Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx studju sabiex jiġi stabbilit is-suq tax-xogħol u x'tip ta' gradwati l-iktar li għandna bżonn? Jekk fl-affermattiv, jista’jgħid xi sforzi qed jagħmel l-istess gvern sabiex jattira studenti f'dawn il-linji ta' studju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kemm l-ETC kif ukoll l-Universita' jagħmlu studji bħal dawn, u wara dawn huma wżati mill-Guidance Teachers fl-iskejjel u mill-Counsellors u Advisors fil-Junior College u l-Universita' meta jingħataw pariri lill-istudenti kemm b'mod kollettiv kif ukoll individwalment.
Universita' — Studenti li qed isegwu xi tip ta' kors
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti preżentement fis-segwenti korsijiet: liġi, mediċina, dentistrija, edukazzjoni, arkitettura, inġinerija, B.Com., B.A.(Accts)?
Jista' jgħid f'liema korsijiet huma ammessi mature students u kemm hemm minn dawn l-istudenti u jagħti dettalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern fl-istipendji ta’ l-istudenti kollha ta' l-Universita' matul is-sena 2002?
Jista' jgħid jekk din l-iskema ta' stipendji jibbenefikawx minnha anke studenti barranin, u jekk le, jekk dawn jibdewx jibbenefikaw minnha hekk kif Malta tidhol fl-UE?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2002, l-istudenti ta' l-Universita' intitolati għall-Għotja tal-Manteniment ħadu bejniethom is-somma ta' Lm 4,154,720.
Biex wieħed jibbenifika minn din l-iskema jrid ikun ilu jgħix Malta almenu ħames snin biex jibda jibbenefika.
Il-parti l-kbira ta' l-istudenti barranin li jattendu l-Universita' mhux ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u allura fi kwalunkwe każ ma jibbenefikawx.
Dar il-Mediterran — Storbju ta' mużika disco waqt attivita'
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-istorbju ta' mużika disco li kein hemm nhar il-Ħamis, 6 ta' Novembru 2003 waqt attivita' li saret f'Dar il-Mediterran, Valletta, u li baqgħet sejra sat-3.00 a.m. meta skond il-liġi l-mużika suppost tieqaf fil-11.00 p.m.?
Peress illi minkejja diversi mistoqsijiet parlamentari li saru fil-passat dwar dan l-inkonvenjent ta' storbju eċċessiv u ħsejjes miċ-chillers ta' l-air conditioners li ma jidhirx li huma mwaħħla fejn suppost, għadu ma sar xejn, jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-iktar fis possibbli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li rigward il-mużika msemmija ninfurmah jagħmel riferenza għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija Numru 2766 fejn ingħat li ma kienx hemm rapport lil pulizija fil-ġurnata msemmija.
Fir-rigward taċ-chillers ta’ l-airconditioners li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jew aħjar biex inkun iżjed preċiż il-cooling towers naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li f’bini storiku bħal ma hija Dar il-Mediterran ma tantx huwa faċli li wieħed jirrialloka dan l-impjant mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li ssir sistema ġdida għas-sala La Valette.
Korp tal-pulizija — Membri li qed isegwu korsijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li qed isegwu korsijiet l-Universita'? Tenendo kont l-ammont konsiderevoli ta' gradwati fil-liġi fl-istess korp, jaħseb li huwa opportun li fl-aħħar jiġi stabilit il-prosecuting unit li kien ġie propost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 9 membri sponsorjati mill-Korp tal-Pulizija li qed isgwu korsijiet full time l-Universita`. Ma` dawn hemm ukoll 25 Uffiċjal Kadetti li qed isegwu kors ta` sena, filwaqt li hemm ukoll 15-il membru ieħor tal-Korp li qed isegwu korsijiet part time.
Infurmat ukoll illi għalkemm il-Korp tal-Pulizija għandu 9 membri li huma gradwati fil-liġi (2 avukati, 5 prokuraturi legali u 2 nutara), hemm membru wieħed biss (prokuratur legali) li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Korp. Dan il-membru preżentement qed imexxi l-legal office tal-Korp, u minbarra li jagħti parir legali lill-kollegi tiegħu, qiegħed ukoll jassistihom fil-Qorti meta jkun hemm il-bżonn. L-oħrajn jew qed ikomplu bl-istudji tagħhom sabiex jiggradwaw bħal avukati, jew qed isegwu l-kors ta` Uffiċjali Kadetti. Wara li dawn ilestu l-istudji tagħhom, il-Korp tal-Pulizija jkun jista` jerga` jikkonsidra l-proposta dwar it-twaqqif tal-Prosecutions Unit.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw mill-Bank of Valletta plc biex ġew appuntati nies fil-marketing division li ġiet kreata riċentement, senjatament fil-corporate marketing division, fil-business integration division u fil-functional marketing unit?
