Jista' il-Ministru jgħid kemm ilha għas-sentenza l-kawża li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Ma jidhirlux il-Ministru li dan huwa żmien konsiderevoli? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kawża li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, qeghda differita għas-sentenza għall-24 ta` Marzu 2004. Din ilha tiġi differita għal dan l-iskop mis-26 ta` Ġunju 2000, u għalhekk għall-ħamsa u erbgħin xahar (45).
Dan il-Ministeru m`għandux kompetenza li jwieġeb għall-aħħar żewġ mistoqsijiet, pero` ċert li l-Onorevoli Membru huwa istruwit fuq ir-rimedji legali għad-dispożizzjoni tal-partijiet.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf il-Ministru li dan ir-rikors ilu ppreżentat mit-23 ta' April 2002?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt illi nikkonferma illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux dekretat, nixtieq ninfurmah illi ma tistax tingħata aktar informazzjoni peress li din hi Inkjesta Maġisterjali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-rikors li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu mhux degretat? Jaf il-Ministru li dan ir-rikors ilu xhur li ġie ppreżentat?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt illi nikkonferma illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mhux dekretat, nixtieq ninfurmah illi ma tistax tingħata aktar informazzjoni peress li din hi Inkjesta Maġisterjali.
Jista' il-Ministru jispjega kif persuna li m'għandha l-ebda titolu fuq razzett setgħet tapplika u tingħata s-servizz tad-dawl u kif meta l-persuna li lilha jgħajjat l-istess razzett talbet li jitwaqqaf dan is-servizz, dan ma sarx? Id-dettalji qed jingħataw separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
L-Enemalta mhix obbligata tkun taf min hu s-sid tal-post li dwaru jintalab is-servizz tad-dawl, iżda li tagħti s-servizz lill-konsumatur meta jiotlbu.
F'dan il-każ, l-inkwilin l-antik applika biex jitneħħa s-servizz ta' l-elettriku, fil-waqt li l-inkwilin il-ġdid, dak li bħalissa qed jokkupa l-post, talab għas-servizz tad-dawl.
F'dan ir-rigward, iktar milli jitneħħa s-servizz (l-meter) u jerġa' jitwaħħal, il-meter eżistenti jiġi reġistrat fuq l-inkwilin il-ġdid.
Jaf il-Ministru li l-proċess (kumpilazzjoni) fil-kawża fl-ismijiet li qed jintbagħtu separatament li kien ġie differit sine die mill-qorti tal-maġistrati (Malta) bħala qorti istruttorja mill-Maġistrat Noel Cuschieri ma jistax jiġi intralċjat? Jista', fiċ-ċirkostanzi, jagħti dawk id-direttivi u ordnijiet neċessarji sabiex il-proċess jiġi intralċjat u jekk xorta ma jinstabx il-proċess, jordna inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-atti miżmuma fir-Reġistru tal-Qorti tal-Maġistrati (Malta), din il-kumpilazzjoni tinsab quddiem il-Maġistrat Antonio Mizzi.
Jaf il-Ministru li l-volum 36 tal-mandati tal-kummerċ tal-1995 huwa mitluf? Jista' jagħti dawk id-direttivi u ordnijiet neċessarji sabiex dan il-volum jiġi intralċjat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-volum numru 36 tal-Mandati tal-Kummerċ qiegħed fir-Reġistru Superjuri u dan qiegħed allegat ma` proċess ċitazzjoni numru 1416/98 liema kawża qegħda differita għas-16 t`April 2004.
Jista' il-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm ingħatat state aid matul is-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? Jista' jgħid ukoll taħt liema forom ingħatat din l-istate aid, għal kemm kienet tammonta u lil min ingħatat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qegħda tiġi kompilata.
Jista' il-Ministru jispjega kif persuna li m'għandha l-ebda titolu fuq razzett setgħet tapplika u tingħata s-servizz tad-dawl u kif meta l-persuna li lilha jgħajjat l-istess razzett talbet li jitwaqqaf dan is-servizz, dan ma sarx? Id-dettalji qed jingħataw separatament.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali nkarigati mill-proċeduri tal-affissjoni u l-pubblikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali inkarigati mill-proċeduri ta` l-affissjoni huma l-Marixxalli tal-Qorti filwaqt li dawk inkarigati mill-pubblikazzjoni huma Deputati Reġistraturi u uffiċjali legali. Dawn ta` l-aħħar isimhom jidher f`kull avviż ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern u fil-ġurnali.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-uffiċjali inkarigati jieħdu ħsieb il-pubblikazzjoni fil-gazzetta tal-Gvern qed idumu żmien eżaġerat biex jagħmlu dan? Jista' il-Ministru jgħid ukoll għaliex meta fl-aħħar issir il-pubblikazzjoni, din ħafna drabi qed tkun erroneja, bħal per eżempju meta tiġi ndikata Qorti ħazina?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċerti pubblikazzjonijiet jieħdu iktar żmien minn oħrajn peress li l-volum ta` xogħol ivarja minn żmien għal ieħor. Huwa minnu li kultant ikun hemm żbalji f`pubblikazzjonijiet. Meta jiġri dan terġa` ssir pubblikazzjoni mill-ġdid malajr kemm jista` jkun.
Jista' il-Ministru jgħid, matul l-2000, 2001, 2002 u 2003, kemm saru żbalji fil-publikazzjonijiet fil-gazzetta tal-Gvern? Jaqbel il-Ministru li dan huwa inaċċettabbli, speċjalment meta ċ-ċittadini qed jonfqu ammont sostanzjali għal din il-proċedura? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru biex l-affarijiet isiru kif imiss, okkorendo li jieħu passi dixxiplinarji kontra dawk ikkonċernati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika ta` kemm isiru żbalji fil-pubblikazzjonijiet tal-Gazzetta tal-Gvern u f`pubblikazzjonijiet simili. Ċertament żbalji għandhom ikunu evitati, u mill-ħafna pubblikazzjonijiet li jsiru, twal u dettaljati, l-Onorevoli Membru jaf li dawn isiru tajjeb, ħlief f`każi iżolati. L-Amministrazzjoni tal-Qorti qed tara li dawn l-iżbalji kemm jista` jkun ma jseħħux.
Jista' il-Ministru jispjega l-proċedura l-ġdida li qed jadoperaw il-medjaturi (f'każi ta' separazzjonijiet) fejn kawżi jiġu assenjati u l-medjaturi mhux qed jinfurmaw lill-avukati b'dan? Jista' il-Ministru jinnota li f'dawn l-ittri li qed jintbagħtu m'hemm l-ebda konferma ta' notifika?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) jipprovdi lill-Medjaturi bil-materjal kollu ta` stationery li jkollhom bżonn sabiex l-istess Medjaturi jinformaw lill-partijiet bil-ġurnata, l-ħin u l-post meta tkun se tinżamm is-seduta. Tali ittri jintbagħtu permezz ta` posta normali.
L-avukati tal-partijiet qegħdin jingħataw n-numru tat-telefon tal-Medjaturi sabiex jiffaċilitaw il-proċediment tal-medjaturi.
Barra minnhekk, fuq ir-Reġistru tal-Medjaturi, li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, hemm ukoll indikat in-numru tat-telefon.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha applikazzjoni pendenti għal social housing tingħata fond alternattiv? Japprezza li din il-persuna għandha tifla ta' tlett snin u preżentement qed tħallas Lm60 fix-xahar kera biex ikollha fejn toqgħod?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirriferi lill-persuna ndikata fis-Sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex tingħata kull tagħrif li għandha bżonn.
Tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji — Sentenza
Question
Jista' il-Prim Ministru jispjega għal liema raġuni għadu ma sarx ħlas abbażi ta' sentenza tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għalkemm din ilha deċiża minn Settembru 2003?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li r-rakkommandazzjoni magħmula mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji, li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, ġiet implimentata u li l-persuna li għamlet l-ilment diġa’ intbagħtilha l-ħlas dovut.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Ċittadinanza Maltija
Question
Peress illi hawn rapporti nformali li hawn madwar 8,000 barrani ta' nazzjonalita' Ewropea li għandhom dritt għall-vot, jista' il-Ministru jindika figuri iktar preċiżi?
Jista' jindika wkoll kemm hawn foreign residents jgħixu f'Malta u jindika minn liema pajjiż oriġinaw?
Jista' jindika wkoll matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm barranin ottjenew iċ-ċittadinanza Maltija u jispjega pajjiż pajjiż?
Jista' jgħid ukoll jekk għandux statistika formali jew informali ta' kemm hawn barranin f'pajjiżna llegalment u jagħti dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi n-numru ta` residenti permanenti li bħalissa qed jgħixu Malta huwa ta` 1,770. Qed ipoġġi Tabella 'A' fuq il-Mejda tal-Kamra li turi mill-liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni.
