Kummissjoni għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji
Question
Peress li f'mistoqsija parlamentari 11419 tad-9 ta' Marzu 2005 il-Prim Ministru ġie mistoqsi jikkonferma li wara li skada t-terminu għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji l-gvern ħareġ estimi sussidjarji konċernanti kumpens li kien ġie rakkmandat mill-istess kummissjoni u l-istess Prim Ministru kien irrisponda li l-informazzjoni mitluba kienet qed tinġħabar, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni s'issa nġabritx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Numru 11419 fl-4 ta’ April 2005 waqt seduta numru 251.
Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Estimi sussidjarji
Question
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li wara li skada t-terminu tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, ftit snin ilu l-gvern ħareġ estimi sussidjarji konċernanti kumpens li kien ġie rrakomandat mill-istess kummissjoni?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont u min kienu n-nies li ġew debitament ikkumpensati u jagħti d-dettalji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi wara li skada t-terminu tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji, ingħata kumpens li jammonta għal total ta’ Lm376,039 lill-mija u ħdax-il (111) persuna. Ma nħossx li hija etika li nagħti l-ismijiet ta’ dawn il-persuni u kemm tħallsu kull wieħed.
Nixtieq ukoll ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tħallas dan l-ammont ma kienx hemm bżonn li jinħarġu estimi sussidjarji.
Jista' il-Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet quddiem l-ombudsman, sena b'sena? Jista' jgħid kemm ġew deċiżi lmenti favur l-applikanti, u dan ukoll sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Jista' jgħid kemm ħallas kumpens f'dawn l-aħħar ħames snin fuq rakkmandazzjoni ta' l-ombudsman?
Jista' jgħid kemm applikaw matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, fejn ġie rakkmandat rimedju lill-applikant u baqa' bla sodisfazzjon?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-rigward ta’ l-ewwel u l-aħħar parti tal-mistoqsija, niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija numru 29674, li tweġiba għaliha ngħatat fl-14 ta’ Novembru 2001AM waqt seduta numru 640.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi l-ammont li tħallas f’kumpens f’dawn l-aħħar ħames snin fuq rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman f’każijiet li kienu jikkonċernaw l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi huwa ta’ Lm13,994.04.
Informazzjoni rigward ammonti li setgħu tħallsu f’kumpens minn Ministeri oħra f’dawn l-aħħar ħames snin fuq rakkomandazzjoni ta’ l-Ombudsman għandha tintalab lill-Ministeri rispettivi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega fid-dettal għaliex l-Aġenzija Appoġġ m'għadhiex tagħti servizz lill-Qorti tal-Familja?
Peress li dan l-istat ta' fatt qed jikkrea problemi kbar lill-istess Qorti, jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex din l-anomalija tiġi rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Estimi sussidjarji
Question
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li wara li skada t-terminu tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, ftit snin ilu l-gvern ħareġ estimi sussidjarji konċernanti kumpens li kien ġie rrakomandat mill-istess kummissjoni?
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont u min kienu n-nies li ġew debitament ikkumpensati u jagħti d-dettalji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet quddiem l-ombudsman, sena b'sena? Jista' jgħid kemm ġew deċiżi lmenti favur l-applikanti, u dan ukoll sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Jista' jgħid kemm ħallas kumpens f'dawn l-aħħar ħames snin fuq rakkmandazzjoni ta' l-ombudsman?
Jista' jgħid kemm applikaw matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, fejn ġie rakkmandat rimedju lill-applikant u baqa' bla sodisfazzjon?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għad hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji? Jista' jispjega għaliex għoġbu jbiddel iċ-chairman tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji huwa ta’ 30, li minnhom hemm 4 ritrattazzjonijiet.
Il-ħatra jew tibdil taċ-Chairman tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji, hija l-prerogattiva tal-President li jaġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru skond il-provvedimenti tal-liġi Kap 394 paragrafu 3(6).
Kummissjoni għall-Investigazzjonijiet ta' l-Inġustizzji
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienu ġew ippreżentati applikazzjonijiet quddiem l-allura kummissjoni għall-investigazzjonijiet ta' l-inġustizzji?
Jista' jgħid f'kemm minn dawn l-applikazzjonijiet il-kummissjoni tat raġun lill-applikant u taw rakkmandazzjonijiet opportunii? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx implimentati?