Fuq liema bażi se jsir l-eżerċizzju ta' regrading li għandu jsir? Min kienu l-membri tal-panel li għażlu l-persuni konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nifhem li l-Onor. Interpellant għamel id-domanda biex jaqdi d-dmir tiegħu ta' Membru Parlamentari, nitlob lil-Onor Interpellant jifhem li l-Bank of Valletta plc mhux Dipartiment tal-Gvern, izda kumpanija kkwotata fuq l-Stock Exchange. Konsegwentament, dan it-tip ta' informazzjoni hi minn natura taghha privata u mhux kompitu li tigi mistħarġa minn dan il- Parlament.
Jista' il-Ministru jgħid meta saret is-sistema tad-drenaġġ fi Triq it-Tram, fil-Ħamrun? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol sarx minn kuntrattur? Kien hemm xi rregolaritajiet jew illegalitajiet f'dik li hija distanza ta' bejn il-manholes?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li s-sistema tad-drenaġġ fi Triq it-Tram, Hamrun saret lejn l-aħħar tat-tmeninijiet. Dan ix-xogħol aktarx sar minn kuntrattur b'tender mad-Dipartiment tad-Drenaġġ. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma m'għandhiex informazzjoni li saret xi rregolarita' jew illegalita' jew li kienu saru xi lmenti lid-Dipartiment tad-Drenaġġ minn dak iż-żmien 'l hawn.
Aġenzija Appoġġ — Għajnuna lil nies bi problemi ta' separazzjoni
Question
Jidhirlu l-Ministru li mhux sew li l-aġenzija Appoġġ tidderiġi nies fi kwestjonijiet ta' separazzjonijiet għal xogħol privat lill-avukat tagħha?
Jidhirlu l-Ministru li jekk il-liġi tal-familja tgħaddi kif proposta barra li nkunu qed inreġġgħu l-arloġġ lura sekli, dan l-abbuż jista' jiżdied? Xi provvedimenti beħsiebu jieħu biex jassigura li dan ma jseħħx?
Ma jidhirlux il-Ministru li għandu jorbot lill-avukati ta' l-appoġġ jew id-ditti ta' fejn jaħdmu li me jieħdux xogħol privat f'dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija Appoġġ qatt ma tirreferi klijenti għal xogħol privat għand xi avukati speċifiċi wisq anqas għand l-avukati tagħha, iżda tħalli dan il-ġudizzju strettament f’idejn il-klijent.
Ninsab infurmat ukoll li l-avukati li jagħmlu xogħol ta’ l-Aġenzija qatt ma jkunu nvoluti f’xogħol privat relatat mal-qasam ta’ ħidma soċjali li tipprovdi l-istess Aġenzija.
Ma jaħsibx il-Ministru li d-WSC qed timxi b'mod pjuttost arroganti meta tiddeċiedi li taqta' id-dawl u l-ilma, anke meta jkun hemm kontestazzjonijiet serji fuq il-kontijiet?
Fil-każ li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jekk il-korporazzjoni ssostni l-pretensjonijiet tagħha, dan m'għandhiex tagħmlu permezz ta' proċeduri idonei fil-qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
Normalment meta xi konsumatur jaqa lura fil-ħlasijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma titlob lill-Korporazzjoni Enemalta biex tissospendi s-servizz ta' l-elettriku tal-konsumatur. Rari jsir qtugħ tas-servizz ta' l-ilma u meta dan isir, ikun hemm ċirkostanzi oħra minbarra dik diġa' msemmija.
Fil-każ partikolari li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-konsumatur qed jinsisti li kien għamel ħlas li fil-fatt ma jirriżultax li għamlu.
Kontra dak li implika l-Onor. Interpellant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha ma ddeċiditx li taqta' d-dawl u l-ilma tal-konsumatur iżda sempliċiment wissietu bil-miktub li jekk se jibqa ma jirregolax il-posizzjoni tiegħu, 'jittieħdu passi ulterjuri skond il-liġi foshom il-qtugħ tas-servizzi tad-dawl u l-ilma'.
Hi prerogattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li tagħżel l-aktar triq konvenjenti għaliha biex tirkupra flus dovuti lilha.
