Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4479 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-liġi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki rikjesti sabiex persuna tattendi l-kors tal-liġi? Senjatament, jista' jgħid jekk għadx hemm bżonn l-A level tal-Malti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li biex ikun irreġistrat fil-kors, kandidat għandu, barra li jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati fir-Regolamenti għad-Dħul ta' l-Universita', jgħaddi f'żewġ suġġetti fil-Livell Avvanzat bi grad Ċ jew aħjar magħżula mill-Gruppi 1, 2, 3 jew fil-Computing/Information Technology (Grupp 4) ta' l-Eżami għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Subject Groups (Matriculation Certificate) An examination will be offered in each of the subjects as grouped below: Group 1: Maltese, Arabic, English, French, German*, Greek, Italian, Latin, Russian*, Spanish* Group 2: Accounting, Economics, Geography, History, Marketing, Philosphy, Religius Knowledge, Sociology Group 3: Applied Mathematics (Mechanics), biology, Chemistry, Environmental Science**, Physics, Pure Mathematics Group 4: Art, Computing, Engineering Drawing, Graphical Communication, Home Economics and Human Ecology*, Information Technology, Music * offered at advanced Level only ** offered at Intermediate Level only.
Leg 10 PQ #4480 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kors tal-liġi

Question

Jisa' il-Ministru jgħid għaliex il-kors tal-liġi mhux se jibqa' iwassal għal LL.D. imma għal LL.B.?

Response (GALEA, LOUIS)

Jidher li l-Onor. Membru m'huwiex informat sew. Ġejt informat li l-kors tal-liġi maqsum fi tnejn: wara l-ewwel tlett snin l-istudenti jiggradwaw bi grad ta' Baċellerat - B.A. Legal Studies and Humanistic Studies. L-istudenti li daħlu din is-sena ser jiggradwaw Bachelor of Laws - LL.B. Wara l-ewwel grad l-istudenti jgħaddu għal tlett snin studju oħra - wara l-ewwel sena jieħdu id-Diploma Nutarili u fl-aħħar tal-kors jiggradwaw LL.D.

Lottu pubbliku — Forecast

Question

B'riferenza għall-estimi finanzjarji għas-sena 2004, paġna 120, minn fejn jirriżulta li l-forecast għal din is-sena konċernanti dħul mil-lotteriji huwa ta' Lm24,700,000. Jista' il-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta' din il-figura?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minbarra l-fatt li mistenni jiġi ripetut l-istess livell ta' dħul ta' l-2003, ta' 'l fuq minn Lm12-il miljun, mistennija: Lm8 miljuni mil-liċenzja li ngħatat din il-gimgħa lill-operatur il-ġdid tal-lotteriji; Lm1.5 miljuni dħul aktar minn sorsi eżistenti, inklużi l-Betting Offices Operations u Casino Charges (paragunat ma' l-istess livell ta' żieda fid-dħul bejn l-2002 u l-2003); u Lm3 miljuni minn attivitajiet ġodda li sa issa ma kienux qed jiġu indirizzati.

VAT — Forecast

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-forecast mill-VAT għas-sena 2004 huwa biss ta' Lm140.53 miljun, ossia żieda ta' Lm9.5 miljun fuq il-forecast tas-sena l-oħra? Japprezza l-Ministru li jekk l-ekonomija tibqa' kif inhi u nżidu l-introjtu bi 3% (żieda fil-VAT għal 18%) l-introjtu għandu jkun ta' Lm156 miljun? Għaliex il-forecast huwa ta' Lm16 miljun inqas?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda ta' 3% fil-VAT tibda tiġi riflessa fid-dħul tad-Dipartiment bejn wieħed u ieħor mid-denunzja li l-perjodu tagħha jagħlaq fil-31 ta' Jannar u li allura għandha tintbagħat sal-15 ta' Marzu 2004. Barra minn hekk, bħalma għidt bosta drabi, u spjegajt fid-diskors tal-Budget, mill-1 ta' Mejju 2004, il-VAT fuq oġġetti mixtrija minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja mhux se tibqa titħallas fid-Dwana iżda meta jinbiegħu l-oġġetti lill-konsumatur f'Malta. Għalhekk ser ikun hemm ittardjar ta' ħlas bil-Vat fis-sena 2004, li parti minnha tinġabar u tgħaddi lid-Dipartiment fis-sena ta' wara.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Djar/appartamenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm baqa' djar/appartamenti taħt il-kontroll tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jgħid kemm ħarġet fondi għall-kiri jew għall-bejgħ l-awtorita' tad-djar fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 9,600 post li huma rekwiżizzjonati u madwar 9,000 oħra li huma propjeta’ tal-Gvern. Ninsab infurmat ukoll li bejn is-sena 2000 u 2003, l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet għall-bejgħ, permezz ta’ sitt avviżi separati, 369 maisonette, 10 djar, 633 appartament u 4 cluster houses f’diversi lokalitajiet. Matul l-istess perijodu, l-Awtorita’ għaddiet 177 post lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati b’titolu ta’ kera mill-istess Dipartiment.
Leg 10 PQ #4326 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzja — Ħlas ta' sentenza

