Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi każi quddiem it-tribunal għall-investigazzjoni tal-inġustizji?
Jista' jgħid kemm ġew deċiżi favur ir-rikorrenti, u jagħti dettalji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi t-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji iddeċieda u rrapporta fuq 565 każ. Minn dawn 313 l-ilment nstab ġustifikat u t-Tribunal għamel rakkomandazzjoni favur ir-rikorrent. Ġie rakkomandat rimedju kompensattiv f’157 każ u rimedju ta’ Kumpens f’156 każ.
Rimedju kompensattiv huwa wieħed li jagħti lir-rikorrent dak li jkun talab. Rimedju ta’ kumpens huwa wieħed finanzjarju li jingħata meta rimedju kumpensattiv ma jkunx possibli.
Il-każi konklużi huma 194.
Jista' l-Ministru jagħti listi u dettalji ta' dawk l-oġġetti li fuqhom hemm imposti price orders? Jaħseb li din il-lista għandha tiġi estiża? Jaħsibx il-Ministru li għandhom jiżdidu l-pieni għal min jikser dawn il-price orders peress li donnu qed jirriżulta li qliegħ magħmul fuq bejgħ ta' prodotti qed jikkontribwixxi għall-inflation?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-price orders jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern minn fejn, għalhekk, wieħed jista' jiġbor l-informazzjoni mitluba.
Bħala linja ġenerali, il-Gvern jistenna li l-bżonn għal-price orders jonqos u mhux jiżdied. Dan minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u permezz ta' miżuri intiżi sabiex jiġi żgurat suq ġust fejn il-kompetizzjoni taħdem biex il-konsumatur igawdi mill-aħjar prezzijiet possibbli li jirriflettu wkoll il-kwalita' offruta lilhom.
Min naħa l-oħra, fejn tiġi determinata l-ħtieġa, l-Gvern jirriserva d-dritt li jintervjeni, anki permezz ta' price orders, sabiex jiġi salvagwardjat l-aħjar interess tal-konsumatur.
Jista' Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar jekk sarux surveys biex isir magħruf tagħrif x'inhi l-medja ta' profitti li qed isiru mir-retailers fuq prodotti identifikati?
Jekk le, jikkonferma li huwa opportun li jsir eżerċizzju simili?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni ssegwi l-prezzijiet tal-prodotti li huma meqjusa dominanti fis-suq ta' l-ikel, toiletries, deterġenti u xorb biex tara li ma jkunx hemm xi prattiċi restrittivi li jistgħu iwasslu għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. Jirriżulta li f'dawn is-setturi teżisti kompetizzjoni kemm bejn il-produtturi/importaturi ta' dawn it-tipi ta' prodotti kif ukoll bejn ir-retailers.
Id-Diviżjoni tinvestiga każijiet fejn jinħass li l-prezzijiet huma eċċessivi kawża ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti jew jekk ikun hemm suspett ta' kartell.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-teatru ta' Dar il-Mediterran qed jintuża għal rock concerts li qed jikkawżaw inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-inħawi, bħalma huma żewġ rock concerts kbar li saru fit-30 ta' April u l-1 ta' Mejju bir-riżultat li kien hemm chaos kbir barra Dar il-Mediterran bi trakkijiet ipparkjati ma' kullimkien sa tard bil-lejl? It-teatru hu armat bl-apparat meħtieġ f'każ ta' inċident, inkluż inċident ta' ħruq? Peress li kull meta jkun hemm dawn it-tip ta' kunċerti jkun hemm ħoss kbir li jdejjaq ir-residenti peress li jidher li t-teatru mhuwiex sound proof, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji? Għaliex il-bord tat-tmexxija qed jagħti permess biex it-teatru kulturali jintuża għal dan it-tip ta' attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-teatru ta' Dar il-Mediterran ilu miż-żmien tmenin jilqa' fih 'rock concerts' u 'rock operas'.
Il-'chaos' li seta' kien hemm fid-dati msemmija mill-Onor. Membru hija kwistjoni separata mill-attivitajiet li jkunu qed isiru ġewwa ċ-Ċentru.
Hemm diskussjonijiet, li jinsabu fi stadju avvanzat mal-Kunsill Lokali tal-Belt sabiex jiġu riservati 'Parking Bays' għat-trakkijiet li jintużaw mill-organizzaturi ġewwa Dar il-Mediterran.
Dwar apparat meħtieġ f'każ ta' inċident, informat li ċ-Ċentru huwa mgħammar b'apparat apposta għal inċidenti simili, kif ukoll l-istaff kollu u l-'usherettes' huma imħarrġa regolarment mill-'International Safety Training Centre' f'Fire Awareness u Fire Fighting. Numru mill-istaff jifforma 'Emergency Response Team' li jintervjeni f'każi li jkun hemm bżonn.
Waqt il-kunċerti msemmija ttieħdu prekawzjonijiet oħra. Biżżejjed jingħad li kien hemm 'on stand by' tlett membri tal-Fire Fighting Section tas-'Civil Protection Unit' bil-Fire Engine magħhom u anke tmien uffiċjali tas-sigurta` professjonali jikkumpliementaw l-'Emergency Response Team' ta' Dar il-Mediterran.
Qegħdin isiru xi tibdiliet li għandhom jgħinu sabiex il-ħoss li jista' jdejjaq ir-residenti jiġi minimizzat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm membri tal-ġudikatura għandhom onorarju u/jew benefiċċji mill-Universita` ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ħadd mill-membri tal-ġudikatura ma jirċevi onorarju u/jew benefiċċji mill-Universita` ta' Malta. Iżda dawn huma intitolati għal ħlas ta' xogħol li jistgħu jagħmlu bħala eżaminaturi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jew tal-joint office?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-records tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jeżistix l-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-suġġerimenti li saru fir-rapport li sar dwar l-incinerator li hemm fl-Isptar San Luqa?