Rigward proċeduri fil-Qorti, ma naħsibx li jagħmel sens peress li hemm proċeduri oħra amministrattivi li jistgħu jittieħdu.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażel bħala mature student il-persuna li isimha qed jidher separatament? Japprezza l-Ministru li l-persuna ndikata għaddejja proċeduri gravanti l-qorti rigward spaċċar tad-droga eroina?
Jidhirlu li anke in vista ta' risposti preċedenti għal domandi relattivi dwar dan is-suġġett, il-gvern għandu jistabilixxi kriterji aktar eżawrjenti f'dan ir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li fl-Universita' anke persuni sentenzjati ġieli jkun hemm bħala studenti u għaldaqstant ma nħossx li persuna li tissodisfa il-kriterji ta' student matur li kapaċi jsegwi l-istudji tal-kors konċernat kellu jiġi rifjutat sempliċiment minħabba proċeduri li għadhom sub indice. Il-Gvern ma jistax jindaħal fi kwestjonijet li huma ta' natura purament akkademika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha differita għas-sentenza l-kawża li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid meta kien l-aħħar differiment u jgħid ukoll meta tressqet oriġinarjament il-persuna ndikata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kawża li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ilha differita għas-sentenza mit-23 ta` Marzu 1998.
Il-persuna indikata tressqet oriġinarjament fis-17 ta` April 1995 filwaqt li l-aħħar differiment ingħata fl-10 ta` Ottubru 2003 fejn il-kawża tħalliet għas-sentenza għad-9 ta` Diċembru 2003 fid-9.30am.
In vista tal-fatt li f'ċerti korsijiet ta' l-Universita', senjatament fil-B.Com, B.Educ, LL.D., u Accountancy, qed jiggradwaw mijiet ta' studenti fis-sena, jikkonsidra l-Ministru li jipprovdi infrastruttura adegwata li tagħmilha possibbli li dawn l-istudenti jsibu mpjieg fil-professjoni minnhom xelta peress li porzjon qawwi ta' dawn l-istudenti jistgħu jiffrustraw ruħhom għax jispiċċaw bla impjieg?
Response (GALEA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Membru għandu xi suġġerimenti konkreti napprezza li jgħaddihomli għall-evalwazzjoni u konsiderazzjoni.
Jidhirlu l-Ministru li għandu jintroduċi sistema ta' career guidance adegwata sabiex jiġu assistiti l-istudenti biex jagħżlu korsijiet adegwati li jistgħu jiggarantulhom xogħol fil-karriera minnhom magħżula fl-aħjar interess tal-pajjiż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' għandha servizz ta' 'Student Advisors' li jinkludi career guidance. Hemm advisors kemm il-Junior College u l-Universita'. Dan l-uffiċċju jaħdem mill-qrib mal-guidance teachers tad-Diviżjoni ta' l-edukazzjoni billi jagħti l-informazzjoni meħtieġa biex tingħadda lill-istudenti fl-iskejjel. L-uffiċċju jagħmel ukoll riċerka dwar il-gradwati u x-xogħol, li hi ppublikata.
Jista' il-Ministru jispjega għaliex f'ċerti korsijiet ta' l-Universita' bħall-Mediċina, Dentistrija u Arkitettura għadu jippersisti n-numerus clausus u għaliex il-kwalifiki rikjesti għal dawn il-korsijiet huma ferm ogħla minn dawk ta' korsijiet oħra?
Jista' jispjega għaliex f'dawn il-korsijiet mhux permess li jidħlu mature students waqt li f'korsijiet oħra jitħallew jidħlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:-
a) Fil-Mediċina m'għadx hemm numerus clausus. Il-kwalifiċi għad-dħul fil-kors tal-Mediċina saru ftit ogħla minn korsijiet oħra wara li tneħħa in-numerus clausus. Il-kwalifiki mitluba jikkomparaw ma' dawk mitluba f'Universitajiet oħra.
b) Fid-Dentistrija hemm numerus clausus peress li in-numru ta' studenti hu relatat man-numru ta' pazjenti li magħhom jistgħu jagħmlu t-taħriġ prattiku taħt superviżjoni.
c) Fl-Arkitettura ilu ma jkun hemm numerus clausus minn mindu tneħħa għall-korsijiet kollha fl-1987. Il-kwalifiċi għad-dħul fil-kors ta' l-Arkitettura huma fl-istess livell bħal korsijiet oħra.
