Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26745 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

Gattard House

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm permess tal-PA biex isir it-tibdil strutturali li sar riċentement f'Gattard House?

Response (BORG, TONIO)

Minn investigazzjonijiet li saru jirriżulta li sar xi xogħol strutturali f`parti mill-bini li qasam sular għoli f`żewġ sulari internament u dan mhux kopert bil-permess. Il-każ qed jiġi mistħarreġ biex il-fatti kollha jiġu stabbiliti.
Leg 9 PQ #26746 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex intefqu daqstant eluf ta' liri mill-MITTS biex tiġi irranġata l-parti ta' Gattard House okkupata mill-MITTS, meta imbagħad dawn krew parti oħra mill-istess bini?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur l-MITTS għamlet diversi xogħolijiet interni biex tiċċentralizza aktar uħud mill-funzjonijiet tal-kumpannija li evolvew matul dawn l-aħħar snin, filwaqt li tipprovdi aktar “working space” lill-impjegati fl-ispazju eżistenti. Sadanittant ittieħdet parti oħra mill-bini f’wieħed mis-sulari, biex tkun tista’ tiġi estiża il-“Computer Room”, fejn minħabba proġetti ġodda tal-Gvern bħal l-“eGovernment” u l-“Internet for Schools” u ż-żieda fin-numru ta’ “e-mail” u “internet users” irid jitqiegħed aktar apparat fejn tkun tista’ tinżamm aktar “data”. F’din il-parti l-ġdida ser jiġi mqiegħed ukoll is-“Service Call Centre” li ser jiġi inawgurat iktar tard din is-sena u “Command and Control Centre” biex ikun jista’ jingħata servizz aktar effiċjenti u immedjat lill-klijenti tal-MITTS.
Leg 9 PQ #26747 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-appointment tal-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, fl-uffiċju tas-CEO tal-MITTS kienx effett dirett tat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-persuna li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni li kienet tokkupa l-persuna ndikata li tterminat il-pożizzjoni tagħha ma hi bl-ebda mod relatata mal-pożizzjoni tal-persuna l-oħra li kienet ingħatat “appointment”. Fil-fatt, il-persuna ndikata li tterminat il-kuntratt offriet ir-riżenja tagħha fis-16 ta’ Mejju 2001, filwaqt li l-persuna l-oħra ndikata ngħatat l-“appointment” fil-pożizzjoni li għadha tinsab fiha sal-lum, fil-1 ta’ Awissu 2000.
Leg 9 PQ #26748 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-karozza tas-CEO tal-MITTS kienet involuta f'inċident tat-traffiku? Veru li din il-karozza inħbiet sakemm issewwiet, u wara ħadd ma ried jixtriha? Veru li issa s-CEO għandu karozza ġdida?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-karozza tac-“Chief Executive” tal-MITTS kienet involuta f’inċident tat-traffiku fit-12 ta’Diċembru 2000. Mhux veru li l-karozza inħbiet wara il-ħabta. Il-karozza ttieħdet minn fuq il-post ta’ l-inċident dritt għal għand tellar biex tissewwa kif inhu normali fiċ-ċirkostanzi. Ix-xogħol fuq il-karozza tlesta f’Jannar 2001. Il-MITTS tħaddem “replacement policy” ta’ ħames snin għal kull karozza uffiċjali. Din il-karozza ilha għand il-MITTS ħames snin u nofs u għalhekk il-MITTS ħarġet sejħa għall-offerti għall-bejgħ tagħha. Kien hemm numru ta’ offerti u bħalissa il-MITTS qiegħda tinnegozja ma’ min tefa’ l-aħjar offerta. Mid-data ta’ l-inċident sa l-aħħar ta’ April 2001, is-CEO għamel użu mill-karozza personali tiegħu. Wara li f’April, is-CEO biegħ il-karozza tiegħu, sar “lease” fuq karozza “second hand” tat-tip Alfa. L-arranġamenti għal dan il-“lease” saru skond ir-regoli approvati mill-Board tal-MITTS .
Leg 9 PQ #26749 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Skart

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li tiġi mnaddfa Sir Luigi Preziosi Street, Floriana u jsir xi ilqugħ peress illi din it-triq hija mimlija skart u dan qed jaqa' għand ir-residenti ta' l-istess triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).

