Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li huwa inaċċettabbli li jkollok proċess kriminali daqstant importanti, bħal dak indikat fi-każ under separate cover, li ilu pendenti quddiem dawn il-qrati għal 15-il sena, meta fil-maġġorparti ta' dan il-perjodu l-kawża kienet diferita għas-sentenza?
Jista' jara li jitressaq ilment opportun quddiem l-organu kompetenti?
Response (BORG, TONIO)
Kull forma ta' dewmien f'kull kawża ċivili jew kriminali attribwibbli għal xi nuqqas tal-Ġudikatura, l-avukatura jew l-amministrazzjoni hija ħażina. Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant li qiegħed quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ilu pendenti minn Frar 1989, jiġifieri sittax-il sena.
Fis-sistema legali tagħna hemm numru ta' rimedji li f'każ bħal dan jistgħu jiġu wżati fosthom rikors kostituzzjonali u rapport lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Proprju minħabba f'każijiet bħal dawn, li jispiċċaw numri fl-istatistika, li f'din il-ġimgħa ser tiġi ppreżentata għad-diskussjoni White Paper li tindirizza numru ta' problemi u tissuġġerixxi wkoll soluzzjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm attwalment priġunieri l-ħabs ta' Kordin u jagħti dettalji ta' kemm minnhom jinsabu taħt arrest preventiv? Jista' jgħid kemm minn dawn il-priġunieri huma barranin u kemm minnhom huma żgħażagħ taħt il-25 sena?
Jista' jgħid kemm hemm priġunieri li qed jiskontaw piena ta' għomorhom il-ħabs u jagħti dettalji ta' dawn il-priġunieri?
Jista' jagħti statistika perċentwali ta' kemm żdiedu priġunieri f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Jista' jgħid kemm ilha ma tingħata maħfra presidenzjali u jikkonsidrax fiċ-ċirkostanzi li jintroduċi l-parole f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fis-16 ta’ Jannar 2005, il-popolazzjoni tal-ħabs kienet ta’ mitejn u sitta u disgħin (296), li minnhom tmienja u tmenin (88) huma ta’ nazzjonalita’ barranija.
Mija u tlieta u tmenin (183) huma sentenzjati filwaqt li mija u tlettax (113) huma taħt arrest preventiv.
In-numru ta’ priġunieri li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena huwa ħamsa u tmenin (85).
Pre¿entament hemm seba’ (7) priġunieri li ngħataw piena ta’ għomorhom il-ħabs. Dawn kollha instabu ħatja ta’ omiċidji volontarji jew relatati ma’ omiċidji.
F’dawn l-aħħar għaxar snin, jekk wieħed japplika l-istatistika ta’ average daily population issib li kien hemm żieda/tnaqqis perċentwali minn sena għal sena kif turi t-tabella.
1994
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001
2002
2003
185
188
197
246
258
256
237
255
277
281
+1.62%
+4.78%
+12.4%
+4.8%
-0.78%
-7.43%
+7.6%
+8.62%
+1.4%
L-aħħar darba li ingħatat maħfra presidenzjali kien fl-1999 fl-okkażżjoni tal-Millenju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern jew l-MCA approvawx frekwenza jew frekwenzi lis-soċjeta' Maltaplus?
Jista' jispjega għaliex is-service providers l-oħra, ossia it-Techinvest Company Ltd., Maltacom plc u For-fetched Media Limited, mhux qed jiġu trattati bħal kumpanniji l-oħra Maltaplus u dan fis-sens li mhux kollha bdew it-testijiet bi prova fl-istess żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għad-ditta Multiplus Ltd. u mhux għad-ditta Maltaplus.
Jien infurmat li la din id-ditta u lanqas ditti oħra qatt ma ngħataw frekwenzi għad-Digital Terrestial Television fuq bażi permanenti. Fir-rigward tal-Multiplus Ltd. din il-kumpanija xi xhur ilu kienet talbet biex tingħata xi frekwenzi fuq bażi temporanja biex tagħmel provi (Trials). Dan ġie konċess suġġett għal diversi kundizzjonijiet, fosthom li l-konċessjoni hija strettament ta' natura temporanja u tista' tiġi mitmuma fid-diskrezzjoni ta' l-Awtorita'.