Question

Jista' il-Ministru jispjega għal liema raġuni għadu ma sarx ħlas abbażi ta' sentenza tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għalkemm din ilha deċiża minn Settembru 2003?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 10 PQ #4327 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

European arrest warrant

Question

Jista' il-Ministru ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tat-test tal-European arrest warrant? Jidhirlu li għandu jaġġunġi ċerti riservi fuq l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-Council Framework Decision tat-13 ta` Ġunju 2002 (2002/584/JHA). Ir-riservi huma dawk previsti fid-Deċiżjoni innifisha.

WSC — Korrispondenzi legali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex meta ssir korrispondenza legali mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma rari tingħata risposta, bħal fil-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ittra datata 21 ta' Jannar 2004 dwar ammonti dovuti għas-servizz u l-konsum ta' ilma u elettriku fil-fond li għalih saret referenza, waslet għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fit-22 ta' Jannar 2004. It-tweġiba għal din l-ittra ntbagħtet fid-29 ta' Jannar 2004.

Korporazzjoni Enemalta — Bdil ta' wires mikxufin

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess biex jinbidlu wires mikxufin? Meta beda dan l-eżerċizzju? Ta' min hi r-responsabbilta' li jsir dan ix-xogħol tal-korporazzjoni Enemalta jew ta' kuntratturi privati? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn il-wires mikxufin? Taħt liema regolamenti qed isir dan it-tibdil ta' wires?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li f'Malta u Għawdex hemm numru sostanzjali ta' wires mikxufin li bħala prinċipju ma hemm xejn ħażin fihom. Napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jindika għal liema wires qed jirreferi.

Qrati — Tneħħija ta' bridge

Question

Jidhirlu l-Ministru li kien erroneju li tneħħiet il-bridge minn bejn il-qrati ordinarji u l-qorti tal-familja? Jidhirlu li dan qed jikkrea mhux biss inkonvenjent imma qed jikkawża umiljazzjoni lill-membri tal-klassi legali u għall-membri ta' l-istess ġudikatura? Jaf li minħabba n-nuqqas ta' bridge bejn iż-żewġ edifiċji, ħafna avukati qed isibuha diffiċli li jlaħħqu max-xogħol tagħhom kif kienu jlaħħqu qabel quddiem il-qorti tal-familja u l-qrati l-oħra, bi preġudizzju għall-klijenti tagħhom? Ma jidhirlux li t-tneħħija tal-bridge tista' tiġi meqjusa bħala forma ta' inkejja żejda jew anke disrispett lejn il-professjoni legali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pont in kwistjoni tneħħa għax il-Qorti tal-Familja għandha tkun separata u distinta mill-bqija tal-Qorti u dan minħabba n-natura tal-kawżi li jiġu trattati quddiemha. F`ebda każ la kien hemm xi inkejja, vendikazzjoni, umiljazzjoni jew disrispett f`din id-deċiżjoni lil xi klassi legali, għax din anzi tassigura li jkun hemm l-attenzjoni u l-protezzjoni neċessarja għal dawk iċ-ċittadini li jirrikorru f`din il-Qorti. B`danakollu l-Onor. Interpellant qiegħed jiġi nfurmat li avukati u prokuraturi legali ngħataw l-fakulta` li jqassru t-triq billi jgħaddu direttament mir-reġistru għal Triq Santa Luċija. Irrid ngħid ukoll illi dan il-pont tneħħa qabel ma jien sirt Ministru tal-Ġustizzja u għalhekk l-allegazzjoni li dan sar minni b`xi "inkejja" hija inġusta u l-Onorevoli Interpellant imissu jkollu l-kuraġġ li jirtira l-allegazzjoni li għamel fil-konfront tiegħi fil-Parlament.