Jidhirlu l-Ministru li fiċ-ċirkostanzi, tenendo kont l-influss ta' studenti universitarji f'ċerti korsijiet, li dawn il-korsijiet għandhom jerġgħu jibdew isiru kull sentejn kif kien isir xi snin ilu?
Jidhirlu li dan ikun ta' benefiċċju għall-istess studenti, li almenu jkollhom ftit tan-nifs jistradaw ruħhom fil-karriera tagħhom, mingħajr kompetizzjoni sfrenata?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru jista' jiġi konsidrat skond kif ikomplu jevolvu iċ-ċirkostanzi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-exchange bureaux li hawn f'Malta li huma awtorizzati jsarrfu flus (per eżempju, Travelex UK, Coppini, eċċ) jistgħux isarrfu ċekkijiet fl-ammonti ta' iktar minn Stg5,000 u jagħti dettalji?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat illi Foreign Exchange Bureaux liċenzjati taħt l-Att tal-1994 dwar L-Istituzzjonijiet Finanzjarji jistgħu isarrfu ċekkijiet desinjati fi kwalunkwe munita barranija. Ma hemmx restrizzjonijiet fuq l-ammonti f'dawn il-każijiet.
Ir-restrizzjoni li teżisti tirrigwardja ċekkijiet personali, li dawn l-istituzzjonijiet għadhom mhumiex permessi li jsarrfuhom. Iżda huma jistgħu jsarrfu ċekkijiet - basta jkunu desinjati f'munita barranija - ta' dividendi, pensjonijiet maħruġa minn gvernijiet barranin, bank drafts u oħrajn ta' natura simili.
Ta' min iżid li regoli rigward il-money laundering applikabbli minn żmien għal żmien iridu jiġu rispettati minn kull istituzzjoni finanzjarja liċenzjata mill-MFSA.
Sta. Venera — Skola San Franġisk t'Assisi - suġġett tal-Home Economics
Question
Jista' il-Ministru jgħid għalfejn fl-iskola ta' San Franġisk t'Assisi, Sta. Venera għalkemm iddaħħal is-suġġett tal-Home Economics, l-imsemmija skola għadha mhix attrezzata b'faċilita' ta' kċina sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jipprattikaw f'dan is-suġġett u dan nonostante li l-għalliema tal-Home Economics fl-iskola in kwestjoni ilha tilmenta xhur sħaħ dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola San Franġisk t'Assisi l-istudenti tal-'Home Economics' qegħdin jużaw il-'Food Lab' li hemm fl-iskola. Erba' gruppi tal-'Home Economics' li jattendu l-form IV jagħmlu tnejn minn ħames lezzjonijiet fil-ġimgħa fil-'Food Lab' u dawn il-lezzjonijiet ikunu ta' natura prattika.
Informat ukoll li ser toħroġ tender biex jinbena 'Food Lab' ieħor f'din l-iskola.
Attivita' f'Dar il-Mediterran — Storbju minn mużika disco
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga l-istorbju ta' mużika disco li kien hemm nhar il-Ħamis, 6 ta' Novembruf 2003 waqt attivita' li saret f'Dar il-Mediterran, il-Belt u li baqgħet sejra sat-3.00 a.m., meta skond il-liġi l-mużika suppost tieqaf fil-11.00 p.m.?
Peress li minkejja d-diversi mistoqsijiet parlamentari li saru fil-passat dwar dan l-inkonvenjent ta' storbju eċċessiv u l-ħsejjes miċ-chillers ta' air conditioners li ma jidhirx li huma mwaħħla fejn suppost, għadu ma sar xejn, jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha biex jirrimedja s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, il-Pulizija tieħu passi kull meta jkun hemm xi lmenti. Fid-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kelliex rapporti simili. Dwar l-attrezzamenti f`dan iċ-ċentru, ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Persuna b'diżabilita' li qed tapplika biex tidħol fl-SVPR
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li jeżistu rigwardanti l-applikazzjoni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex din il-persuna tkun tista' tidħol f'St. Vincent de Paule?
Jista' jinnota li din hija mara b'diżabilita', tgħix waħedha u ilha tapplika għal żmien konsiderevoli? Jista' jinnota wkoll li din l-anzjana mhijiex ta' waħedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija daħlet fir-Residenza San Vinċenz de Paule fl-4 ta’ Diċembru 2002 pero’ tablet illi terġa tmur tgħix fid-dar tagħha f’Lulju 2003, liema talba ġiet milqugħa. Reġgħet tefgħat applikazzjoni ġdida f’Ottubru ta’ din is-sena u qegħda tiġi kkunsidrata.