Fond Alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra urġentement li jingħata fond alternattiv għal żmien qasir il-persuna li tbati b'disabilita' u tuża wheelchair u li isimha jidher taħt separate cover ? Fil-blokk fejn tirrisjedi qed isir xogħol strutturali li ser idum sejjer xi tlett xhur u qed ikun hemm ingenji pparkjati quddiemha u minħabba t-trabijiet din il-persuna spiċċat msakkra f'darha u ma tistax toħroġ, b'tali mod li anki ser titlef l-impjieg tagħha? Peress li dan huwa każ umanitarju, jistax l-Ministru jikkunsidra li l-persuna konċernata tingħata fond alternattiv għall-perjodu biss li jdum sejjer dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi għalkemm il-persuna indikata m'għandhiex applikazzjoni, d-Dipartiment ser jinvestiga u jara hemmx lok għal għajnuna.

VAT

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra jemenda l-kundizzjonijiet taħt Skema 5 tal-Awtorita' tad-Djar fejn attwalment tingħata rebate ta' VAT fuq l-ewwel dar ta' abitazzjoni li tkun inbniet qabel l-1960? Jikkonsidrax li din ir-rebate għandha tapplika għad-djar kollha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Iskema Numru 5 ma tingħatax Rebate ta' VAT, peress li din hija Skema ta' sussidju fuq xogħolijiet ta' Rranġar fi Djar Privati li huma Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti.
Leg 9 PQ #26544 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Security Corps

Question

Jaf l-Prim Ministru li wara li tas-Security Corps (Armata) tneħħew mix-xogħol tagħhom ta' security f'Ħal Far ħdejn il-bonded stores, u ix-xogħol ingħata lil oħrajn, saru ħafna serqiet? Jikkunsidrax il-Ministru li tas-Security Corps jintbagħtu lura hemm hekk?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 22369 f’Seduta numru 465 tat-12 ta’ Jannar 2001.
Leg 9 PQ #26545 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Animali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħdu l-ebda passi kontra min qed irabbi sriedaq, tiġieġ, żwiemel u ħmara fi Triq il-Lanċa, Marsamxett meta t-trobbija ta' dawn l-annimali hi ta' inkonvenjent għall-ġirien, minbarra li qed jinħolqu problemi sanitarji?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #26220 Sitting 546 2001-06-04 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Finanzi

Dwana

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru taħt separate cover, li kienet taħdem bħala general hand mad-Dipartiment tad-Dwana, Marsa Bonded Stores, u li issa ġiet trasferita għad-Dwana, il-Belt, xorta waħda qed titħalla tagħmel overtime il-Bonded Stores, Marsa? Meta wieħed jikkonsidra li l-overtime soltu jsir mill-ħaddiema t'hemm hekk stess li jaħdmu f'ċirkostanzi diffiċli u iebsa għaliex dan l-overtime, a skpaitu tagħhom, jigħata lil persuna oħra li tkun qed taħdem komodament f'sezzjoni different?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan it-transfer kien wieħed minn numru ta' transfers oħrajn li jsiru perjodikament fid-Dwana u sar għax inħass li kif huma l-affarijiet setgħu jonqsu tnejn min-nies minn Newport. L-arranġament li sar ma jtellef xejn minn dak li kienu jaqilgħu dawk li għalissa baqgħu Newport. Wieħed irid iżomm f'moħħu li fil-futur jistgħa jkun hemm transfers li jolqtu lil ħaddieħor biex kemm jista' jkun wieħed jaqsam l-iebes u l-komdu.

Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi awtorizzata ż-żieda lil pensjonanti tad-drydocks li suppost ingħatat f'Jannar li għadda? Dawn il-pensjonanti ser jitħallsu imgħax ta' 1% fix-xahar fuq l-ammont dovut lilhom, bħal ma jiġi intaxxati jekk iħallsu t-taxxa tard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f'Jannar ta' din is-sena, kull pensjonant irċieva żieda ta' Lm1 fil-ġimgħa fil-pensjoni li kienet tirrappreżenta żewġ terzi ta' l-għoli tal-ħajja. Iż-żiediet fil-pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fuq bażi personali, skond il-grad u l-provvedimenti tal-ftehim kollettiv li jkopri l-post li kien jokkupa l-pensjonant, tħallsu jew ser jitħallsu fis-26 ta' Mejju, fid-9 u fit-30 ta' Ġunju 2001, skond it-tip ta' pensjoni. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali ma jipprovdix għall-ħlas ta' imgħax fil-każ indikat minnu.

Letterbox

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jkun hemm letterbox fil-Housing Estate fil-Pieta biex jinqdew aħjar ir-residenti anzjani li jgħixu f'dawn l-inħawi u dan mingħajr ma titneħħa xi letter box oħra fl-istess lokalita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'każi fejn tintalab kaxxa ta' l-ittri ġdida, Maltapost timxi fuq rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Postali Universali li jkun hemm kaxxa ta' l-ittri għal kull 3,000 resident. Tal-Pieta' b'popolazzjoni ta' 4,249 ruħ, skond ċifri ppubblikati fil-Gazzetta ta' t-30 ta' April 1996, hija moqdija bi tliet kaxxi ta' l-ittri, numru ogħla minn dak irrakkomandat mill-UPU. Għalhekk ma jidhirx li hemm għalfejn titwaħħal kaxxa ta' l-ittri oħra. Madankollu, f'ċirkostanzi bħal dawn mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali jirrakomanda ċaqlieq ta' kaxxi ta' l-ittri eżistenti b'mod li lok indikat ikun jista' jinqeda aħjar. Fil-maġġoranza tal-każi Maltapost tattwa dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Kunsilli Lokali

Question

B'riferenza għall-Kunsilli Lokali li ġew fdati jmexxi l-Librarji fil-lokal tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra: (a) jekk dawn il-libreriji jistgħux jirrifjutaw kotba ta' diversi suggetti (b) jekk kien hemm xi lokalitajiet li diġa rrifjutaw xi kotba (c) jekk kienx hemm xi Kunsilli li bagħtu lura xi korrispondenza lilhom indirizzata, u jekk fl-affermattiv jekk dan sarx bil-qbil tal-Kunsill kollu jew le (d) jekk kienx hemm xi każ simili fil-Kunsill Lokali tal-Pieta

Response (GATT, AUSTIN)

Bhal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali b`personalita` legali distinta u fl-awtonomija taghhom jagixxi skond l-esigenzi u l-mezzi disponibbli. Ghaldaqstant l-istatistika mitluba ma tinzammx minn dan il-Ministeru. Rigward l-ahhar parti tal-mistoqsija ninfurmak li l-Kunsill Lokali Pieta` s-issa mhux imexxi l-librerija tal-lokal tieghu.
Leg 9 PQ #25710 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gardjola

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser titpoġġ f'postha l-gardjola li kien hemm Hastings u li tneħħiet minn hemm tlett snin u nofs ilu mill-Valletta Rehabilition Project ? Ma jaħsibx l-Ministru li għandha tingħata aktar importanza lill-wirt nazzjonali tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn ix-xogħlijiet jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Ministeru ta' l-Ambjent u qed jitmexxew mill-Valletta Rehabilitation Project. Din il-gardjola inħattet mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet minħabba l-qagħda imwegħra tagħha. Bħalissa d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qed tħejji tenders għar-rikostruzzjoni ta' din l-istruttura.

