Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Shipbuilding Co. Ltd. — Trasferiment ta' Art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv li permezz tiegħu l-gvern ittrasferixxa lil Malta Shipbuilding Company Limited biċċa art li l-istess gvern kien espropria lill-privat biċċa art fil-Marsa, formanti parti mill-art tal-kunzerija sive ta' l-iżolett tal-kejl ta' 12-il tomna, erba' sigħan u sitta punt deċimali, seba' kejliet, tmiss mat-tramuntana, minn nosfinhar, mill-punent u mill-majjistral ma' proprjeta' tal-gvern? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk attwalment din il-proprjeta' għadhiex tappartjeni lil Malta Shipbuilding Company Limited? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid lil min ġiet trasferita u jippreżenta l-att relattiv? Jista' jgħidilna jekk din l-art għadhiex tintuża u jekk fl-affermattiv għal liema skop?

Response (BORG, TONIO)

Peress li kien hemm ħafna porzjonijet ta' art li ġew esproprjati in konnessjoni mal-Malta Shipbuilding fiż-żona magħrufa tal-Kunzerija sive ta' l-Izolett, l-Onor. Membru huwa mitlub jagħti aktar dettalji.

Ex fabbrika Kastellana

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-art fuq is-sit fejn kien hemm il-fabbrika Kastellana hijiex tal-gvern u jekk hux se jinbena supermarket? Jista' jgħid jekk ingħatatx għal użu kummerċjali flok industrijali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fuq l-ewwel part ital Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi lill-Ministru kkonċernat. Dwar it-tieni part ital-Mistoqsija ninsab infurmat li fuq is-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ħareġ permess għal supermarket.

Marsa — Triq il-Jum

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta beħsiebu d-dipartiment jesegwixxi x-xogħlijiet ta' restawr wara l-ħruq li sar riċentement fi blokk ta' appartamenti bl-ittra "X" fi Triq il-Jum, Marsa? Japprezza li l-okkupanti qed isofru preġudizzju u inkonvenjent kbir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant inbeda u tlesta.

Espropriazzjoni ta' art — Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet kollha ta' l-espropriazzjonijiet kollha ta' l-artijiet illi ttieħdu mill-gvern in konnessjoni ma' l-isptar Mater Dei u jpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra l-kuntratti li diġa' saru mas-sidien in konnessjoni ma' l-imsemmija artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant jirrikjedi ħafna xogħol u riżorsi sabiex jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Avviż Legali 463

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ġew fis-seħħ ir-regolamenti kontenuti f'avviż legali 463 tas-sena 2004? Jista' jgħid meta ħareġ l-avviż legali fil-gazzetta tal-gvern sabiex dawn ir-regolamenti jiġu fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Avviż Legali 463 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005 permezz ta’ l-Avviż Legali 531 ta’ l-2004. L-Avviż Legali 531 kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 17,702 tal-31 ta’ Diċembru 2004.

Reġistru tal-Qorti

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 17759 li ngħatat fit-13 ta' Marzu 2006 - seduta 364 - jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-verifiki jsiru sew stante li ma teżisti l-ebda oġġezzjoni minn terz kreditur billi l-avukat jew prokuraturi legali tal-partijiet rispettivi ffirmaw għan-nuqqas ta' oġġezzjoni tagħhom ħalli l-imsemmija somma indikata tiġi sbankata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-oġġezzjoni minn terz kreditur kienet magħmula mill-HSBC kif hemm indikat fin-nota li ppreżenta l-istess Bank fil-25 tà Novembru 2004, kif jidher mid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi din l-oġġezzjoni ġiet sorvolata ai fini tà dan l-iżbank b’kunsens mogħti fit-13 tà Marzu 2006.

Civil Protection

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'titlu jgawdi s-civil protection fuq proprjeta' li qed jokkupa x-shipbuilding, il-Marsa? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għalfejn is-civil protection ġiet imkeċċija mill-art li kienet qed tokkupa ġewwa l-Birgu? X'kumpens ingħata għal dan il-fond?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Proteżżjoni Ċivili ħareġ mill-fond li kien qiegħed jokkupa fil-Birgu peress li dan il-fond jifforma parti mill-proprjeta’ mogħtija b’ċens lil Consortium Port Cottonera. Id-Dipartiment tal-Proteżżjoni Ċivili qiegħed jokkupa l-art fil-Marsa taħt il-kundizzjonijiet li jokkupaw proprjeta’ tal-gvern dipartimenti oħra.