European arrest warrant — Kopja uffiċjali tat-test

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tat-test tal-European arrest warrant? Jidhirlu li għandu jaġġunġi ċerti riservi fuq l-istess?

Response (BORG, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentai Numru 3920, fejn tlabtu jindirizza l-mistoqsija tiegħu dwar il-European warrant of arrest lill-Ministru konċernat.

Borża ta' Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-Borża ta' Malta kemm irreġistrat xogħol fl-2003 u jagħti dettalji? Jidhirlux il-Ministru li dan il-livell ta' ativita' huwa wieħed allarmanti u jgħid x'beħsiebu jagħmel biex jerġa jagħti stimolu lill-Borża ta' Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li it-tabella hawn mehmuża wieħed jista' jasal għal dawn il-konklużjonijiet: i) filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ ftit aktar minn Lm5 miljun fin-negozju ta’ l-ishma, kien hemm fl-istess żmien żieda ta' kważi Lm3.4 miljun fi transazzjonijiet fil-Bonds kemm tal-Gvern kif ukoll ta' kumpaniji privati. Dan is-sentiment favur investimenti bir-rata ta’ interess fiss ikompli mis-sena ta’ qabel. ii) Minkejja tnaqqis fil-volum totali ta’ negozju ta’ 2.2% jidher minn-numru totali ta’ transazzjonijiet li l-interess fin-negozju żdid tant li kien hemm żieda ta’ 20% minn 7774 transazzjoni fl-2002 għal 9303 fl-2003. iii) Ix-xejra pożittiva fl-andament ta’ l-indiċi tal-prezzijiet sostniet matul is-sena kollha b’zieda totali ta’13.6% fuq kif għalqu l-prezzijiet fl-2002. Madankollu wieħed jista' jgħid li ma kienx hemm l-ammont ta’ kwotazzjonijiet ġodda fuq il-Borża li wieħed jixtieq, b’ħames instrumenti ġodda biss jiġu kkwotati fl-2003. Waħda mir-raġunijiet possibbli għal dan hi li fi klima monetarja ta’ rati baxxi ta’ interess u likwidita għolja, kumpaniji qed jersqu aktar lejn il-banek milli lejn il-Borża għal bżonnijiet tagħhom ta’ kapital ġdid. Fost proġetti ippjanati jew kurrenti biex jitjieb in-negozju fuq il-Borża wieħed jista jsemmi: i) Tisħiħ fil-qafas regolatorju. ii) Titjib fis-sistemi biex jkun jista' jsir negozju għal ħin itwal, f’instrumenti u swieq ġodda u b’mod aktar mifrux. iii) Tibdil fir-regolamenti u proċeduri ta’ Clearing & Settlement biex jiġu konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. iv) Programm ta’ edukazzjoni għal pubbliku fuq l-operat tal-Borża. v) Proġetti ta’ kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-swieq kapitali biex jinfetaħ is-suq Malti għall-investituri barranin.

ITC irreġistrati f'Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm ITCs reġistrati f'Malta mal-MFSA fl-2002 u 2003? Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nominee companies fl-2002 u 2003 u kemm kumpanija ġew struck off mir-reġistru?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi : (a) Ġew reġistrati 526 ITC's fl-2002, u 839 fl-2003 (b) Fl-aħħar tal-2002, kien hemm115 kumpanniji awtorizzati jaħdmu bħala nominees, fil-waqt li fl-aħħar tal-2003, kien hemm 119. (c) Matul l-2002, ġew struck off 225 kumpanniji, u matul l-2003, ġew struck off 309.

Qorti ta' l-Awdituri — Brussel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern ippreżentax in-nomina tiegħu għal dak li kien jissejjaħ il-Qorti tal-Awdituri ġewwa Brussel? Jista' il-Ministru jgħid min hi l-persuna indikata?

Response (BORG, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jiddeċiedi fuq din in-nomina u jippreżentaha meta jkun il-waqt.