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija għas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4167. L-informazzjoni dwar is-sena 2004 tinsab f`Tabella 'B' li ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant jaf ben tajjeb li persuni li jinqabdu f`pajjiżna illegalment, jittieħdu l-proċeduri kontrihom u jiġu deportati, u għalhekk mhux il-każ li tinżamm statistika formali jew informali.
Jista' il-Ministru jgħid fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 kemm saru separazzjonijiet bejn barranin jew bejn barranin u Maltin u jagħti dettalji dwar in-nazzjonalita' tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar in-nazzjonalita` ta` persuni f`każijiet ta` separazzjoni.
Mill-estimi jirriżulta li d-debt servicing għall-2003 kien ta' Lm85.7 miljun u li minnu Lm75.2 miljun hu ħlas ta' imgħaxijiet għal dejn lokali. B'hekk jirriżulta li l-gvern iħallas iktar minn Lm10 miljun fuq dejr barrani. Skond l-estimi d-dejn lokali llum huwa ta' Lm1,001 miljun. Madanakollu minn eżami ta' l-istess estimi ma jirriżultax kemm huwa d-dejn barrani globali. Jista' jindika kemm hu dan id-dejn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dejn globali barrani tal-Gvern ta' Malta huwa ta' Lm72,628,327 (tnejn u sebghin miljun sitt mija u tmienja u ghoxrin elf, tlett mija u sebgħa u ghoxrin liri Maltin), mifrux fuq ħmistax-il ftehim ta' self.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-proċess ta' separazzjoni personali - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - li jinsab differit għas-16 ta' Marzu 2004?
Jaf il-Ministru li l-prokuratur legali bdiet tivverifika perjodikament u kull ġimgħa li l-proċeduri ta' l-affissjoni qed isiru kif suppost u sas-17 ta' Frar 2004 kienu qed jinformawha li kollox kien in regola, u f'daqqa waħda fis-seduta tat-18 ta' Frar 2004 wara li l-persuna msemmija separatament, li hija mara anzjana ta' 68 sena, kienet ilha ħames sigħat tistenna, għarrfuha li l-proċess ma jistax jinstab?
Jaqbel li din mhix serjeta' u tindika nuqqas ta' organizzazzjoni fir-reġistru ta' din il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` separazzjoni ndikat mill-Onor. Interpellant ma kienx fir-reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta` Ġurisdizzjoni Volontarja) billi kien qiegħed mibgħut lid-Dipartiment tas-Servizzi Legali għall-pubblikazzjoni.
Kif dan tlesta, l-proċess intbagħat lura fir-reġistru fejn jinsab għas-Seduta tas-16 ta` Marzu 2004.
Il-fatt li l-proċess ma jkunx temporanjament fir-reġistru ma huwiex indikazzjoni ta` nuqqas ta` organizzazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mil-lottery and gaming authority matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Jista' jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mill-casinos matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
Jista' jgħid x'kien ir-revenue ġenerat mil-lottu pubbliku matul is-snin 2001, 2002 u 2003?
X'kien, jekk kien hemm, il-kontribut ta' l-entitajiet imsemmija lill-fond konsolidat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-revenue ġenerat mill-casinos u mill-Lottu Pubbliku matul is-snin 2001, 2002 u 2003 u li għadda fil-fond konsolidat kien kif hu indikat hawn taħt:
2001
2002
2003
LM
LM
LM
Casinos
2,620,876
3,354,818
3,658,938
Lottu Pubbliku
7,065,704
6,495,986
7,159,272
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-forecast tas-sena d-dieħla mill-Bank Ċentrali huwa biss ta' Lm17 miljun, mentri s-sena l-oħra kien ta' Lm20 miljun?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis fil-profitti tal-Bank Ċentrali matul l-2003 jirriżulta primarjament miż-żieda qawwija li kien hemm fil-likwidita’ fis-suq tal-flus lokali matul din is-sena li ħtieġet illi l-Bank jassorbixxi ammont ferm akbar ta’ depożiti minn għand il-banek lokali permezz ta’ l-operazzjonijiet monetarji tiegħu ta’ kull ġimgħa. Dan irriżultalu f’żieda sostanzjali ta’ l-ispiża fuq imgħaxijiet li tħallsu lill-banek lokali u li kellha effett dirett fuq il-profitti finali.
Min-naħa tad-dħul kien hemm nuqqas sostanzjali fir-rati ta’ l-imgħaxijiet fis-swieq internazzjonali illi nnewtralizza l-effett pożittiv taż-żieda fir-riservi barranin.