Espropriazzjoni ta' biċċa art

Question

Issir riferenza għar-risposta li ta l-Ministru fis-17 ta' Settembru 2002, għall-mistoqsija parlamentari 35465 magħmula mill-Onor. Anthony Abela. B'riferenza għal dik id-domanda l-Ministru assigura lill-Kamra li s-sezzjoni ta' l-infurzar ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet avviż biex tieqaf u ta' twettiq b'riferenza ECF 11720/01. Int għarraft lill-Kamra li l-azzjoni ttieħdet għaliex sar ksur ta' kundizzjoni tal-permess relatat PA1514/01, u dan talli ma ġietx miftuħa t-triq qabel ma nbeda x-xogħol permessibbli. Għarraft ukoll lill-Kamra li f'dan il-każ id-dipartiment ta' l-artijiet ma jesproprjax proprjeta' li tiġi f'dik il-parti tat-triq li qiegħda quddiem art li ġiet żviluppata, dan anke biex ma jippremjax finanzjarjament lil min ikun kiser il-kundizzjonijiet tal-permessi tal-bini. Jaf il-Viċi Prim Ministru illi kuntrarjament għal dak li huwa stqarr fil-Parlament ħarġet esproprjazzjoni ta' l-art in kwestjoni fit-18 ta' Ġunju 2003, gazzetta tal-gvern 19 Ġunju 2003, Nru 516, Akkwist ta' l-Art? Jidhirlux illi għaldaqstant mela li ġie ppremjat dak il-persuna li kisret il-kundizzjonijiet tal-permess tal-bini? Jafx in effetti li din il-persuna tħallset Lm15,000 u tħallset ukoll is-somma ta' Lm8,664.50 lill-kuntrattur li ġie inkarigat mill-ADT, ammont ta' flus li suppost ħallashom il-persuna indikata? B'hekk il-persuna indikata, kontra dak li wegħidt inti stess, ġiet ippremjata globalment is-somma ta' Lm23,664.50. X'passi beħsiebu jieħu l-Viċi Prim Ministru dwar dan il-każ ċar ta' neputiżmu jew korruzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa vera li ttieħdet azzjoni għaliex sar ksur ta' kundizzjoni tal-permess relatat PA1514/01 talli ma ġietx miftuħa t-triq qabel ma nbeda x-xogħol permessibbli u illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jesproprjax proprjeta' li tiġi f'dik il-parti tat-triq li qegħda quddiem art li ġiet żviluppata. Pero' minħabba talba minn għadd ta' residenti fl-istess triq li ma setgħux jgħaddu s-servizzi tad-drenaġġ u tal-mains ta' l-ilma billi kien hemm struttura fl-istess triq, li kienet residenza ta' persuna, id-Direttorat tat-Toroq għamel talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex issir esproprjazzjoni ta' l-art in kwistjoni u sussegwentament jitħallas il-kumpens. Dan l-esproprju ħareġ permezz ta' Avviż Nru. 516 fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Ġunju 2003.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb għalfejn għadhom ma sarux il-proċeduri neċessarji minn naħa tar-Reġistru tal-Qorti ħalli tiġi sbankata s-somma ta' eluf u erbgħa u disgħin lira Maltin u erbgħa u sittin ċenteżmu (Lm1,094.64c) bħala drittijiet ta' l-avukati u l-prokuratur legali tal-parti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għalkemm il-konsulenti legali tal-partijiet konċernati taw il-kunsens tagħhom bil-miktub ħalli jsir dan u kif għadu sa llum ma ġiex affettwat il-ħlas relattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iżbank in kwistjoni ma setax isir billi kien hemm oġġezzjoni minn terz kreditur.

Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Imħallef Giovanni Bonello

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-Imħallef Malti li jippresjedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Giovanni Bonello, se jtemm l-inkarigu tiegħu? Jista' jgħid kemm hemm nies li applikaw sabiex jiġu nominati bħala Imħallfin f'din il-qorti presstiġġjuża? Jista' jgħid kemm minn dawn li applikaw huma membri tal-ġudikatura u jagħti d-dettalji? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn li applikaw mhumiex membri tal-ġudikatura u jagħti d-dettalji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-inkarigu ta' l-Imħallef Malti li jippresjedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr Giovanni Bonello, jintemm fil-11 ta' Ġunju 2006. Għar-rigward id-domandi l-oħra, billi għadu għaddej il-proċess ta' l-għażla, tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Fabbrika Kastellanja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-art fuq is-sit fejn kien hemm il-fabbrika Kastellanja hijiex tal-gvern u jekk hux se jinbena supermarket? Jista' jgħid jekk ingħatatx għal użu kummerċjali flok industrijali?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi proprjeta' ħa permezz ta' expropriation order mingħand il-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, liema proprjeta' tinsab fl-inħawi ta' Kalafrana, limiti ta' Bengħajsa fejn illum hemm il-freeport? Jista' ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha relattiva ma' din l-esproprjazzjoni inkluż id-dikjarazzjonijiet tal-gvernatur ġenerali ta' dak iż-żmien u wkoll l-avviżi għall-ftehim, kif ukoll il-pjanti relattivi? Jista' jgħid x'sar minnha din il-proprjeta' u jekk ġietx mogħtija b'xi titlu lill-freeeport u jekk fl-affermattiv ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha relatata? Jista' jgħid ukoll meta ttieħdet mill-pussess tas-sidien Villa Cachia, Kalafrana, bl-art in konnessjoni magħha u llum qed tintuża mill-freeport? Jista' jintavola fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-gvernatur ġenerali u ta' l-avviż tal-ftehim ta' din il-proprjeta'? Jista' jintavola l-kuntratti relattivi fejn din il-proprjeta' ngħatat lill-freeport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proprjeta' li l-Gvern ħa permezz ta' expropriation order mingħand il-persuna li dettalji dwarha ingħataw separatament, liema art tinsab fl-inħawi ta' Kalafrana, limiti ta' Bengħajsa fejn illum hemm il-Freeport u li fuqha inħareġ Avviż ta' Ftehim lis-sid, huma plots 3, 5, 6, 16, 24 u parti minn plot 29 indikati fuq il-pjanta LD56/67. Sussegwentement għall-Avviż ta' Ftehim irriżulta li l-persuna indikata kellha biss sehem indiviż minn plot 16. B'dan ma jfissirx illi l-persuna indikata m'għandha ebda proprjeta' oħra fl-inħawi msemmija billi għadu ma ġiex stabbilit min huma s-sidien tal-plots kollha. Din il-proprjeta' għaddiet għand il-Freeport permezz ta' l-Att ta' l-1989 dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta (Kap 334). Villa Cachia hija mibnija fuq plot 16 imsemmija aktar il-fuq u għaddiet għand il-Freeport fit-12 ta' Novembru 1984. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Avviżi ta' Ftehim, tad-Dikjarazzjoni tal-Gvernatur Ġenerali u tal-pjanta relattiva.

Avviż Legali 463

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ġew fis-seħħ ir-regolamenti kontenuti f'avviż legali 463 tas-sena 2004? Jista' jgħid meta ħareġ l-avviż legali fil-gazzetta tal-gvern sabiex dawn ir-regolamenti jiġu fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-korporazzjoni Enemalta ripetutament tippersisti li tirrifjuta li tirrispondi jew tiċċara ittra interpellatorja magħmula għan-nom u fl-interess tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Japprezza li l-kontijiet li qed jintbagħtulha huma eronji u ma jippreżentawx il-konsum tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li saret ma rriżultax li hemm xi forma ta' żball fil-kont. Il-fond imsemmi ilu ma jinqara minn qabel Ottubru 1989. Il-meter reader kien imur jaqra regolari pero l-konsumatur qatt ma pprovda aċċess biex jinqrawlu l-arloġġi. F'Settembru ta' l-2005 ittieħed il-qari mill-meter reader u rriżulta li kien hemm konsum akkumulat. Konsegwentament ħareġ kont li jammonta Lm819.15. Ta' min wieħed jiġbed l-attenzjoni li l-kontijiet kollha tad-dawl u l-ilma mit-28 ta' Ottubru 1989 sas-27 ta' April 2005 kienu bbażati fuq stimi, minħabba li l-konsumatur qatt ma pprovda aċċess lill-meter reader u lanqas ma pprovda qari bit-telefon lill-Korporazzjoni.

Importazzjoni ta' Te Masri Brand

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhux qed jitħalla jdaħħal it-te tal-marka Masri bil-labelling hekk kif propost minnu meta tali labelling huwa konformi mal-liġi u dan anke wara li l-istess persuna nhar l-14 ta' Jannar 2004 ġie informat mill-committee on labelling provisions li l-prodott tiegħu huwa konformi mal-liġi, u dan wara li l-Ministru konċernat naqas milli jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16320 għar-raġuni mogħtija minnu li ġie mressaq protest ġudizzjarju u liema protest ċertament li ma jikkostitwi l-ebda proċeduri sub judice u per konsegwenza m'hemm l-ebda impediment validu fil-liġi ħalli l-Ministru konċernat jagħti t-tweġiba tiegħu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma li kemm l-Onor. Interpellant kif ukoll il-persuna li d-dettalji ngħataw separatament, huma diġa' nformati bir-raġunijiet permess ta' korrispondenza datati 03/10/05 u 24/12/03.

MMA — Yachting Centre Directorate

Question

Peress li kemm mill-estimi kif ukoll mir-rapport annwali ta' l-attivitajiet ta' l-Awtorita' Marittima ma jirriżultax kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal berths mal-yachting centre directorate fi ħdan l-Awtorita' Marittima, jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm applikazzjonijiet u kemm ilhom pendenti? Jista' jgħid ukoll għal meta huwa pproġettat li jkun hemm yacht marina ġdida f'Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall irmiġġi, fil-Yachting Centres huwa ta' 409. Dawn l-applikazzjonijiet saru d'dawn is-snin: Sena Numru ta' Applikazzjonijiet 1993 17 1994 31 1995 54 1996 47 1997 55 1998 62 1999 39 2000 31 2001 17 2002 19 2003 23 2004 7 2005 6 2006 1 Rigward l-iżvilupp tal-Yacht Marina f'Għawdex, il-policy mħaddna mill-Awtorita' Marittima li tiffaċilita u tippromwovi l-iżvilupp ta' Yacht Marinas mis-settur privat skond il-qafas regolatorju stabbilit.

Każ dwar qtil ta' Persuna

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fir-rigward tal-qtil tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li nstab mejjet fit-13 ta' April 2005, jekk l-inkjesta maġisterjali ġietx konkluża? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-mejjet għadu ritenut b'mod priżervat fil-friża tas-sala mortwarja ta' Għawdex, meta t-testijiet forensiċi ġew ormai konklużi? F'dan is-sens, jaf il-Viċi Prim Ministru li attwalment l-unika problema li teżisti sabiex dan jinġieb Malta u jindifen huma biss problemi amministrattivi u ta' flus, fis-sens li d-dipartiment konċernat qed jirrifjuta li joħroġ l-ispejjeż relattivi sabiex dan jinġieb Malta għad-difna? Jaf il-Viċi Prim Ministru f'dan is-sens, illi l-qraba tal-mejjet huma finanzjarjament indiġenti u ma jistgħux iħallsu? Jidhirlu li huwa l-każ li f'dawn iċ-ċirkostanzi jintervjeni personalment sabiex il-mejjet jinġieb Malta u ssirlu d-difna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Inkjesta Maġisterjali għad mhix konkluża. Pero' ninsab infurmat illi l-Maġistrat Inkwirenti awtorizzat ir-rilaxx u d-difna tal-kadavru. Ninsab infurmat ukoll illi qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex il-kadavru jinġieb il-kamra mortwarja ta' l-Isptar San Luqa sabiex ikun jista' jsir il-funeral.

Reġistrazzjoni ta' inkjesti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew reġistrati inkjesti fis-sena 2005, u dan b'mod individwali, quddiem kull maġistrat? Kemm minnhom ġew magħluqa u mibgħuta lill-AG?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li tidher hawn taħt. MaġistratInkjesti Reġistrati fl-2005Inkjesti minn ta’ l-2005 magħluqa u mibgħuta lill-AG M. Mallia1046 A. Mizzi12574 J. Padovani9915 S. Meli9333 J. Apap Bologna12040 J. Grixti9333 C. Scerri Herrera243179 A. Lofaro123103 D. Montebello959 M. Hayman11339 J. Cassar10823 L. Quintano14079 A. Vella8642 P. Coppini3212 A. Micallef Trigona74

Inkjesti pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-maġistrati kemm għandhom pendenti inkjesti b'mod individwali? Liema hija l-aktar waħda qadima quddiem kull maġistrat fis-sens ta' data?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.