Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vapuri reġistrati Malta u jagħti t-tunnellaġġ tagħhom? Jista' jgħid ukoll fil-kemm-il post qiegħda Malta bħala numru u tunnellaġġ ta' vapuri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 3361 bastiment reġistrat Malta b'tunellaġġ gross totali ta' 25,994,108. Skond l-aħħar statistika ppublikata minn Lloyd's Register Fairplay fl-aħħar tal-2002, Malta kienet tidher bħala l-ħames l-ikbar reġistru tal-bastimenti għal dak li huwa tunnellaġġ gross totali.
Jista' il-Ministru jgħid matul l-2003 kemm ġew kanċellati reġistrazzjonijiet ma' l-awtorita' marittima għal reġistrazzjoni? Jista' jagħti n-numru ta' postijiet ta' irmiġġ f'Malta u f'Għawdex u jagħti d-dettalji tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi matul is-sena 2003 ġew effetwati 371 kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' bastimenti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili.
In-numru ta' rmiġġi f'Malta u Għawdex,skond ir-Rapport Annwali 2002-2003 ta' l-Awtorita` Marittima li għandu jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qarib, huwa ta' 1635. Dawn l-irmiġġi huma mqassmin hekk:
Msida / Ta' Xbiex 815
Mġarr, Għawdex 210
Portomaso 110
Manoel Island Marina 250
Grand Harbour Marina 250
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġ? Jista' jgħid kemm għandna vapuri single hull?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-irmiġġi huwa ta' 389.
Sa l-aħħar tas-sena 2003 kien hemm 165 tanker li jistgħu jitqiesu bħala single hull reġistrati Malta.
Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-gvern rigward l-investigazzjonijiet ta' l-inċident ta' l-Erica? Hemm rappreżentanti Maltin fi Franza li qed isegwu l-investigazzjonijiet? Jista' jgħid kemm hemm impjegati ma' l-awtorita' marittima?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi peress li l-bastiment Erika kien reġistrat Malta, l-Awtorita` Marittima ta' Malta għamlet l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-inċident li kien fih involut dan il-vapur fl-1999. Ir-rapport relatat ħareġ f'Settembru 2000 liema rapport kien ukoll magħmul pubbliku. Rappreżentanti legali ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta qegħdin isegwu l-azzjoni tal-Maġistratura Franċiża fir-rigward ta' l-Awtorita` Marittima ta' Malta u l-uffiċċjali Maltin.
In-numru ta' mpjegati ma' l-Awtorita` Marittima huwa ta' 219.
Awtorita' marittima — Diriġenti li xehdu quddiem il-qorti Franċiża
Question
Jista' il-Ministru jispjega jekk il-gvern irċeviex rikjesta mingħand il-maġistratura Franċiża kontra xi diriġenti ta' l-awtorita' marittima?
Jista' jgħid min huma d-diriġenti ta' l-awtorita' marittima jew uffiċċju tal-gvern li xehdu quddiem il-qorti Franċiża in konnessjoni ma' l-istess inċident, meta xehdu, kemm-il darba xehdu u quddiem min?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita` Marittima ta' Malta rappreżentata mic-Chairman tagħha u d-Direttur Eżekuttiv tal-Bastimenti Merkantili ġew mitluba mill-Maġistratura Franċiża biex jidhru quddiemha f'konnessjoni ma' l-inkjesta li din l-istess maġistratura qed tagħmel dwar l-inċident li kien involut fih il-Bastiment Erika fl-1999.
L-ebda diriġent jew uffiċjal ta' l-Awtorita` Marittima jew ta' xi uffiċċju tal-Gvern ma ta xhieda fi Franza f'konnessjoni ma' dan l-inċident.
Fir-rigward ta' l-inċident tal-bastiment Erica, jista' il-Ministru jgħid, fiċ-ċirkostanzi, l-attitudni tal-maġistratura Franċiża u l-ordnijiet konsegwenzjali li jikkonċernaw l-istat Malti humiex ultra vires għax jattraċċaw fuq is-sovranita' ta' l-istat Malti?
X'passi diplomatiċi qed jieħu l-gvern f'dan is-sens?
