residenti ta' dawn it-toroq ilhom li ħallsu għal dan is-servizz li kellu jsir dan ix-xahar?
Jista' l-Ministru jgħid wasalx biex jibda x-xogħol fuq Triq il-Kbira San Ġużepp, Ħamrun li fuqu diġa' saru ħafna diskussjonijiet ma' diversi ministri? Jaf il-Ministru li dan kellu jkun il-proġett tal-millenju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li dan hu proġett tal-Kunsill Lokali l-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex mhux qed ikun hemm deliveries tal-pitrolju f'St. Christopher Street, Valletta? Jaf il-Ministru li dan is-servizz ilu nieqes minn din it-triq xhur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-bejjiegħ li kien jieħu ħsieb il-bejgħ tal-pitrolju fil-Belt kien marad u dam ma' informa lill-Korporazzjoni Enemalta bil-kundizzjoni tiegħu. Wara, l-istess bejjiegħ, informa lill-Korporazzjoni li ma kienx bi ħsiebu jkompli bil-kuntratt li kellu u għaldaqstant il-Korporazzjoni għamlet arranġamenti oħra. Illum is-sitwazzjoni reġgħet ġiet għan-normal.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif u dettalji u jispjega meta għandhom isiru x-xogħlijiet imwegħda fi Pjazza 7 ta' Ġunju, il-Ħamrun? Jaf il-Ministru li din ilha abbandunata żmien allavolja l-kunsill lokali għamel dak kollu possibbli min-naħa tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
Peress li kienet il-policy tal-gvern preċedenti, u peress li kien sar qbil bejn il-Floriana Senior Citizens, il-kunsilli lokali, kif ukoll il-Planning Authority li d-djar vojta fil-Furjana ma jingħatawx permess għal użu ta' uffiċini kummerċjali, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-policy tal-gvern preżenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
25.1.99
Jaf il-Ministru li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha li applikat mad-dipartiment konċernat xi sena u nofs ilu biex titranġalha l-gallarija? Jaf li tali gallarija waslet biex taqa' fuq in-nies? X'possibbilta' hemm li tali xogħol isir fi żmien qasir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li x-xogħol indikat huwa approvat. Jidher li, minħabba problemi finanzjarji, x-xogħol ta' tiswija tal-gallarijiet fl-1998 kien waqa' lura. Ser isir sforz biex dan ix-xogħol jingħata prijorita' fl-1999.
25.1.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 366 f'isem il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fejn kien ġie spjegat li l-kera tal-fond in kwestjoni tinħadem skond l-Avviż Numru 523 tas-7 ta' Lulju 1998, jaf il-Ministru li dan għadu ma sarx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera tal-persuna indikata nħadem skond l-Avviż 523. Hu jiġi nfurmat bil-kera sussidjata ġdida aktar il-quddiem flimkien mall-Kummissarju tal-Art.
21.1.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2337 minħabba li l-Ministru qal li l-każ qed jiġi kkonsidrat ma' każijiet oħra bħalu, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għall-Housing jorqdu fuq bank fi ġnien pubbliku bħal każ in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda applikant li jindika li qed jorqod fuq bank fi ġnien pubbliku. Fil-fatt, il-Karta' ta' l-Identita' ta' l-applikant in kwistjoni turi indirizz fil-Fgura.
14.12.98
Peress li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tinsab homeless u għandha diżabilita' permanenti u lanqas għajnuna soċjali ma tirċievi, jista' l-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-każ ta' din il-persuna jiġi trattat bi speditezza xierqa u tingħata mqar żewġ kmamar fejn tkun tista' tgħix u tingħata l-għajnuna soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
7.12.98
Peress li persuna li isimha qed jintbagħat separatament u li ottjeniet permess biex taħdem ta' parker permezz ta' frodi fl-applikazzjoni tant li kontriha qed jittieħdu proċeduri kriminali, jista' l-Ministru jgħid għaliex din qed titħalla taħdem għad-detriment ta' ħaddieħor li għandu permess regolari? Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-liċenzja ta' din il-persuna ma ġietx sospiża kif soltu jsir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ għadu sub judice. Dwar is-sospensjoni, kanċellament jew nuqqas ta` tiġdid tal-liċenzja, qed jiġi investigat il-każ, u tittieħed deċiżjoni skond il-parir legali.
04.12.98