Jista' jgħid kemm il-gvern kien ivvota flus riċentement sabiex jiġu kumpensati nies li kienu ngħataw raġun mill-kummissjoni pero' ma kenux għadhom ingħataw kumpens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet li ġew ippreżentati quddiem il-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji kien ta’ 5,333. Minn dawn 3,068 inqatgħu kontra l-applikant u 2,265 favur. Mill-ilmenti li nqatgħu favur, 2,062 ġew onorati kompletament u f’166 każ ieħor ġiet varjata l-implementazzjoni tagħhom. Fi 23 każ ieħor, l-applikazzjoni ġiet miċħuda u fadal 14-il każ ieħor pendenti.
L-ammont ta’ flus ivvotat skond l-Estimi għall-2003, 2004 u 2005 għal ħlas f’kumpens mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji huwa ta’ Lm1000 kull darba, iżda dan l-ammont huwa biss token. Fil-fatt fl-2003 il-ħlas f’kumpens kien ta’ Lm9,201 filwaqt li fl-2004 ma sar l-ebda ħlas.
Tribunal għall-Investigazzjonijiet ta' l-Inġustizzji
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġie kkundannat iħallas komplessivament il-gvern in linea ta' danni mit-tribunal għall-investigazzjonijet ta' l-inġustizzji?
Jista' jgħid kemm hemm sentenzi mogħtija minn dan it-tribunal li għadhom sal-lum mhux implimentati u jagħti spjega?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Gvern sal-lum ħallas l-ammont ta’ Lm511,297.33 li minnhom Lm385,191.61 ingħataw f’Kumpens li jinkludi Lm201.11 b’riżultat ta’ Amicable Settlement u Lm126,105.72 ingħataw f’Arretrati.
In-numru ta’ sentenzi mgħotija minn dan it-Tribunal u li sal-lum għadhom ma ġewx implimentati huwa ta’ 31. Minn dawn hemm 19 fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma qablitx, 2 fejn infetħet Ritrattazzjoni kontra l-individwu, u 10 li qed jiġu kkontestati quddiem il-Qorti Ċivili.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji mill-bidunett kemm ilu jiffunzjona dan it-tribunal, sena b'sena?
Jista' jindika kemm minn dawn is-sentenzi nqatgħu mill-Imħallef Farrugia Sacco, kemm inqatgħu mill-Maġistrat Michael Mallia u kemm inqatgħu minn ġudikanti oħra?
Jista' jgħid kemm saru kawżi ta' ritrattazzjoni minn dan it-tribunal? Jista' jgħid kemm minnhom ġew deċiżi u minn liema mħallef, u dan sena b'sena?
Jista' jgħid kemm minn dawn is-sentenzi nqatgħu kontra l-gvern jew l-aġenziji tiegħu u kemm kontra kull aġenzija jew dipartiment governattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Frar 2005 inqatgħu 938 sentenzi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji, li minnhom 902 inqatgħu mill-Imħallef Farrugia Sacco, u 36 mill-Maġistrat Michael Mallia. Dettalji sena b’sena jinsabu f’Tabelli ‘A’ u ‘B’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
In-numru ta’ każi fejn saru Ritrattazzjonijiet jammonta għal 24 li minnhom ġew deċiżi 18 (dettalji sena b’sena jinsabu f’Tabella ‘Ċ’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra), ġew ċeduti 2 filwaqt li 4 għadhom pendenti quddiem il-Maġistrat Mallia.
In-numru ta’ sentenzi li nqatgħu kontra l-Gvern jew l-Aġenziji tiegħu jammonta għal 455. Dettalji għal kull Dipartiment Governattiv jew Aġenzija jinstabu f’Tabella ‘D’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Korp tal-pulizija — Membri li għandhom każi l-qorti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li għandhom każi l-qorti (kumpilazzjonijiet)?
Jista' jispeċifika min huma u kemm minn dawn huma sospiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 18-il membru tal-Korp li għandhom proċeduri kriminali (kumpilazzjoni) pendenti quddiem il-Qorti, li minnhom, 10 huma sospiżi. Filwaqt li ma nħossx illi tagħrif personali ta' din in-natura għandu jkun pubblikat, ninsab infurmat illi s-sospensjoni ta' membru tal-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu l-proċeduri kriminali kontra tiegħu, tiġi kkunsidrata fuq il-meritu u gravita' ta' l-akkuża.
