B'riferenza għall-petition number PL 2186 li qed tintbagħat separatament u l-mistoqsija parlamentari numru 19347, peress li minkejja r-risposta tiegħu, il-caterer xorta waħda qed iżarma bil-lejl fost ħafna storbju b'inkonvenjent kbir għar-residenti, peress li bl-istruttura preżenti, il-ħatt jista' jsir minn Triq il-Mediterran u peress l-mużika xorta waħda qed tibqa' għaddejja wara l-11.00 p.m., jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex dan l-inkonvenjent jinqata' darba għal dejjem?
Response (GALEA, LOUIS)
Għaddejt dan l-ilment lill-Bord tal-Mediterranean Conference Centre u qed nistenna reazzjoni mingħandhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi problema amministrattiva biex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, tieħu l-permess ta' parker fil-lista indikata taħt separatament?
Peress li dan il-permess kien jgħajjat lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li llum mietet, u peress li waqt li din il-persuna kienet l-isptar saret dikjarazzjoni relattiva sabiex il-permess idur fuq il-persuna imsemmija, u l-armla tiddependi minn dan l-arranġament biex tgħix, jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jiena kont tajt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 1788 u Nru. 6648, ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li saret referenza għaliha qed tiġi pproċessata skond il-proċedura stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija, li ħadmu extra duty mas-Sea Malta?
Jaf il-Ministru li dawn ilhom xi disa' xhur jistennew li jitħallsu?
Jista' jgħid meta se jitħallsu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li skond l-irċevuti fil-pussess tas-Sea Malta, l-ammont dovut lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jammonta għal madwar ħamsa u għoxrin elf lira. Tajjeb jingħad li x-xogħol sar għal kumpanija barranija li għaliha s-Sea Malta taġixxi biss bħala aġent.
Appena s-Sea Malta tirċievi l-ammont imsemmi, din tgħaddieh lill-Korp tal-Pulizija biex isir il-ħlas relattiv.
Jista' l-Ministru jgħid x'żidiet ħadu fis-salarju u f'benefiċċji l-Gvernatur u l-General Managers tal-Bank Ċentrali f'dawn l-aħħar sentejn?
Ġew offruti żidiet simili lill-ħaddiema fi gradi oħra fil-Bank Ċentrali, l-MFSC u l-MSE u lic-Chairman tal-MFSC u lic-CEO tal-MSE?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ma' ħa ebda żieda fis-salarju u fil-benefiċċji mindu ġie appuntat f'Ottubru tal-1999. Iż-żidiet li ħadu dawn l-aħħar sentejn id-Deputy General Managers kienu simili għal dawk li ħadu l-ħaddiema fil-gradi l-oħra tal-Bank.
M'hemm ebda relazjoni fis-salarju bejn l-istituzjonijiet imsemmija fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri l-ħabs mingħajr liberta' proviżorja?
Jista' jagħti dettalji u jindika kemm ilhom hekk detenuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` priġunieri li fil-preżent qegħdin jinżammu l-ħabs taħt arrest preventiv hu ta` 82.
Dawn daħlu fil-Faċilita` kif ġej:
Sena Numru
1995 1
1996 xejn
1997 4
1998 14
1999 18
2000 45
Priġunier li llum jidher taħt arrest preventiv biss, jista` jkun li minn meta daħal skonta xi sentenza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ċitazzjonijiet quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mill-1-10-99 sa l-1-11-99 u mill-1-10-2000 sa l-1-11-2000?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni ghadha qed tingabar, ir-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nies barranin talbu li jitqiesu għall-finijiet tal-liġi bħala refjuġati?
Jista' jgħid minn liema pajjiżi u kemm minn kull pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li qed jagħmel referenza għaliha għadha ma daħħlitx fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jgħid u jagħti dettalji ta' kemm hemm barranin fil-Faċilita' Korretiva ta' Kordin?
