Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħarġitx xi ordni lix-xuffiera tad-direttur tal-ħabs, li dawn ma jistgħux jużaw il-karozzi la tad-direttur u lanqas ta' l-ispettur tal-ħabs, iżda qed jużaw karozza tat-tip Renault Clio li għandha l-liċenzja mhux imġedda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għalkemm id-Direttur, kif ukoll l-Ispettur iħallsu it-taxxa fuq il-Fringe Benefit fir-rigward tal-karozzi li jużaw huma, il-karozzi tagħhom, meta jkun hemm il-bżonn, jintużaw anke għal xogħol ieħor.
Fir-rigward tal-karozza Renault Clio, ingħataw struzzjonijiet biex din ma tintużax sakemm isirulha t-tiswijiet neċessarji u tkun liċenzjata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kontrollur tal-finanzi li qiegħed stazzjonat il-ħabs u li għandu skala ta' assistent direttur mhux jiġi assenjat lilu x-xogħol li suppost jagħmel, iżda qed jagħmel il-ġurnata tax-xogħol tiegħu idur u jippassiġġa ġewwa l-istess ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna imsemmija qatt ma kellha interess fix-xogħol li kien jagħmel skond il-grad tiegħu, tant li matul is-sena 2005 ħa 58 ġurnata sick leave u matul is-sena 2006 ħa mitt ġurnata sick leave.
Matul l-assenza tiegħu x-xogħol ta' l-uffiċċju ġie mgħoddi lill-uffiċjal ieħor.
Meta huwa irritorna għax-xogħol ingħata xogħol relatat mal-grad tiegħu iżda xorta ma wettqux.
F'dan ir-rigward ser jittieħdu passi dixxiplinari kontra l-uffiċjal imsemmi.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li għal dawn l-aħħar snin il-kunsill lokali ta' l-Isla ilu japplika sabiex numru ta' imħażen biswiet il-maċina ta' l-Isla jiġu devoluti f'idejh? Jaf li dawn l-imħażen illum jinsabu fi stat ta' abbandun totali u m'huma qed iservu ta' ebda utilita' ta' xejn? Jaf il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk u meta t-talba tal-kunsill se tiġi milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba tal-Kunsill Lokali Isla biex jieħdu dawn l-imħażen biex ikunu jistgħu jikruhom għall-ħażna ta' karrijiet tad-dgħajjes kif ukoll, għal 'gymnasium' għaż-żagħżagħ għadha qiegħda tiġi kkunsidrata fid-dawl ta' talbiet oħra għall-istess fondi speċjalment dawk għal 'alternative accomodation' magħmula minn Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jinżabru s-siġar li jinsabu fi ġnien Sa Maison kif ukoll dawk fi Triq ix-Xatt, Pieta', liema siġar qed jikkaġunaw inkonvenjent sostanzjali lir-residenti li joqogħdu f'din it-triq, u dan peress li huma goffi ħafna, kif ukoll il-weraq li jaqgħu minnhom qed joħonqu t-toroq, btieħi, gallariji, bjut u anke jsoddu l-katusi u l-gullies?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ż-żbir tas-siġar li jinsabu fi ġnien Sa Maison, kif ukoll dawk fix-Xatt, il-Pietà, dejjem jinżabru u ser jibqgħu jinżabru regolarment skond l-iskeda stabbilità fl-iskema tas-Sezzjoni ta’ l-Arborikultura ta’ l-Environmental Landscapes Consortium (ELC), il-kuntratturi responsabbli minn dan ix-xogħol
B'riferenza għall-white paper li l-Ministru kienet ippubblikat diversi snin ilu rigwardanti miżuri, fost l-oħrajn sabiex is-single parent children ma jibqgħux jiġu diskriminati, tista' tgħid meta hi beħsiebha timplimenta din il-white paper meta tikkonsidra l-fatt li kulma jmur iż-żmien dawn iċ-ċirkostanzi dejjem qed jiżdiedu u kemm is-single parents kif ukoll it-tfal tagħhom qed ikollhom jiffaċċjaw diversi problemi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li ma jirriżultalix li ppublikajt White Paper dwar jew li jinkludi s-suġġett indikat mill-Onor. Interpellant nitolbu jikkjarifika għal liema dokument qed jirreferi.