Fejn saru talbiet simili ġew trattati u qed jiġu trattati bl-istess mod u suġġett għall-istess tip ta' kondizzjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhu maħtur il-Kumitat ta' l-Istrina u fuq liema kriterji jintgħażlu l-membri?
Jista' jgħid min huma ċ-chairman u l-membri ta' dan l-imsemmi kumitat u jindika, jekk hu l-każ, liema minn dawn il-membri huwa rappreżentant tal-gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Kumitat ta' l-Istrina jiġi magħżul kull sena mill-Bord tad-Diretturi tal-PBS.
Il-Bord ta' l-Istrina għas-sena 2004 kien kompost mill-Maġistrat J. Padovani Grima bħala Chairperson u żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi li huma : Ms. Sylvia Sciberras u Mr. Michael Fenech. Il-Bord ikun mgħejjun minn Accountant indipendenti, is-Sur Raphael Aloisio. Il-membri jintgħażlu a bażi ta' l-integrita tagħhom.
L-Istrina huwa programm tal-PBS li jsir kull sena bil-għan li jinġabru flus għall-Community Chest Fund u Għaqdiet Filantropiċi.
Jaf il-Ministru li saru diversi rapporti minn Senior Technical Officer - Projects Section, St. Luke's Hospital fil-konfront tal-persuna li ismu qed jintbagħat separatament?
Huwa minnu li din il-persuna tattendi x-xogħol meta trid u fil-ħin li trid u qed tikkrea ħafna diżgwid fuq ix-xogħol?
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saru rapporti u ittieħdu l-passi meħtieġa.
B'referenza għad-domanda parlamentari numru W106 jista' l-Minsitru jgħid għaliex m'huwiex prudenti jew etiku li tingħata l-informazzjoni mitluba meta ngħatat informazzjoni simili għal, tista' tgħid, l-impjegati l-oħra kollha ta' l-Awtorita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-salarju/fringe benefits taċ-Chief Executive ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu huwa kif ġej:
Salarju (Gross per annum) Lm 14,208
Allowance Taxxabbli Lm 5,000
Lm 2,500 (nfieq f'edukazzjoni għat-tfal)
Fringe Benefit Karozza
Benefiċċji oħra Telephone ċellulari
Telephone tad-dar
Assikurazzjoni Personali tas-saħħa BUPA (O'Seas)
Asikurazzjoni tas-saħħa għad-dipendenti tiegħu (Lokali)
Biljett ta' l-ajru (return / economy class) fis-sena, għaċ-Chief Executive u d-dipendenti tiegħu għal destinazzjoni żona 1 sa 5 ma' l-Air Malta.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuni li isimhom qed jingħata separatament kellhom l-impjieg tagħhom terminat filwaqt li studenti oħra nżammew? Jista' l-Ministru jispjega għaliex lil dawn imsemmja ngħatatilhom Termination Form tal-konsulenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fis-sena 2004, l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu ma kellha l-ebda studenti mpjegati magħha. L-erba' persuni msemmija kienu service providers irreġistrati bil-VAT.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'investigazzjonijiet qed isiru dwar kontijiet tat-telefon ċellulari li huma fuq l-MTA, kontijiet f'ammonti ta' eluf kbar ta' liri? Jekk hemm bord ta' inkjesta, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx investigazzjoni oħra li tikkonċerna purchasing orders foloz li jirrisalu għas-sena 2003? Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Chief Executive hux konness ma' dawn l-investigazzjonijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk min diġa' għandu liċenzja valida u għandu frekwenza mogħtija lilu anke għal dal li jikkonċerna digital terrestrial trials, hux obbligat jerġa' japplika skond il-call for applications li ħarġet f'Novembru 2004?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li min diġa għandu awtorizzazzjoni u ġie allokat frekwenza għal skop ta' trasmissjoni tad-digital terrestrial television fuq bażi ta' testing mhux obbligat jerġa' japplika skond il-Call for Applications li harġet 23 ta' Novembru 2004.
Jista' il-Ministru jirrispondi t-tieni parti ta' mistoqsija parlamentari 8296 u cioe' jista' jgħid jekk sarux verifiki dwar il-veraċita' tal-kwalifiki li ġew ippreżentati mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li sussegwentement ingħatat liċenzja ta' skola privata numru 237? Jekk fl-affermattiv, ma' min saru tali verifiki u x'irriżulta minn dawn il-verifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li mhux rekwiżit skond Kap 327 tal-Liġijiet Maltin, li persuna li tapplika għal liċenzja ta' skola għandha tippreżenta xi kwalifiki jew li jsirilha verifiki dwar il-veraċita' ta' xi kwalifiki.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew intavolati kawżi quddiem it-tribunal għall-qsim tal-wirt matul din is-sena u kemm ġew deċiżi kawżi minn dan it-tribunal u min kien li ppresedih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġiet intavolata kawża waħda quddiem it-Tribunal għall-Qsim tal-Wirt.
