Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Kawżi ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu kawżi ċivili quddiem il-maġistrati u kemm ġew deċiżi fis-sena 2005 b'mod individwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kawżi ċivili li daħlu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) matul l-2005 kien ta’ 584 u ġew deċiżi 699 fl-istess sena. B’mod individwali dawn kienu kif indikat fit-tabella riprodotta hawn isfel. ĠudikantIntrodottiDeċiżi Magt. D. Montebello140150 Magt. J. Apap Bologna126190 Magt. A. Lofaro-19 Magt. G. Grixti-10 Magt. J. Cassar2213 Magt. M. Mallia145179 Magt. S. Meli151138 Infurmat ukoll li fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) matul is-sena 2005 ġew introdotti u deċiżi quddiem kull maġistrat sedenti f’Għawdex dawn il-kawżi kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt. Mag. Paul Coppini Mag. Antonio Micallef Trigona IntrodottiDeċiżi**IntrodottiDeċiżi** Superjuri - Ġenerali91803753 Superjuri - Familja14070 Inferjuri ċivili1622915 ** ma jinkludux dawk ċeduti, kanċellati u deżerti. Dawn il-figuri ma jinkludux mandati ta’ inibizzjoni u lanqas rikorsi għar-revoka ta’mandati. Ta’ min jgħid ukoll illi r-roster tax-xogħol huwa maqsum fuq bażi ta’ żewġ terzi (ġimgħatejn) lill-Maġistrat Coppini u t-terz l-oħra (ġimgħa) lill-Maġistrat Micallef Trigona.

Trasport Pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jkun hemm servizz ta' trasport pubbliku wara l-ħinijiet ta' l-isptar, liema trasport jieqaf għal ħabta tas-7.30 p.m.? Possibbli li karozza numru 74 l-ewwel tgħaddi għal ħdejn l-isptar u wara tkompli bir-rotta normali tagħha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta għadha kif kitbet riċentament lill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku rigward l-possibilita u l-fisibilita li ssir estenzjoni tar-Rotta 75 b’siegħa aktar filgħaxija. Rigward Rotta 74, din ir-rotta topera filgħodu biss, għaldaqstant peress li hemm diversi rotot oħra li jgħaddu minn ħdejn l-isptar filgħodu (b’Rotta 75), ma tinħasx il-ħtieġa li ir-Rotta 74 tinbidel.

Kumpannija privata — Te' tal-marka Masri Brand

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhux qed jitħalla jdaħħal it-te' tal-marka Masri Brand bil-labelling hekk kif inhu meta tali labelling huwa konformi mal-liġi u dan anke wara li l-istess persuna nhar l-14 ta' Jannar 2004 ġie nformat permezz tal-committee on labelling provisions li l-prodott tiegħu huwa konformi mal-liġi u meta minn dak iż-żmien 'il quddiem il-liġi, preċiżament ir-Regolament 4.1 ta' l-Avviż Legali bin-numru 483 tas-sena 2004, ma nbidlitx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n'vista li bħalissa hemm Protest Ġudizzjarju ma' nħossx li hu opportun li tingħata risposta fuq dan ir-rigward. Għaldaqstant ninforma li kemm l-Onor. Interpellant u l-persuna li d-dettalji ngħataw separatament, huma diġa nformati b'dan.

Postijiet fi stat perikoluż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara ta' min huma l-postijiet li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, liema postijiet jinsabu fi stat perikoluż ħafna tant li anke qed jaqgħu biċċiet tal-ġebel minnhom u jistgħu jkunu ta' periklu għal min jgħaddi minn taħthom minħabba li hemm xi postijiet sfrundati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa skond il-liġi.

Pieta' — Triq ix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jinżabru s-siġar li jinsabu fi Triq ix-Xatt, Pieta - dettalji qed jintbagħtu separatament - liema siġar qed jikkaġunaw inkonvenjent sostanzjali lir-residenti li joqogħdu f'din it-triq peress li huma goffi ħafna li qed joħonqu wkoll il-vista ta' dawn in-nies u l-weraq li jaqgħu minnhom qed iħammġu t-toroq, btieħi, gallariji, bjut u anke jsoddu l-katusi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa għidt fit-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 11809 u 12365, dan ix-xogħol taż-żabra fit-triq imsemmija kien sar min-naħa ta’ l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) f’April 2005. Ma tagħmilx sens li jerġgħu jinżabru dawn is-siġar bħalissa.