Jaf il-Ministru li wara t-Tunny Net, Mellieħa hemm slipway li hi mimlija b'ruxxmata imbarazz konsistenti f'biċċiet ta' dgħajjes u imbarazz ieħor? Ma jaħsibx li dan iħalli impatt negattiv u qed ikun ta' inkonvenjent għal kulmin għandu xi proprjeta' hemmhekk? Ma jaħsibx li huwa l-waqt li l-gvern jieħu ħsieb li jneħħi l-imbarazz minn din l-islipway?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jiena nfurmat li wara t-Tunny Net ġewwa l- Mellieħa hemm numru ta’ slipways. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi ghall-iskall li jinsab eżattament wara t-Tunny Net, fuq dan l-iskall hemm trailers ta’ dgħajjes li huma regolarment irreġistrati, dgħajjes oħra li huma rreġistrati mà registri oħra tal-Marittima u dgħajsa ta’ l-injam misjuba l-baħar li għada oġġett ta’ procediment legali. Id-diffikulatjiet fuq dan l-iskall ikomplu jiżdiedu fis-sajf bin-numru ta’ karrijiet ta’ dgħajjes oħra li jitniżżlu minn hemm.
Dan l-iskall huwa oġġett tà diskussjoni bejn it-Taqsima tas-Sajd, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u s-sajjieda u d-dilettanti li jaghmlu uzu minnu. Id-diskusjonijiet huma intizi biex jinstabu metodi tà maniġġ aħjar ta’ dan l-iskall.
Jista' il-Prim Ministru jgħid min hu l-kontrollur il-ġdid tal-BICAL? Peress li l-gvern ilu jwiegħed żmien li se jitħallsu l-aħħar dividenti, jista' jgħid meta effettivament se jsir dan il-pagament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda kontrollur ġdid tal-BICAL. Infatti, dak preżenti inħatar f’Jannar 2003.
Kull depożitant tal-BICAL diġa rċieva tmenin ċenteżmu minn kull lira depożitata mal-Bank.
Diversi proċeduri ġudizzjarji wasslu għal dewmien fit-tqassim lid-depożitanti ta’ l-aħħar għoxrin fil-mija tal-kapital u l-interessi dovuti fuq id-depożitukollu. Il-Kontrollur qed jaħdem biex jagħmel pagament ieħor lid-depożitanti fix-xhur li ġejjin.
Jista' il-Ministru jispjega kif allavolja l-gvern ikkommetta ruħu li kellu jissorpassa l-problema ta' l-inċineratur u għad li kien hemm diversi rapporti maħruġa mill-istatistika ta' l-Unjoni Ewropea, xorta waħda din il-problema għadha qed tippersisti?
Ma jidhirlux il-Ministru li dan l-inkonvenjent qiegħed jikkrea preġudizzju u danni kbar lin-nies tad-dintorni? Jista' jikkommetti ruħu meta dan l-inċineratur se jitneħħa darba għal dejjem?
Din id-domanda parlamentari saret ukoll fuq l-istigazzjoni tas-sindku ta' Tal-Pieta'.
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jiftakar il-problemi kontrattwali li kien hemm fil-proċess preċedenti ta' tenders għal apparat li jittratta l-iskart kliniku. Dan tawwal il-proċess bla bżonn. Għaldaqstant dan il-Ministeru kien u għadu jagħmel dak kollu li hu possibbli biex jirrisolvi din il-problema mill-aktar fis.
Fl-ambitu ta' żviluppi ġodda anke fit-teknoloġija ta' kif jiġi ttrattat l-iskart ġew diskussi soluzzjonijiet oħra. Meta tittieħed id-deċiżjoni liema option se tiġi implimentata, mbagħad wieħed jista' jindika f'liema żmien l-inċineratur ta' St. Lukes jista' jiġi dikummissjonat.
Ta' min isemmi li bħalissa qed isiru preparattivi fl-Isptar San Luqa biex jintuża l-biodiesel biex itejjeb is-sitwazzjoni ta' l-emissjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk uffiċjal li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu stazzjonat fil-gate house, għandux xi privileġġ aktar minn uffiċjali oħra ta' l-istess grad tiegħu fil-ħabs? Dan qed jintqal għall-fatt li ta' kull meta jkun xogħol x'ħin jispiċċa jieħu miegħu lejn id-dar kemm ħobż li suppost jitħalla ġewwa l-canteen ta' l-uffiċjali u anke ħalib li jitħallas mid-dipartiment, kif ukoll basktijiet sħaħ mimlijin bil-ħaxix li suppost jidħlu fil-kċina tal-priġunieri, fatt li ilu jsir għal diversi xhur. Jekk jirriżulta l-fatt, dan se jitressaq quddeim il-kummissjoni għas-servizz pubbliku bħalma ġara f'każi qabel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Direttur tal-Ħabs qatt ma waslulu rapporti dwar l-abbużi msemmija fil-mistoqsija fir-rigward ta' l-uffiċjal li saret referenza għalih.