Qrati — Kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati kawżi lill-(avukati) kuraturi deputati li hemm fuq il-lista fil-kuraturi u dan għas-snin 1998 u 1999? Jista' jagħti dettalji tal-kawżi hekk assenjati? Jista' jgħid min huma l-avukati appuntati bħala kuraturi fuq il-lista llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Fis-sena 1998 kien hemm 267 kawzi fil-Qrati Superjuri u 56 kawzi fil-Qrati Inferjuri fejn gew nominati Avukati bhala kuraturi deputati. Fis-sena 1999 kien hemm 315 kawzi fil-Qrati Superjuri u 45 kawzi fil-Qrati Inferjuri fejn gew nominati Avukati bhala kuraturi deputati. Minhabba n-numru konsiderevoli ta' kawzi nvoluti, f`dan l-istadju huwa mpossibbli li tinghata l-lista tal-kawzi hekk assenjati. Il-lista tal-kuraturi deputati tigi pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern f'Jannar ta` kull sena.
Leg 9 PQ #24815 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma l-intenzjoni li tiġi ntrodotta s-sistema ta' punch clock permezz tal-palm reading fl-istamperija tal-gvern? Kemm se tqum din is-sistema? Kemm ser jiġu ffrankati flus b'din is-sistema? Meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal din is-sistema? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma illi se jiġi impjegat tabib ma' l-istamperija tal-gvern? Kemm se jiswa dan l-ingaġġ? X'wassal għal dan l-ingaġġ? Dan ġara għax il-Prim Mnistru tilef il-fidudċja fit-tobba privati li kienu qed joħorġu ċ-ċertifikati? Jekk dan ma kienx il-każ, x'wassal għall-ingaġġ ta' tabib privat esklussivament għal dan id-dipartiment

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-“Management” ta’ l-Istamperija tal-Gvern qed jistudja l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ verifika ta’ attendenza u sistema ta’ verifika biex ma jkunx hemm abbuż mis-“sick leave” Deċiżjoni finali għadha ma itteħditx.

Santa Venera — Toroq

Question

Jaf il-Ministru li s-segwenti toroq f'Santa Venera ossia , Abela Street, V. Bugeja Street, Canon Bonnici Street, n/s in Canon Bonnici Street, n/s in Ġuże Pace Street jinsabu lkoll fi stat dilapidat u għandhom bżonn li jsir xogħol fuqhom urġentement? Jaf il-Ministru li l-istat dilapidat ta' dawn it-toroq qed ikun konduċenti biex jinġabar ħafna ħmieġ u li għalhekk qed jinħolqu ħafna problemi ta' saħħa? Japprezza l-Ministru l-preġudizzju li qed isofru n-nies f'dawn it-toroq? Jikkunsidra l-Ministru li urġentement jesegwixxi x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti l-kbira tat-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma diġa asfaltati ħlief għall-partijiet qosra fit-truf tagħhom fejn l-iżvilupp sar aktar riċenti . Filwaqt li xogħol ta' manutenzjoni fiż-żoni asfaltati jagħmlu l-Kunsill Lokali x-xogħol ta' l-asfalt il-ġdid bħal f'lokalitajiet oħra irid bilfors isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.

Dipartiment ta' l-Anzjani — Care workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra li l-care workers li jaħdmu mad-dipartiment ta' l-anzjani jingħataw kariga fissa mad-dipartiment? Japprezza l-Ministru li l-istatus tagħhom huwa wieħed preġudikali u dan għaliex jaħdmu kważi daqs ħaddiema full-time u jitħallsu biss Lm1.50 fis-siegħa u ma jikkwalifikaw għal ebda benefiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-care workers li jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani huma kollha ħaddiema fissi mad-Dipartiment u għalhekk jitħallsu s-salarju skond il-grad tagħhom bil-benefiċċji kollha dovuti.

SVPR — Arloġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif Ħas-Serh kien hemm finanzi biżżejjed sabiex jinxtara arloġġ għas-somma ta' madwar Lm1,500 meta ma kienx hemm madwar Lm1,000 biex jinxtara air-conditioner tant bżonjuż fis-sala Rużar Briffa? Jikkonferma l-Ministru li dan jammonta għal malamministrazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar preċiż u speċifiku fid-domandi li qiegħed jagħmel billi jgħid: a) jekk b'Ħas-Serħ iridx jifhem San Vinċenz de Paule; b) għal-liema arloġġ qiegħed jirreferi li nxtara madwar Lm1500; c) għal-liema sala fil-kumpless ta' Rużar Briffa qiegħed jirreferi.
Leg 9 PQ #24574 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

Work Permits

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dettaljat ta' kemm ingħataw work permits lii barranin matul is-snin 2000 u 2001?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22636.