Ħamrun — Barbara Street

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm illi fil-housing estate ta' Barbara Street, Ħamrun jiġu stallati l-lifts? Jekk f-affermattiv, meta beħsiebu jiġi inizjat dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita` tad-Djar tikkonsidra applikazzjonijiet għal stallar ta’ lifts fi blokki residenzjali tal-Gvern skond l-iskema ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta’ April 2005. Ninsab infurmata li l-Awtorita` ma rċeviet ebda applikazzjoni għal stallar ta’ lift taħt din l-iskema minn residenti tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.

VAT 95 (VAT01)

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont tal-persuni li kienu diġa' ħallsu l-VAT 95 (VAT01) qabel ma ħarġet l-iskema mill-ministeru tal-finanzi, liema skema ħafret id-90% tal-penali li kienet dovuta mill-persuni li kienu għadhom ma ħallsux il-VAT tagħhom? Kemm huwa l-ammont li tħallas bħala penali minn dawk il-persuni li ma bbenefikawx minn din l-istess skema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba li hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qrati u l-każ għadu sub judice, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

MEPA — Permess għal klinika psikjatrika

Question

Jista' il-Ministru jindaga u jispjega kif inħareġ permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex fil-fond indikat separatament inħareġ il-permess tal-klinika psikjatrika? Jaf il-Ministru li kienu diġa' saru żewġ applikazzjonijiet (waħda sabiex il-fond jintuża għal skopijiet soċjali u oħra biex jintuża bħala uffiċċju) u dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda? Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-awtorita' biddlet il-ħsieb tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn tfittxija fid-Database ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jirriżulta li l-unika applikazzjoni fuq il-fond imsemmi kienet PA1537/04, liema applikazzjoni kienet għal tibdil intern fl-istess fond mingħajr tibdil fl-użu - li kien u kellu jibqa' dak residenzjali. Għalhekk ma jidhirx li l-Awtorità qatt ħarġet permess sabiex il-fond imsemmi jinbidil fi klinika psikjatrika.

European arrest warrant — Talbiet għall-estradizzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm mandati ta' talbiet għall-estradizzjoni u/jew talbiet fit-termini tal-European arrest warrant pendenti bħalissa?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li fil-preżent teżisti talba waħda lil Malta u talba waħda minn Malta għall-estradizzjoni.

Sea Malta — Letters of comfort

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'valur ikopru l-letters of comfort li għandu l-gvern a favur is-Sea Malta mal-banek lokali, u jekk hu l-każ ma' banek barranin?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-letters of comfort li għandu l-Gvern favur is-Sea Malta joħorġu minn Ministeru ieħor, il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lil tali Ministeru.

Qrati — Sea Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-qrati Maltin u qrati ta' barra kontra s-Sea Malta? F'dan is-sens jista' jgħid kemm jammonta l-valur ta' dawn il-pretensjonijiet? F'dan is-sens ukoll jista' jagħti dettalji dwar xi kawżi li hemm pendenti kontra s-Sea Malta quddiem il-House of Lords?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' kawżi pendenti kontra s-Sea Malta huwa 28. Il-valur ta' dawn il-pretenzjonijiet huwa ta' Lm 702,838.09. Rigward xi kawża li hemm pendenti kontra s-Sea Malta quddiem il-House of Lords, dan huwa Appell li qed tagħmel is-Sea Malta fuq każ li ġie deċiż kontra s-Sea Malta aktar kmieni din is-sena.

Soċjeta' Grimaldi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fin-negozjati li qed isiru mas-soċjeta' Grimaldi l-Gvern huwiex qed jinsisti li s-soċjeta' Grimaldi tipproduċi garanziji bankarji sabiex jagħmlu tajjeb għad-dejn ta' din is-soċjeta' minflok il-garanziji tal-gvern biex b'hekk l-istess gvern jiġi eżonerat?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba l-Confidentiality Agreement ma' tistax tingħata l-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni kollha tkun tista' tingħata darba jispiċċaw id-diskussjonijiet.