Response (BORG, JOE)
Il-pożizzjoni legali tal-Gvern Malti fil-konfront tal-proċeduri ġudizzjarji Franċiżi konnessi ma' dan il-każ hija li l-Awtorita' Marittima Maltija, bħala organu ta' l-Istat Malti u l-Uffiċċjali tagħha bħala uffiċċjali ta' l-Istat Malti, igawdu mill-immunita' sovrana ta' l-Istat Malti u allura ma' jistgħux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qrati Franċiżi.
Din il-pożizzjoni twasslet lill-Awtoritajiet Franċiżi ukoll permezz ta' meżżi diplomatiċi.
Jidhirlu l-Ministru li l-European warrant of arrest jista', f'ċerti ċirkostanzi, jinterferixxi fuq is-sovranita' ta' l-istat Malti?
Jidhirlu konsegwenzjalment li qabel ma jirratifika tali trattat għandu jaġġunġi ċerti riservi?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw maħfriet presidenzjali fl-1991, fl-1992 u fl-1993 u jagħti d-dettalji tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25227 fis-Seduta 542 tat-23 ta` Mejju 2001, fil-Leġislaturi ta` qabel.
Dipartiment ta' l-istatistika — Rapporti dwar statistika
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2002 kemm saru rapporti fuq statistika dwar diversi suġġetti? Jista' jagħti tagħrif dwar liema kienu l-oqsma fejn saret tali statistika? Jista' jgħid x'kien il-livell ta' parteċipazzjoni tal-poplu f'tali stħarriġ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b’mod regolari l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jippublika rapporti annwali fuq Statistika Industrijali, Shipping u Avjazzjoni, Edukazzjoni, Trasport, Kultura, Demografija, National Accounts, Kummerċ Internazzjonali, Bilanċ tal-Pagamenti, Agrikultura u Sajd.
Ma dawn iridu jiżdiedu għadd sostanzjali ta’ News Releases fuq kull statistika uffiċċjali li tinġabar mill-NSO u li ammontaw għal 145 fl-2002. Dawn jinkludu rapporti regolari ta’ kull xahar fuq it-Turiżmu, Kummerċ Internazzjonali, Xogħol, u Indiċi tal-Prezzijiet. Kull tlett xhur tiġi ppublikata statistika dwar in-National Accounts, Bilanċ tal-Pagamenti, u l-Labour Force Survey.
F’kull każ fejn isir survey biex tinġabar l-istatistika il-livell ta’ parteċipazzjoni jvarja imma jista’ jingħad b’mod ġenerali li jkun ta’ livell sodisfaċenti biex jassigura li r-riżultati li l-NSO jippublika eventwalment ikunu affidabbli skond ix-xjenza ta’ l-istatistika.
Jaqbel il-Ministru li f'dawk il-korsijiet fejn hemm ammont eċċessiv ta' studenti jogħlew il-kwalifiki għal dawk li jkunu jridu jidħlu l-Universita`, bħalma jiġri, per eżempju, fil-kors tal-mediċina, u kif jiġri del resto f'ħafna pajjiżi Ewropej?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kwalifiċi għad-dħul huma stabbiliti mill-Universita' biex jirriflettu il-preparazzjoni akkademika meħtieġa biex persuna tkun tassew tista' issegwi kors partikolari bir-riżultati meħtieġa.
Il-policy tal-Gvern, hi li l-Universita' għandha tkun miftuħa għal kull min hu kapaċi jsegwi xi kors ta' l-għażla tiegħu/tagħha u li jkun disponibbli fl-Universita'. Fil-ftit korsijiet fejn in-numru ta' studenti li jidħlu hu limitat, dan hu hekk biss għax il-kors innifsu ma jippermettix li jkun hemm numru ta' studenti bla limitu.
Il-Gvern waqqaf ukoll l-MCAST biex joffri għażla ħafna aktar wiesgħa għal studju u taħriġ post-sekondarju, vokazzjonali u akkademiku. X'inhu meħtieġ hu programm aktar effettiv ta' iggwidar u pariri għall-karrieri ibbażati fuq għarfien aktar akkurat u informat tas-suq tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm avukati impjegati fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali, jagħti dettalji u jispjega kif inhu mqassam ix-xogħol?