Jista' jgħid jekk humiex se jiġu applikati s-suġġerimenti li saru dwar dan l-incinerator?
Jista' jgħid jekk irriżultax li l-livell ta' dħaħen li jarmi dan l-incinerator huwiex ta' periklu għan-nies li jgħixu fl-inħawi? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jista l-Onorevoli Membru jindika għal liema rapport qiegħed jirreferi sabiex ikun possibbli li jingħata tweġiba għal mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqalgħu kawżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Ingustizzji, kontra xi dipartimenti jew entita' governattiva u jagħti d-dettalji?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isiru lifts fil-housing estate fil-Pieta peress li hemm ħafna nies anzjani jew morda li jgħixu f'dan l-estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Awtorita' tad-Djar rċeviet żewġ applikazzjonijiet biex jiġu nstallati lifts fil-Blokki A2 u D2 Pieta'. Peress li taħt it-tromba tat-taraġ fejn jistgħu jiġu nstallati dawn il-lifts tifforma parti minn proprjeta' oħra tal-Gvern mikrija lill-terzi, saret talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex tintuża parti minn din il-proprjeta' biex fuqha jinbnew il-pedamenti u l-pit tal-lifts.
L-Awtorita' tad-Djar qed tistenna risposta dwar din it-talba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta sejra ssir il-manutenzjoni meħtieġa fil-Housing Estate tal-Pieta' peress li hemm bżonn li jsir xogħol fuq xi soqfa u jridu jiġu imbarrati xi shafts minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-post indikat hemm żewġ soqfa x'jissewwew skond ir-rekords tad-Dipartiment tal- Bini u Tiswija ta' Djar u dawn ser jsiru fi żmien qasir. Nitolbu wkoll jispeċifika għal liema shafts qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm barranin, miżmumin, f'ta' Kandia?
Jista' jgħid kemm hemm barranin li applikaw għal status ta' refuġjati u kemm intlaqgħu applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-numru ta` barranin (immigranti illegali) li qed jinżammu fil-Kumpless ġewwa ta` Kandja hu ta` 33.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li f`dan l-istadju, meta għad fadal aktar persuni x`jiġu intervistati, mhux għaqli li tiġi ippubblikata statistika dwar kemm intlaqgħu applikazzjonijiet. Pero`, jekk jixtieq, nista` ngħaddi dan it-tagħrif lill-Onor. Interpellant b`mod kunfidenzjali.
Santa Venera — Tirq Antonio Miruzzi/Triq Romeo Romano
Question
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jiġu rranġati Triq Antonio Miruzzi u Triq Romeo Romano f'Santa Venera?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li d-Direttorat għat-Toroq spezzjona t-toroq imsemmija rriżulta li parti żgħira biss minn Triq Romano għadha mhix asfaltata, u x-xogħol fiha jsir skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat. Fir-rigward ta' Triq Antonio Miruzzi, din hija asfaltata u għalhekk il-manutenzjoni tagħha jagħmilha l-Kunsill Lokali.
Għal aktar informazzjoni dwar din it-triq, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra s-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Silvio Meli bħala Chairman tat-Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta mogħtija fil-każ Carmelo Mifsud vs Motor Hearse Association?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex il-Mistoqsija Parlamentari hawn fuq msemmija jagħmilha lill-Ministru konċernat peress li t-Tribunal għall-Kompetizzjoni Ġusta ma jaqax taħt il-Ministeru tal-Ġustiżżja u Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji tiegħu qed jingħataw taħt separate cover u li kien għadda f'idejn il-gvern wara l-ftehim li sar mal-Knisja dwar proprjeta' immobbli, ġiex trasferit lil xi ħadd? Jekk iva, lil min u taħt liema titolu? Kienet pubblikata xi tender, u jekk iva fejn? Jekk le, jista' jgħid jekk dan l-aħħar sarux xi xogħolijiet ta' żebgħa fuq il-bieb ta' barra u l-gallarija? Jekk iva, dawn ix-xogħolijiet saru mill-gvern jew minn ħaddieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kera fuq il-fond imsemmi qed titħallas kif kien indikat mill-Enti Ekklesjastiku li kien jamministra dik il-proprjeta` qabel m`għaddiet għand il-Gvern. L-Uffiċċju Konġunt la ħareġ sejħa għal offerti u lanqas m`għamel xi xogħolijiet ta` żebgħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' xogħol kien hemm fil-Monti di Pieta bejn l-1995 u l-2001, sena b' sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' xogħol bejn l-1995 u l-2001 kien hekk :
Sena Numru ta' Rahan Numru ta' Fidi
1995 6507 6291
1996 6396 6395
1997 6763 6022
1998 7290 6447
1999 7831 6694
2000 7755 6341
2001 7649 7898
Jista' l-Ministru jispjega għaliex mhux dejjem qed ikun hemm pulizija ħdejn l-iskola ta' Santa Venera meta t-tfal ikunu ħierġin mil-iskola?
Jista' l-Ministru jara li issir manutenzjoni fil-bitħa tal-istess skola peress li hija meħtieġa
ħafna?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tlabt lid-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni jindaga mal-Pulizija s-sitwazzjoni biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija għaddejt it-talba lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada.