B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13861, fejn il-Ministru kien issuġġerixxa li l-persuna konċernata tapplika taħt Skema 2 ta' l-Awtorita' tad-Djar, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti aktar informazzjoni peress li l-awtorita' qed tgħid li din l-iskema lanqas biss teżisti u ġie suġġerit li l-persuna konċernata tapplika taħt Skema Z, u meta sar dan, il-persuna ġiet informata li lanqas din l-iskema ma tapplika għalih? Qegħdin jerġgħu jintbagħtu d-dettalji tal-persuna konċernat separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-file jirriżulta li l-applikanta la hi sid u lanqas użufruttwarja tal-fond in kwistjoni u b'hekk ma tikkwalifikax taħt l-iskema. Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura kkonċernata ma kkwalifikatx skond ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13861 peress li l-informazzjoni mogħtija mill-istess Interpellant kienet żbaljata cioe' li din is-Sinjura mhijiex is-sid tad-dar in kwestjoni. Barra dan, sabiex is-Sinjura tingħata l-informazzjoni li għandha bżonn b'mod dettaljat, tista' tagħmel użu mis-servizz tal-Customer Care li għandha l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata lura l-fond minn fejn kellha tiġi evakwata minħabba biża' imminenti ta' kollass meta dan jerġa' jinbena u li għalissa tingħata fond alternattiv peress li l-akkomodazzjoni li ngħatat hija inabitabbli minħabba fil-kwantita' kbira ta' ilma li jidħol kuljum fih? Jaf li din il-persuna qed ikollha tgħix f'kesħa kbira mingħajr ma tista tuża elettriku minħabba l-biża' ta xokk elettriku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-persuna indikata ma kienetx evakwata mill-post fejn kienet toqgħod. Hi għamlet talba għal akkommodazzjoni alternattiva minħabba li kellha l-periklu u ġiet allokata post ieħor. Il-post li ġiet allokata kien f'kundizzjoni tajba meta ngħatalha. Madanakollu, tlabt lid-Dipartiment biex jinvestiga l-ilment tagħha dwar l-ilma.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tista' tagħmel persuna li għalkemm hi sid ta' darha mhijiex f'pożizzjoni finanzjarja li tagħmel it-tiswijiet neċessarji u se tispiċċa bis-saqaf jaqa' fuqha? Jaf il-Ministru li din il-persuna lanqas biss tista' tapplika għal akkomodazzjoni alternattiva, peress li hija sid tal-proprjeta' u se jkollha tibqa' f'din id-dar li tinsab fi stat perikoluż bil-perikoli kollha li dan iġib miegħu? Dettalji ta' din il-persuna qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna indikata tista' tapplika taħt l-iskema 2 ta' l-Awtorita' tad-Djar fejn tkun tista' tibbenefika minn għotja sa Lm1800 u self sussidjat sa Lm4000 biex tagħmel ix-xogħolijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li se jinfetaħ bieb ta' garaxx f'bini storiku li jinsab f'Misraħ il-Barrieri, Santa Venera? Jekk iva, jaħseb il-Ministru li huwa sew li bini daqstant storiku jiġi mħassar b'dan il-mod?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet ma kienx konsultat mill-Awtorita` għall-Ippjanar rigward il-ftuħ ta' bieb ta' garaxx f'bini storiku li jinsab f'Misraħ il-Barrieri, Santa Venera, u għaldaqstant m'huwiex f'pożizzjoni li jikkummenta fuq dan il-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk hux tabilħaqq se jiġu nstallati l-lifts fil-bini tal-housing fiz-zoni tal-Belt u Floriana? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji ta' fejn u meta se jsir dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qegħda fil-proċess li timpjega Perit Ċivili u Engineer biex jiġi studjat fid-dettal fejn jistgħu jiġu installati il-"lifts" f'dawk il-Blokki li r-residenti tagħhom applikaw taħt l-iskema relattiva. Meta jiġu identifikati dawk il-blokki fejn jista' jiġi installati il-"lifts", jinbdew immedjatament il-proċeduri neċessarji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm attwalment applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni soċjali minn ċittadini li jgħixu fil-Belt, Floriana u Hamrun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 362 applikazzjoni mill-Belt, 159 mill-Ħamrun u 91 applikazzjoni mill-Furjana.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti li jikkonċernaw vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jagħti dettalji?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar, madanakollu nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika x`tip ta` inċident qed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' kumpens se jingħata lil dawk il-ħwienet tad-duty free fix-Xatt tal-Belt/Marsa wara li dawn se jkollhom jiġu żgumbrati minħabba t-terminal l-ġdid?
Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li f'kawża ta' filjazzjoni u paternita' l-imħallfin jingħataw il-poter jordnaw li jsiru testijiet tad-DNA, u dan sabiex naġġornaw il-proċedura maż-żmenijiet? Jaħseb il-Ministru f'dan is-sens li għandha ssir liġi idonea biex tiġi regolata din it-tip ta' prova?
Response (GATT, AUSTIN)
`Nirreferi ghall-artikoli 70 u 100A tal-Kodiċi Civili li jitkellmu dwar il-poteri tal-Qrati fil-kazi indikati mill-Onor. Interpellant.`
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi kriminali pendenti quddiem il-qrati tal-maġistrati li huma għas-sentenza u li ilhom hekk pendenti għal aktar minn sentejn? Jekk le, jista' jiġbor statistika relattiva? Jaf li tali dewmien imur kontra l-prinċipju tas-smiegħ xieraq fi żmien raġonevoli?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li minn informazzjoni mogħtija mill-Maġistrati jew mid-deputati tagħhom, Kawżi pendenti għas-sentenza għal aktar minn sentejn quddiem il-Qorti tal-Maġistrati hemm 5 sa Marzu 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara rapporti li saru mill-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, datati 29 ta' Ottubru, 1999 u 27 ta' Settembru, 1999 rigward telefonati anonimi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija ma kelliex rapporti mill-persuna ndikata, dwar is-suġġett li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jindika u jagħti tagħrif dettaljat ta' kemm-il proċess intilef minn quddiem l-Imħallef Noel Arrigo, minn mindu beda jassumi l-kawżi tal-master? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħa sabiex dawn jiġu rintraċċjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Statistika ta` processi mitlufa ma tinzammx billi r-Registratur issir taf bihom mill-kommuniki li jintbaghtu mill-Imhallfin. Naturalment il-problema mhuwiex limitat biss ghall-Imhallef imsemmi.
Kull meta r-Registratur tiġi mgharrfa dwar nuqqas ta` xi proċess, dejjem ittieħdu l-passi neċessarji sabiex dan jinstab, u fil-fatt ġieli nstab.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem l-imħallef/imħallfin master? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kawżi ġew assenjati lill-periti legali jew assistenti ġudizzjarji? Jista' jgħid kemm inqatgħu kawżi minn din il-qorti fl-1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm minn dawn maqtugħa kienu: a) assenjati lil periti; b) kontumaċi u c) deserti?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li sa Marzu 1999 kien hemm 1529 kawzi pendenti quddiem il-Master.
Billi t-tqassim ta` dawn il-kawżi lill-periti legali jew lill-Assistenti Gudizzjarji hija prerogattiva ta` l-Imħallef u ma tinghata l-ebda informazzjoni lir-Registratur dwar tali assenjazzjonijiet, ma tistax tinghata risposta ghat-tieni parti tad-domanda.
1. Fl-1995 inqatghu 1196 kawzi mill-Prim`Awla tal-Qorti Civili. Ma jistax jinghad li dawn inqatghu mill-Master billi s-sistema tal-Master bdiet titħaddem minn Jannar 1996. Matul l-1995 kien hemm 202 kawzi dezerti.
2. Fl-1996 ġew decizi 273 kawzi mill-Onorevoli Imħallef Dr Noel Arrigo li kien il-Master. Matul din is-sena ma jirrizultax kawzi dezerti minn din
il-Qorti.
3. Fl-1997 ġew decizi 253 kawzi mill-Onorevoli Imhallef Dr Noel Arrigo li kien il-Master. Jirrizulta li matul din is-sena kien hemm 38 kawzi dezerti.
4. Fl-1998 ġew deċizi 160 kawzi mill-Onorevoli Imħallef Dr Ray Pace li minn Frar 1998 ħa l-kawzi tal-Master minflok l-Onorevoli Imħallef Dr Noel Arrigo. Matul din is-sena ma jirrizultax li kien hemm kawzi dezerti minn
din il-Qorti.