Jista' jispjega wkoll x'inhuma s-salary scales ta' dawn l-avukati?
Ma jidhirlux li hemm bżonn urġenti li jiġu ngaġġati iktar avukati f'dan l-uffiċċju?
Response (BORG, TONIO)
B`kollox hemm 15-il avukat impjegati fl-uffiċċju ta` l-Avukat Ġenerali. Dawn huma l-Avukat Ġenerali (salary scale 1), id-Deputat Avukat Ġenerali (salary scale 3), 2 Assistenti Avukati Ġenerali (salary scale 4), 2 Avukati Anzjani (salary scale 5 - wieħed minnhom salary scale 4 on a personal basis), 7 Avukati tar-Repubblika (salary scale 6) u 2 Junior Legal Officers (salary scale 9).
Dawn jaħdmu x-xogħol kollu li jinqala` iżda bħala regola hemm 6 avukati li jaħdmu l-aktar fuq kriminal u 8 li jaħdmu l-aktar fuq ċivil. Qed isiru pjani għal żieda fin-numru ta` avukati.
Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali — Avukati li attendew delegazzjonijiet/konferenzi
Question
Jista' il-Ministru jgħid u jagħti dettalji ta' min huma l-avukati fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali li attendew delegazzjonijiet/konferenzi fl-esteru?
Jista' jagħti l-istess tip ta' informazzjoni rigward il-membri tal-ġudikatura?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab din l-informazzjoni.
Qorti Kriminali Internazzjonali — Kariga ta' imħallef
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' arranġament sar ma’ dawk il-membri tal-ġudikatura li qed jippresjedu tribunali fl-esteru?
Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Malta kellhiex kandidat għall-kariga ta' Imhallef fil-Qorti Kriminali Internazzjonali u jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Il-membri tal-ġudikatura li qed iservu f`tribunali internazzjonali barra għadhom membri tal-ġudikatura iżda ingħataw "leave of absence" b`unpaid leave.
Malta ma kellhiex kandidat għall-kariga ta` Imħallef fil-Qorti Kriminali Internazzjonali peress li kienet għadha ma rratifikatx l-Istatut ta` Ruma li waqqaf il-Qorti, meta saret l-għażla.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ittieħdux proċeduri legali kontra dawk li rrifjutaw li jagħtu t-tagħrif rikjest mid-dipartiment ta’ l-istatistika?
Jaqbel il-Ministru li wasal iż-żmien li ssir statistika akkurata biex jiġi stabbilit jekk il-gradwati tagħna hux qed isibu xogħol adegwat fil-professjonijiet magħżula minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jistaqsi fuq proċeduri legali mittieħda mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) b’mod ġenerali.
It-tweġiba hija fl-affermattiv għall-każi fejn dawk li huma obbligati li jagħtu tagħrif lill-NSO skond il-provvedimenti tal-Malta Statistics Authority Act, 2000 jippersistu li ma jagħtux it-tagħrif rikjest minnhom (permezz ta’ kwestjonarju li jkun intbagħatilhom) u dan saħansitra wara li jintbagħtulhom diversi reminders.
Għandi tagħrif li xogħol fuq u kif qegħdin jiġu impjegati l-gradwati sar mill-Universita’ ta’ Malta u ġie ppublikat taħt it-titlu “A Study of the Outcome of Graduates 2000 in the Job Market”.
Qorti tad-drittijiet tal-bniedem — Kawżi kontra l-gvern Malti
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm ġew ippreżentati kawżi kontra l-gvern Malti quddiem il-qorti tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa Strasbourg u jispjega l-eżitu?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti ma jiġix notifikat bl-applikazzjonijiet kollha li jsiru lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġewwa Strasbourg, iżda biss dawk li l-Qorti tiddeċiedi li qabel tiddetermina jekk tilqagħhomx bħala Ammissibbli tikkomunikom lill-gvern.
Il-kawżi li nqatgħu fejn Malta kienet pajjiż intimat kienu s-segwenti:-
1. Demicoli vs Malta 27.08.1991 Proċeduri ta` "breach of privilige" tal-Parlament Malti ma jiggarantixxux smiegħ xieraq.
2. Aquilina vs Malta 29.04.1999 Nuqqas ta` rimedju għal kontestazzjoni immedjata tal-arrest
3. T.W. vs Malta 29.04.1999 Nuqqas ta` rimedju għal kontestazzjoni immedjata tal-arrest
4. Sabeur Ben Ali vs Malta 29.06.2000 Nuqqas ta` rimedju għal kontestazzjoni immedjata tal-arrest
5. Kadem vs Malta 09.01.2003 Nuqqas ta` rimedju għal kontestazzjoni immedjata tal-arrest
Fil-każijiet kollha, għaddiet leġislazzjoni mill-Parlament li ipprovdiet rimedju għan-nuqqas indikat fis-sentenzi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3194, peress illi huwa l-gvern li jagħżel iċ-chairman u l-maġġoranza tad-diretturi, jista' il-Ministru jara li tingħata risposta mitluba?
Jaf il-Ministru li kuntrarjament għal kull prassi normali, fis-set-up il-ġdid tal-bank hemm nies li għandhom l-istess parentela?
Jista' jgħid jekk il-kariga ta' manager (Line marketing integration) ġietx tailor-cut għal individwu partikolari, tant li r-rekwiżiti huma vagi u mhux speċifikati?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hu żbaljat meta jgħid li "il-Gvern jagħżel ic-chairman u l-maġġoranza tad-diretturi" għax il-Gvern jagħżel biss lic-Chairman u d-diretturi kollha huma magħzula jew mill-ħaddiema jew mill-azzjonisti, ninfurmah illi ma' għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru. 3194.
Jista' il-Ministru jagħti s-segwenti informazzjoni fir-rigward tas-soċjeta' assikuratriċi li isimha qed jintbagħat separatament, fil-kwalita' tagħha bħala aġent tas-soċjeta' estera li isimha wkoll qed jintbagħat separatament: 1) f'liema stadju ta' likwidazzjoni tinsab l-imsemmija soċjeta'? 2) Hemm xi proċeduri ġudizzjarji ta' likwidazzjoni għaddejjin? 3) Min hu l-likwidatur/stralċarju? 4) X'assi għandha s-soċjeta' assikuratriċi? 5) Bdew jiġu assenjati l-assi tas-soċjeta' assikuratriċi lill-kredituri tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-Soċjeta Independent Insurance Company Ltd hija kumpannija estera li tinsab taħt proċeduri ġudizzjarji ta’ likwidazzjoni quddiem il-High Court of Justice ta’ l-Ingilterra. Il-High Court fis-17 ta’ Ġunju 2001, kienet ħatret lis-Sur Dan Schwarzmann u s-Sur Mark Batten, it-tnejn minn Pricewaterhouse Coopers ta’ Londra, bħala Stralċjatarji Proviżorji tas-Soċjeta.
Is-soċjeta lokali, Micallef Insurance Agency Ltd ġiet appuntata mill-istralċjatarji Proviżorji ta’ l-Independent Insurance Company Ltd sabiex twettaq ix-xogħol kollu li hu meħtieġ sabiex ixxolji l-kummerċ ta’ assigurazzjoni li din is-soċjeta estera kellha f’Malta, u issa tinsab fi stadju li tiddetermina kull obbligu (cioe’ liability) li s-soċjeta estera setgħet kellha f’Malta. Il-proċess ta’ likwidazzjoni miexi sew.
Ebda ħlas mill-assi tas-soċjeta ma jista’ jsir sakemm il-claims li l-kumpannija għandha f’Malta jiġu miftehma, sabiex b’hekk jiġi garantit li l-fondi jiġu mqassma b’mod ġust bejn dawk il-kredituri “in bona fede”. L-obbligi (cioe’ liabilities) qegħdin jiġu determinati u hemm ukoll numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-Qrati Maltin kontra s-soċjeta estera.
Fl-aħħarnett, nispjega illi l-assi li s-soċjeta estera kellha hawn Malta huma miżmuma mill-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta skond il-poteri li tagħtiha l-liġi. Dan jikkostitwixxi salvagwardja oħra favur il-kredituri lokali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol? Jista' jagħti dettalji dwar minn liema korsijiet ġejjin u kemm ilhom jirreġistraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.