Ta' spiss isiru tfittxijiet fuq l-uffiċjali kemm waqt li jkunu deħlin għax-xogħol kif ukoll huma u ħerġin. Sal-lum qatt ma kien hemm xi rapport ta' abbuż minn dan l-uffiċjal.
Naċċerta lill-Onor. Interpellant li jkun min ikun l-uffiċjal li jinqabad jabbuża, jittieħdu l-passi dixxiplinari li jkun jimmerita l-każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm swiet lill-gvern is-sistema ta' sigurta' fil-bini tal-Qorti u jagħti spjega u jgħid min kien il-kuntrattur li ġie appaltat biex jagħmel dan ix-xogħol?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inġabx a konoxxenza tiegħu l-fatt li l-Qorti ta' l-Appell irrimarkat li qed isiru numru ta' appelli minn ċertu avukati ta' għajnuna legali ta' natura frivoli, liema appelli jkunu saru bi skop uniku li jiżdiedu d-drittijiet professjonali? Jekk fl-affermattiv, x'passi ħa jew beħsiebu jieħu?
Response (BORG, TONIO)
Le, iżda meta jkun hemm ilment dwar ħidmiet avukat fl-elenku ta' l-għajnuna legali, din tmur direttament lill-Avukat ta' l-Għajnuna Legali maħtur skond il-liġi, Dr Joseph Mifsud.
Peress illi wara ħafna insistenza, jidher illi l-inkjesta li kienet oriġinarjament inizjata mill-Maġistrat Carol Peralta fl-1 ta' Frar 2002 dwar allegat trattament ħażin lill-priġunier li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ġiet trasferita quddiem maġistrat ieħor, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk finalment din l-inkjesta ġietx ormai konkluża? Jekk fl-affermattiv, jista' jesebixxi kopja fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inkjesta li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant u li dettalji tagħha ngħataw separatament, ġiet trasferita mingħand il-Maġistrat Carol Peralta quddiem Maġistrat Michael Mallia fl-4 ta' April 2006 u għadha ma ntbagħtitx għand l-Avukat Ġenerali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn taxxa uffiċjali tal-qorti tal-kawża li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li ġiet deċiża nhar it-28 ta' Frar 2006 u liema kawża llum il-ġurnata għaddiet in ġudikat, għadha ma nħarġitx sal-lum il-ġurnata mill-amministrazzjoni tal-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taxxa uffiċjali tal-Qorti tal-kawża li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, u liema kawża ġiet deċiża fit-28 ta' Frar 2006, għadha ma nħarġitx peress li għad jonqos valur fuq ir-raba' talba taċ-ċitazzjoni u fuq it-tielet talba tal-kontro-talba. Ingħataw struzzjonijiet lid-Deputat Reġistratur ta' l-Awla li tat is-sentenza fil-kawża li għaliha saret referenza, sabiex tinforma lill-avukati biex jiddikjaraw valur. Fin-nuqqas, ir-Reġistratur se jieħu l-miżuri kif hemm indikat fil-paragrafu 4 (3) ta' Skeda A Tariffa A.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-ġudikatura li matul is-sena 2005/2006 siefru għan-nom u fl-interess ta' xi delegazzjoni u jagħti dettalji ta' kull safra?
Jista' jispjega u jagħti dettalji tas-sinjorita' ta' l-imħallfin u jagħti dettalji ta' kemm ilhom f'din il-kariga?
Jista' jagħti wkoll dettalji ta' min huma l-membri tal-ġudikatura li waslu biex jirtiraw fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa fejn seta’ jigi stabbilit, ma kien hemm ebda membru tal-ġudikatura li siefer “għan-nom” u/jew “fl-interess” ta’ xi delegazzjoni, għax il-ministeru ma jaf b’ebda delegazzjoni, presumibbilment tal-Gvern, li kellha l-ħtieġa tinkariga membru tal-ġudikatura biex isiefer għan-nom tagħha u/jew fl-interess tagħha.
Ma hemm xejn x’wieħed jispjega dwar l-anzjanita` – dik li l-Onorevoli Interpellant isejħilha “sinjorita`” ta’ l-imħallfin. Tali anzjanita` tirriżulta mill-lista ta’ l-imħallfin kif tidher anke fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Ministeru http://www.mjha.gov.mt/justice/judiciary.html. L-anzjanita` hi kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, bid-data ta’ meta l-imħallef (inkluż il-Prim Imħallef) beda fil-kariga tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn ix-xogħlijiet tal-proġett tax-Chalet f'Tas-Sliema qegħdin isiru mill-għaddasa tal-protezzjoni ċivili liema għaddasa qed jitħallsu overtime għal dan ix-xogħol, u mhux qed tintuża s-sistema TETRA li kienet inxtrat mill-protocol Taljan u għal liema sistema kienu ntnefqu Lm400,000?
Jista' jgħid għalfejn għad li ntnefqu flus fuq is-sistema tat-TETRA sal-lum il-ġurnata qatt ma ntużat u fuq liema sistema kull sena qed jintnefqu flus għad li dan l-apparat qiegħed jinżamm ġo garage mingħajr ma jiġi iffunzjonat?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li xi mpjegati ta' l-istess protezzjoni ċivili qed jitħallsu talli jaħdmu on shift duties, jiġifieri 24 hours in u 48 hours out, u liema mpjegati għandhom shift allowanve u saħansitra xi fringe benefits bħal vettura tad-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet tal-għaddasa fil-proġett tax-Chalet f'Tas-Sliema qegħdin isiru mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq talba tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li ser joħroġ pagament għal dan is-servizz.
Is-sistema Tetra qed tintuża biss parzjalment minħabba raġunijiet tekniċi li fuqhom għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Kumpanija li pprovdiet dan is-servizz filwaqt li għaddej studju ieħor separat fuq l-użu ta' din is-sistema. Is-sistema tar-radios li qed juża id-Dipartiment hija dik li tuża sistema normali li ma hix dik iktar sofistikata bħal ma hija it-Tetra.
L-impjegati tad-Dipartiment ġeneralment jaħdmu fuq shift. Ma hemm l-ebda impjegat li jirċevi shift allowance billi dan mhux ikkontemplat fil-Kundizzjonijiet tas-Servizz.
Senior Staff u l-uffiċjal inkarigat mill-Unit tal-Humanitarian assistance għandhom vettura tad-Dipartiment li fuqha iħallsu taxxa tal-Fringe Benefit li jirċevu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn oġġetti li ġew mogħtija mill-poplu Malti b'għan ta' karita' ma' xi pajjiżi li ġew milquta minn xi diżgrazzja naturali, bħal fil-każ taz-Tsunami li kien ħakem lil Asia fis-sena 2004, baqgħu qatt ma ntbagħtu lil dawn il-pajjiżi? Fil-fatt oġġetti bħal ilma, lożor, kutri, eċċ kienu nġabru bil-għan li jintbagħtu l-Asia imma għadhom mgħaluqa fil-containers fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili ġewwa l-Marsa.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħwejjeġ kollha li nġabru għall-vittmi tat-Tsunami li setgħu jintbagħtu fi Sri Lanka ntbagħtu permezz ta' 'l fuq minn 50 container.
Din kienet fost l-akbar għotja li ngħatat minn diversi pajjiżi għal dan il-għan kif ġie ppublikat fuq il-media kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant pero` li huwa fid-dover tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jkollu ħażna ta' materjal bħalma huma kutri, ilma u ħwejjeġ oħra sabiex jintużaw f'każ ta' diżastru lokali. Dawn l-oġġetti jitqassmu lil nies li jkunu fil-bżonn bħalma huma immigranti llegali.
Nieħu l-opportunita` biex nirringrazzja lill-lukandi u ditti lokali li minn żmien għal-ieħor jissuplixxu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b'dawn il-ħwejjeġ u li għalhekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jgħid li teżisti din il-ħażna.
Huwa fl-interess nazzjonali li twaqqfet unita` ta' humanitarian assistance fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jiżguraw risposta mmedjata f'każ ta' ħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif flus li kienu nġabru fil-maratona Mill-Qalb, liema flus kellhom jiġu wżati biex grupp mhux ħażin ta' nies mid-Dar tal-Providenza setgħa jmur Lourdes, ġew użati biex grupp żgħir ta' nies marru Lourdes filwaqt li flus ġew użati biex flimkein mal-grupp ta' nies mid-Dar tal-Providenza siefru xi familjari tad-dipartiment, liema familjari ma kellhom xejn x'jaqsmu ma' din l-attivita' u saħansitra xi flus ġew użati biex isir xi festin lil xi voluntiera ġodda tas-St John Ambulance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-flus illi nġabru sabiex jittieħdu grupp ta' residenti mid-Dar Tal-Providenza intefqu sabiex mhux inqas minn 25 minn dawn ir-residenti ttieħdu Lourdes.