Jista' jagħti dettalji ta' x'nazzjonalitajiet huma, u i-tip ta' reati li tagħhom instabu ħatja jew li huma akkużati bihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-20 ta` Novembru 2000, in-numru ta` priġunieri ta` nazzjonalita` barranija miżmuma fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 73.
In-nazzjonalita` tagħhom hija kif ġej:
Sudaniżi 1 Libjani 50
Eġizzjani 6 Tuneżini 6
Olandiżi 3 Iraqini 1
Ingliżi 2 Jugoslavja 2
Alġerini 2
Ir-reati jew l-akkuża prinċipali huma kif ġej:
Ħsara volontarja 1 Stupru 3
Arson 3 Frodi 3
Relatati ma` droga` 38 Omiċidju 4
Attentat ta` omiċidju 3 Serq 4
Feriti gravi 3 Sekwestu ta` persuna 1
Stupru fuq minorenni 1 Hold up 1
Attakk vjolenti u indiċenti 1 Pussess ta` flus foloz 2
fuq minorenni
Immigrazzjoni 2 Oħrajn 3
Dawn il-priġunieri jista` wkoll ikollhom akkużi oħra minbarra dik prinċipali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'hiex wasal il-proċess ta' installazzjoni ta' lifts ġewwa l-Floriana?
Jista' jindika liema huwa l-bini pproġettat f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Karma f'liema stadju waslu n-negozjati bejn il-Bank Ċentrali u s-Central Bank Workers Union?
X'qiegħda titlob l-Union? X'inhu lest li jikkonċedi l-Gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li hemm medjatur fil-kwistjoni li teżisti bejn il-Management u l-Union Ħaddiema Bank Ċentrali u hemm tama ta' soluzzjoni fil-qrib.
Jista' l-Ministru jgħid x'żidiet ħadu fis-salarju u f'benefiċċji l-Gvernatur u l-General Managers tal-Bank Ċentrali f'dawn l-aħħar sentejn?
Ġew offruti żidiet simili lill-ħaddiema fi gradi oħra fil-Bank Ċentrali, l-MFSC u l-MSE u lic-Chairman tal-MFSC u lic-CEO tal-MSE?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-risposta għall din il-mistoqsija ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-kummenti li saru mill-Ministru, f'liema stadju wasal il-propost trasferiment tal-Banking Regulation mis-Central Bank għall-MFSC?
Xi spiża hemm involuta f'dan it-trasferiment? Il-ħaddiema li ser jiġu trasferiti ser jiġu offruti salarji u benefiċċji simili għal dawk li jgawdu ħaddiema mal-MFSC?
Il-membri tas-Central Bank Workers Union li jibqgħu jaħdmu l-Bank Ċentrali ser jingħataw benefiċċji simili?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm l-Gvern irid li jkun hemm regolatur finanzjarju wieħed - kif kien ħabbar fl-1994 - għada ma ġietx iffissata data għall-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni. Għaldaqstant id-dettalji li talab l-Onorevoli Interpellant dwar din il-kwistjoni għadhom mhux magħrufa.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi rranġata Old Theatre Street, Il-Belt, ħdejn is-suq?
Jafx il-Ministru li nqalgħet il-lava minn din it-triq u tpoġġiet Pjazza Regina u t-triq tħalliet kollha mħarbta? Hemm xi ċans li din it-triq kif ukoll Felix Street jingħataw it-tarmac?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta ħa ħsieb li jaqla' lava slabs minn parti minn Triq it-Teatru biex jiġi restawrat l-paviment ta' l-istess triq ħdejn il-Palazz. Il-VRP kellhom ftehim mal-Kunsill Lokali Valletta sabiex dawn min-naħa tagħhom jagħtu t-tarmac fejn inqala' s-slabs tal-lava.