Uffiċjali tal-Qorti

Question

Jidhirlux il-Minstru li x-xogħol ta' medjatur, u kwindi uffiċjali tal-Qorti, hu inkompatibbli max-xogħol ta' Nutar Pubbliku, li huwa meqjus bħala uffiċjali pubbliku u dan mil-aspett etiku tal-professjoni notarili? Jafx il-Ministru li hemm persuna indikata fl-elenku tal-medjaturi approvati mill-Gvern li għaddiet proċedutri kriminali serji quddiem il-Qrati? Jista' jgħid il-Ministru x'kien l-eżitu ta' dawn il-miżuri?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tad-domanda il-medjaturi m`humiex uffiċjali pubbliċi iżda esperti nominati mill-Qorti u għalhekk ma hemmx kwistjoni fuq dan. Rigward it-tieni parti tad-domanda jista` l-Onor. Membru jkun aktar speċifiku u jindika liema mill-erba` u tletin (34) medjatur qiegħed jirreferi għalih.

Qorti tal-familja — Notifiki

Question

Jista' il-Ministru jgħid, mir-rikors u ittra ppreżentati fis-Sekond'Awla tal-qorti ċivili u llum fil-qorti tal-familja, matul dawn l-aħħar erba' xhur kemm kien hemm notifiki li ma sarux? Jidhirlu li dan hu ammont inspjegabbli u li hemm xi ħaġa ħażina fil-proċeduri adoperta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rikorsi ppreżentati fis-Sekond`Awla tal-Qorti Ċivili kien hemm 56 notifika negattiva minn total ta` 348 matul dawn l-aħħar 4 xhur. Fir-rigward ta` ittri ppreżentati fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) mis-16 ta` Diċembru 2003, ninsab infurmat illi s`issa m`hemmx notifiki li rriżutaw negattivi.

Trattat ma' l-Italja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ġie ffirmat l-ewwel darba t-trattat ma' l-Italja li jikkonċerna d-difiża Maltija u l-għajnuna finanzjarja? Jista' jesibixxi kopja tat-trattat fuq il-mejda tal-Kamra jew jagħti spjega qasira ta' kif Malta kellha tuża l-finanzi mgħoddija? Jistaż jgħid kemm irċeviet flus Malta mill-Italja fl-aħħar ħames snin?

Response (BORG, JOE)

L-ewwel trattat ma' l-Italja li jikkonċerna d-difiża u l-għajnuna finanzjarja kien ġie ffirmat fil-15 ta' Settembru tal-1980 taħt forma ta' Dikjarazzjoni mill-Italja u oħra minn Malta flimkien ma protokoll rigwardanti assistenza finanzjarja, ekonomika u teknika bejn iż-żewġ pajjiżi li kienu ġew skambjati permezz ta' Noti diplomatiċi li bis-saħħa tagħhom id-dikjarazzjonijiet u l-protokoll ġew fis-seħħ fit-8 ta' Mejju tal-1981. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn id-dokumenti, liema dokumenti huma fil-fatt pubbliċi. Matul l-1999 u 2000 kien għadu qed jiddekorri r-Raba Protokoll Finanzjarju, u Malta bbenefikat b'kemm jiswew LM9.5 miljun fis-sena 1999 u LM9.12 miljun fis-sena 2000. Kif l-Onorevoli Interpellant jaf, il-Protokoll finanzjarju attwali (cioe' il-Ħames Protokoll) daħal fis-seħħ fil-5 ta' Jannar ta' din is-sena u jipprovdi b'kemm tiswa 75 miljun Ewro f'għajnuna għas-snin 2003 sa 2005.

Ambaxxaturi

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista dettaljata ta' ambaxxaturi akkreditati għal Malta u jindika liema huma dawk residenti f'Malta u ambaxxaturi Maltin għal pajjiżi esteri u min minnhom jirrisjedi barra minn Malta?

Response (BORG, JOE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant

Qorti tal-ġustizzja Ewropea — Nominazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti ġiex inċitat jippreżenta nominazzjonijiet (prim'istanza u l-appell) fil-qorti tal-ġustizzja Ewropea u jgħid min huma n-nominazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-Gvern jagħmel in-nomina meta jkun il-waqt.