Fl-istess perijodu ġew deċiżi erba' (4) kawżi minn dan l-istess Tribunal, li minnhom, tlieta (3) ġew deċiżi mill-Avukat Pierre Lofaro, u waħda mill-avukat Victor Borg Grech.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati kawżi quddiem it-tribunal tat-talbiet iż-żgħar matul din is-sena, kemm ġew deċiżi fl-istess perjodu u min kien li ppresjeda?
Kemm minn dawn il-kawżi kienu kolliżjonijiet? Kemm saru appelli minn dawn it-tribunali?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. L-Onor. Membru għandu aċċess għall-istatistika taċ-Ċivil. L-istatistika tinkludi kemm ġew introdotti (ppreżentati) kawżi quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar matul din is-sena kif ukoll kemm ġew deċiżi (maqtugħa) fl-istess perijodu u mil-liema Aġġudikant.
Ninsab infurmat illi għall-istess perjodu daħlu 337 kawża ġdida f'Malta u 14 f'Għawdex dwar kolliżżjonijiet.
Mill-1 ta' Jannar 2004 sa l-aħħar t'Ottubru 2004 kienu daħlu 46 appell mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Malta) u 5 (Għawdex).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew inizjati inkjesti maġisterjali matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru u jgħid lil liema maġistrati ġew assenjati?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi ċivili fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) mill-1 ta' Jannar 2004 sal-15 ta' Ottubru 2004 u jagħti t-tagħrif maġistrat maġistrat?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. F'dan is-sit hemm kemm ġew deċiżi kawżi ċivili fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) mill-1 ta' Jannar 2004.
L-istatistika hija aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi mill-Bord tal-Qbiela, Bord tal-Kera u l-Arbitration Board bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004 u jagħti t-tagħrif maġistrat maġistrat?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. F'dan is-sit hemm kemm ġew deċiżi kawżi mill-Bord tal-Qbiela, Bord tal-Kera u l-Bord ta' l-Arbitraġġ, maġistrat b'maġistrat, mill-1 ta' Jannar 2004.
L-istatistika hja aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew riferuti każi liċ-ċentru ta' l-arbitraġġ u kemm minnhom ġew hekk riferuti skond il-liġi jew b'mod volontarju matul din is-sena? Jista' jindika min kienu l-arbitri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sal-lum ġew riferuti b'kollox 24 każ liċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Minn dawn 8 kienu riferuti skond il-liġi (2 Kondominia u 6 Kolliżżjonijiet) u 17 fuq bażi volontarja.
L-Arbitri li semgħu dawn l-arbitraġġi kienu s-segwenti.
Mr George Farrugia
Perit Joseph Ellul Vincenti
Dr George Abela, Imħallef Albert Manche, Dr Hugh Peralta
Dr Simon Micallef Stafrace (3)
Dr Francesco Depasquale
Perit Anthony Fenech Vella (2), Perit Joseph J. Xuereb (2)
Dr Tonio Ellul*
Dr Ann Fenech
Perit Joseph Cachia Fearne*
Dr Robert Mangion (2)
Perit Anthony Stivala
Dr Louis Cassar Pullicino
Dr Anthony Ellul (3)
Dr Edward Zammit Lewis
Dr J. Zammit McKeon
Dr Mark Chetcuti (2)
Mr Alex Mamo
* Maħtura miċ-Ċentru skond il-Liġi tal-Kondominia qabel ma din ġiet emendata. L-oħrajn kollha kienu maħtura mill-partijiet barra wieħed li kien maħtur miċ-Ċentru fuq talba tal-partijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mill-qorti ta' l-appelli matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. L-istatistika tinkludi kemm ġew deċiżi kawżi (kemm inqatgħu sentenzi) mill-Qorti ta' l-Appell, kemm dik Superjuri kif ukoll dik Inferjuri, mill-1 ta' Jannar 2004.
L-istatistika hija aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.