Fondazzjoni trasport għall-ħajja indipendenti — Għajnuna finanzjarja

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jissokta bl-għajnuna finanzjarja għall-fondazzjoni trasport għall-ħajja indipendenti? Tikkonferma l-Ministru li attwalment din il-fondazzjoni qed tkeċċi xi ħaddiema għax, skond id-diriġenti stess tal-fondazzjoni, il-gvern mhux qed javvanza l-flejjes li kien javvanza preċedentement?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma għandu ebda ħsieb li ma jkomplix jiffinanza s-servizz ta' trasport aċċessibbli għal persuni b'diżabilita kif kien qed jagħmel. Filwaqt li ma nistax nirrispondi dwar l-operat u t-tmexxija ta' Għaqda mhux Governattiva, għax din hi awtonoma f'dan ir-rigward, nassigura lill-Onor. Interpellant li jekk il-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti qed tkeċċi xi nies dan żgur mhux riżultat li l-Gvern ma għaddiliex il-flus li kien jgħaddilha qabel permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fuq rakkomandazzjoni tal-NGOs Project Selection Committee.

Saħħa — Problemi li qed isib importatur

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li qed jinħolqu problemi kbar għall-importatur tad-ditta msemmija under separate cover? Peress li jidher li l-kwestjonijiet qed jinqalgħu fuq xi kliem li qed jitniżżlu fuq il-label, jista' jgħid liema huma preċiżament il-kliem li għalihom id-dipartiment konċernat qed isib oġġezzjoni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-importatur għandu l-informazzjoni kollha li qed titlob.

Maġistrat Carol Peralta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inkjesti pendenti quddiem il-Maġistrat Carol Peralta meta dan assuma kariga ta' imħallef fl-esteru? In oltre jista' jispjega u jagħti dettalji kif ġew imqassma dawn l-inkjesti, fis-sens ta' kemm ġew mogħtija minn dawn l-inkjesti lill-maġistrati partikolari u jingħata l-ammont? Jista' jgħid u jagħti tagħrif, kemm minn dawn l-inkjesti ġew konklużi, maġistrat maġistrat? Jista' jgħid kemm daħlu inkjesti bejn l-1 ta' Jannar, 2005 u l-1 ta' Ġunju, 2005? Jista' jgħid lil min ġew assenjati? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-inkjesti ġew konklużi u kemm għadhom pendenti u jindika l-maġistrati rispettivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi meta l-Maġistrat Dr C. Peralta ma baqax iżomm seduti f'Malta instab li kien hemm 283 inkjesta pendenti. Dawn tqassmu bejn diversi Maġistrati. Tlett inkjesti kienu dwar materja f'Għawdex. Qed tinġabar informazzjoni dwar it-tieni parti tad-domanda u ċioe` kemm inqatgħu minn dawn l-inkjesti, għalkemm wieħed għandu dejjem iżomm f'moħħu li proprjament dawn l-inkjesti ma jinqatgħux fis-sens ta' kawża, u meta l-Maġistrat li jkun it-titolari ta' l-inkjesta jibgħatha lill-Avukat Ġenerali, dan jista' dejjem jibgħatha lura lill-istess Maġistrat biex titkompla l-investigazzjoni. Ghalhekk l-informazzjoni li tista' tingħata hija ta' kemm minn dawn l-inkjesti ingħalqu għall-ewwel darba u intbagħtu lill-Avukat Ġenerali. Infurmat ukoll illi bejn l-1 ta' Jannar, 2005 u l-1 ta' Ġunju, 2005 ġew reġistrati 677 inkjesta fir-Reġistru tal-Qrati tal-Maġistrati (Malta). Għar-rigward ta' l-informazzjoni l-oħra li ġiet mitluba mill-Onor. Interpellant, din qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Soċjeta' Grimaldi — Sea Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid fin-negozjati li qed isiru mal-Grimaldi jekk din is-soċjeta' hix ser ikollha taderixxi mal-PSO (public service obligation) li s-soċjeta' Sea Malta għandha mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji?

Response (GATT, AUSTIN)

Minħabba l-"confidentiality agreement" ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni kollha tkun tista' tingħata darba jispiċċaw id-diskussjonijiet.

Soċjeta' Grimaldi — Sea Malta

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar in-negozjati li qed isiru mas-soċjeta' Grimaldi, x'ser ikun hemm provdut dwar il-ħaddiema tas-soċjeta' Sea Malta, anke dwar il-cadets li hemm assenjati mas-Sea Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12885.