Jista' il-Ministru jinnota li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament għandha bżonn urġenti li tiġi eżaminata minn konsulent mediku għall-kura tal-foot drop? Jista' il-Ministru jara għaliex qed ikun hemm diffikultajiet kbar sabiex din il-persuna tiġi assenjata tali konsulent?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Din il-mistoqsija parlamentari mhiex skond l-istanding orders, għaldaqstant mhux se nirrispondi tali mistoqsija.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm f'dawn l-aħħar għaxar snin ġew deċiżi każijiet rigward vjolenza domestika u f'kemm minnhom intużaw armi fid-djar matrimonjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Art għal użu ta' car park
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-persuna jew soċjeta' li lilha qed tiġi trasferita l-art fejn hu propost li jsir car park f'Tas-Sliema (Tigne')?
Jekk hija soċjeta', jista' jindika min huma l-azzjonisti u d-diretturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn ser isir il-carpark fi Qui-si-sana, u mhux f'Tigne', ser tiġi trasferita lil C&F Building Contractors Limited wara sejħa għall-offerti li ħarġet għal dan il-għan.
L-azzjonisti tas-Soċjeta' huma:-
F. Schembri Holdings Limited
Roberta Farrugia
Frank Schembri
Id-Direttur huwa Frank Schembri.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li uniformijiet tal-gwardjani lokali nbidlu nhar l-1 ta' Novembru 2004 meta nħareġ tender dwar is-servizz tal-gwardjani lokali minn erba' kumitati konġunti li jkopru 29 kunsill lokali li għalaq fil-15 ta' Novembru 2004 u meta l-imsemmi tender kellu jkun operational mill-1 ta' Jannar 2005?
Jista' għalhekk il-Viċi Prim Ministru jgħid kif inbidlu l-uniformijiet mill-kumpannija li kellha dan il-kuntratt meta kien se jinħareġ tender ġdid ftit jiem wara?
Jista' jgħid għalfejn f'dan it-tender it-tenders kellhom bilfors jakkwistaw is-software mingħand id-Datatrek u mhux mingħand min huma jħossu li kien ikun l-orħos?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniformijiet il-ġodda tal-Gwardjani Lokali inbidlu mill-aġenziji tal-Gwardjani Lokali għas-spejjeż ta' l-istess aġenziji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew introdotti judicial assistants ġodda fis-sena 2004 u fix-xahar ta' Jannar 2005 u min huma?
Jista' jgħid kemm irriżenjaw judicial assistants fis-sena 2004 u fix-xahar ta' Jannar 2005 u min huma?
Jista' jgħid kemm hemm judicial assistants li ma kellhomx il-kuntratt tagħhom imġedded fis-snin 2004 u 2005 s'issa, min huma u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-għażla ta' l-Assistenti Ġudizzjarji issir permezz u f'idejn il-ġudikatura li għal kull sejħa taħtar panel magħmul minn ġudikanti biss u fuq ir-rakkomandazzjoni tagħhom dawn jiġu magħżula.
Fl-aħħar sena mill-persuni li applikaw fuq bażi part-time ġew magħżula s-segwenti: L-Avukat Marse-Ann Farrugia LL.D., L-Avukat Ian Spiteri Bailey LL.D., L-Avukat Tania Sammut Catania LL.D., u L-Avukat Anna Mifsud Bonnici LL.D.
Fix-xahar ta' Jannar 2005 ma ġewx ingaġġati Assistenti Ġudizzjarji. Fis-sena 2004 ħadd mill-Assistenti Ġudizzjarji ma irriżenja.
Fis-sena 2004 il-kuntratti tal-Assistenti Ġudizzjarji li skadew f'din is-sena kollha ġew imġedda minbarra tnejn (2) li l-ismijiet tagħhom huma l-Avukat Paul Farrugia LL.D. u l-Avukat Vincent Galea LL.D. Dawn iż-żewġ kuntratti ma ġġeddewx għal raġunijiet fosthom li ma ġietx ippreżentata ir-Request for Renewal of Contract u minħabba Performance mhux sodisfaċenti.
Matul ix-xahar ta' Jannar 2005 ma skada l-ebda kuntratt ta' xi Assistent Ġudizzjarju, u ma kien hemm l-ebda riżenja ta' xi Assistent Ġudizzjarju matul dan ix-xahar.