Ma tinzammx statistika dwar kawzi deċizi mill-Master li jkunu assenjati lill-periti jew li gew deċizi fil-kontumaċja.
Jista'l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għall-uffiċċju kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sat-30 ta' Ġunju, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm permessi maħruġa għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għal uffiċċju kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta'l-Ippjanar sat-30 ta' Ġunju, 1999?
Jista'l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għal uffiċċju taħt il-PAPB li ntirtu għall-ipproċessar mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, 1992?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jsiru x-xogħlijiet neċessarji fit-toroq f'Tar-Rabbat, Ħamrun? Jaf il-Ministru li r-residenti ilhom żmien li ħallsu l-permessi neċessarji iżda baqa' ma sar xejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir dwar il-kwantita' ta' ħamiem li jittajjru fuq il-Pieta' peress li dawn qed joħolqu ħafna ħmieġ b'detriment għas-saħħa tar-residenti? Jistgħu jingħataw struzzjonijiet biex dawn il-ħamiem jittajjru biss minn ħdejn il-baħar biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-inkonvenjent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Peress li l-Ministru dan l-aħħar stqarr illi l-gvern iffranka Lm30,000 mill-overtime fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jikkonferma li ma sar l-ebda tnaqqis fl-overtime mill-impjegati fl-uffiċini tad-direttur u x-xufiera fl-istess u li dan it-tnaqqis sar biss minn fuq il-gwardjani u mpjegati simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mhux minnu li ma sar l-ebda tnaqqis fl-overtime lill-impjegati fl-uffiċini tad-direttur u lix-xufiera tiegħu.
Għal dak li jirrigwardja l-impjegati fl-uffiċini tad-direttur, ninsab infurmat li l-overtime ta` dawn tnaqqas b`40%, u dan minkejja li fl-uffiċini msemmija issa qed isir ferm aktar xogħol milli kien isir qabel.
Fir-rigward tax-xufiera tad-direttur, ninsab infurmat li l-ammont ta` overtime, meta mqabbel mall-passat, naqqas b`25%.
Ninsab infurmat ukoll li x-xufiera tad-direttur ma jagħmlux overtime bħala xufiera għajr meta wieħed minnhom ikun bil-leave jew marid. Ta` min jgħid ukoll illi x-xufiera tad-direttur, fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom, jieħdu ħsieb ukoll il-librerija tal-ħabs kif ukoll jagħtu assistenza kontinwa lil-S.R.T.
25.10.99
Jaf il-Ministru li fil-Marfa Quay hemm ħafna diżgwid u diżorganizzazzjoni sħiħa bejn il-proprjetarji tal-laneċ li jġorru n-nies lejn Kemmuna fuq shuttle service? Jaħseb il-Ministru li sar opportun li l-awtoritajiet konċernati jimponu roster idoneju biex in-nies li diġa' għandhom permess joperaw mill-Marfa bħala shuttle service?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm tliet operaturi ta' laneċ (magħrufa bħala 'pleasure boats') li għandhom l-permessi meħtieġa biex joperaw u jġorru passiġġieri bi ħlas mill-moll tal-Marfa.
Is-servizz li joperaw dawn il-laneċ hu wieħed liberaliżżat u għalhekk m'għandux il-kontroll ta' skeda.
Jista' l-Ministru jara li l-Pulizija tenforza l-liġijiet kontra ipparkjar fuq il-bankina, speċjalment fil-lokalita' tal-Pieta' fejn hemm problema kbira ta' parking, peress illi dan qed ikun ta'perikolu għar-residenti li jkollhom jgħaddu minn taħt il-bankina?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u ser tibqa` tinforza r-regolamenti tat-traffiku partikolarment fejn il-ksur ta' dawn ir-regolamenti jirriżulta f'periklu għall-pedestrians.
04.10.99
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir dwar il-kwantita' ta' ħamiem li jittajru fuq il-Pieta' peress li dawn qed joħolqu ħafna ħmieġ b'detriment għas-saħħa tar-residenti? Jistgħu jingħataw struzzjonijiet biex dawn il-ħamiem jittajru biss minn ħdejn il-baħar biex jitnaqqas kemm jista'jkun l-inkonvenjent?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.