Għar-rigward ta' Felix Street trid issir l-istess ħaġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita hemm li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata post diċenti peress li qed tgħix f'miżerja kbira f'kamra bla faċilitajiet sanitarji liema kamra ser taqa' u minkejja li għandha ħafna points (71) u saru diversi inspections baqgħet bla post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qiegħed jiġi kkunsidrat bħal ma' qiegħed isir f'każijiet oħra simili. Irrid ngħid li l-fond indikat la hu proprjeta' tal-Gvern u lanqas rekwiżizzjonat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibilita' hemm li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li għandha ħafna points, tingħata l-fond li hija indikat fil-Floriana, peress li din il-persuna qed tgħix f'fond mingħajr ebda faċilitajiet sanitarji u dan il-fond qed jaqa' biċċiet u li huwa ta' periklu għaliha u għall-familja tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta d-Dipartiment ikollu f'idejħ post battal jiġu kkunsidrati dawk kollha li jkollhom applikazzjoni pendenti. Ma tingħata ebda preferenza lil min ikun indika xi post partikolari.
MFSC — MSE - MDC - Centra Bank - Interessi tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm individwi ġew appuntati mill-Ministeru biex jirrappreżentaw l-interessi tal-Gvern fl-MFSC, MSE, MDC u ċ-Central Bank u min huma? Kemm jitħallsu dawn l-individwi u x'benefiċċji għandhom?
Kif intgħażlu dawn in-nies? X'inhuma d-doveri tagħhom u kull meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta' l-MFSC l-Gvern għandu dritt jappunta il-membri fuq il-Bord tal-Gvernaturi skond il-ligi li tirregola l-MFSC, cioe Kap 330 tal-Liġijiet ta' Malta. Il-kriterji tan-nomina tagħhom jinsabu fil-liġi stess.
Il-Gvernaturi ma jirrappresentawx l-interessi tal-Gvern kif implikat fil-mistoqsija parlamentari.
Il-membri tal-Bord jitħallsu onorarju annwali ta' Lm2000 kull wieħed
Iċ-Chairman, iċ-Chief Executive u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ma jirċevux dan l-onorarju.
Skond l-Att ta' l-1967 dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Bank Ċentrali huwa istituzzjoni awtonoma immexxija minn Bord tad-Diretturi li hu kompost mill-Gvernatur, id-Deputat Gvernatur u tlett Diretturi. Il-Gvernatur, u
d-Deputat Gvernatur, skond il-liġi għandhom poteri eżekuttivi u huma appuntati mill-President ta' Malta fuq pariri tal-Prim Ministru. It-tlett Diretturi l-oħra huma appuntati mill-Prim Ministru skond il-provvedimenti
ta' l-Att dwar il-Bank Ċentrali.
Għalhekk, b'rispett lejn l-awtonomija tal-Bank Ċentrali u l-provvedimenti tal-liġi nnifisha, l-ebda individwu ma hu appuntat mill-Ministeru tal-Finanzi biex jirrapreżenta l-interessi tal-Gvern fil-Bank Ċentrali, filwaqt li għal Borża ta' Malta m'hemm l-ebda individwu appuntat.
Fil-każ ta' MDC nitlob l-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar b'vapuri li ġew Malta min Benghażi u Tripoli? Kemm ġew passiġġieri fuq dawn il-vjaġġi fis-sena ta' qabel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` vapuri u ta` passiġġieri li waslu mill-portijiet ta` Tripli u Benghazi hu kif ġej:
Minn Bengazi 1999 2000 (sa l-aħħar ta` Ottubru)
Vapuri tal-merkanzija 40 38
Vapuri tal-passiġġieri 0 0
Numru ta` passiġġieri 0 0
Minn Tripli
Vapuri tal-merkanzija 50 57
Vapuri tal-passiġġieri 186 84
Numru ta` passiġġieri 112,142 50,892
Jista’ l-Ministru jgħid minn huma d-diversi konsulenti tal-Malta Maritime Authority u s-sussidjarji tagħha?
X' forma ta' kumpens jirċievu dawn? Fuq liema bażi ġew magħżula? X'doveri għandhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa l-Awortia` Marittima ma għandha l-ebda konsulent.