L-Onorevoli Interpellant japprezza illi dawn huma nies bi bżonnijiet specjali u jkollhom bżonn ta' għajnuna u attenzjoni il-ħin kollu. U fosthom kien hemm wieħed li nġarr fuq stretcher. Kien għalhekk li issejħu voluntiera sabiex jassistu lill-ħaddiema tad-Dar Tal-Providenza f'din il-biċċa xogħol tassew tqila u kien għalhekk li xi uħud minn dawn kienu familjari tal-istess Dipartiment li ħadmu fuq roster.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili jinnega kategorikament illi xi parti minn dawn il-flus ġew użati sabiex isir xi festin lil xi voluntiera ġodda tas-St John Ambulance.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art fuq is-sit fejn kien hemm il-fabbrika Kastellana hijiex tal-gvern u jekk hux se jinbena supermarket?
Jista' jgħid jekk ingħatatx għal użu kummerċjali flok industrijali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art in kwistjoni mhix tal-Gvern.
Jaf il-Ministru li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha tistenna mis-6 ta' April, 2005 sabiex jiġu maħtura membri ad hoc sabiex jippresjedu l-bord ta' l-appell fi ħdan il-MEPA u dan minħabba f'raġunijiet legali ma jistgħux joqogħdu s-soliti membri? Jidhirlu l-Ministru li dan id-dewmien kollu bl-ebda mod m'hu raġonevoli u qed jikkrea preġudizzju serju lil persuna indikata? Meta beħsiebu l-Ministru jappunta l-membri msemmija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jiġu maħtura l-membri għall-Bord ad hoc ta’ l-Appell.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm avukati impjegati ma' l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali u jagħti dettalji ta' kif inhu assenjat ix-xogħol?
Jista' jgħid kemm hemm prokuraturi legali impjegati ma' l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali u jagħti dettalji ta' kif inhu assenjat ix-xogħol?
Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati avukati ġodda f'dan l-uffiċċju għal dawn l-aħħar tliet snin? Kemm applikaw nies sabiex jidħlu ma' dan l-uffiċċju fl-aħħar call for applications u min huma l-avukati li ġew ingaġġati?
Peress li l-uffiċċju ta' l-avukat ġenerali sar aġenzija tal-gvern u suppost li kellu jibda jsir farming out ta' ċertu xogħol, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk attwalment dan bediex isir u jekk fin-negattiv jekk il-gvern hux beħsiebu jagħmel dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 15 il-Avukat issegnati fl-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali: minn dawn wieħed huwa addett mal-Legislative Drafting and Translation Unit u għalhekk ma jirrapportax għax-xogħol fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali, ieħor huwa fuq ‘study leave’ peress li qed jagħmel ‘Masters’ l-Universita' u oħra hija fuq ‘maternity leave’.
Ghalhekk effettivament illum fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Generali jirrapportaw għax-xogħol tnax il-Avukat. Minn dawn tnejn huma l-Avukat Generali u d-Deputat Avukat Ġenerali li huma nvoluti f’medda wiesgħa ta’ xogħol ta’ l-uffiċċju, ħamsa huma assenjati xogħol ta’ dritt penali u sitta huma assenjati xogħol ta’ dritt ċivili, amministrattivi u Kostituzzjonali.
Silvio Camillei
Peter Grech
Anthony Barbara
Mark Said
Franco Bondin
Donatella Frendo Dimech – C
Stephen Tonna Lowell- C
Audrey Buttigieg Vella – C1
Hubert Theuma –C1
Marvic Sciberras Abdilla – C1
Cynthia Scerri Debono – C1
Susan Sciberras –C1
Roma D’Alessandro –C1
Michela Spiteri C
Arthur Azzopardi
Hemm 3 Prokuraturi Legali impjegati fl-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali li minnhom wieħed huwa assenjat xogħol ta’ leġislazzjoni u traduzzjoni ta’ liġijiet, waħda hija assenjata xogħol dwar kawżi ċivili u Kostituzzjonali u oħra xogħol dwar kawżi kriminali.
Ma ġew ingaġġati ebda avukati ġodda f’dawn l-aħħar tlett snin iżda impjegat fl-Uffiċċju illi sar Avukat is-sena l-oħra ikkwalifika għall-ħatra ta’ ‘Junior Legal Officer’.
Dwar l-applikazzjonijiet għal postijiet full-time fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien hemm 103 Avukat illi kienu irrispondew it-talba għal turija ta’ interess li kienet ħarġet f’Mejju 2004 u 45 Avukat illi għamlu applikazzjoni in segwitu għas-sejħa għal applikazzjonijiet li saret sussegwentement. Dawn kollha huma eliġibbli biex jiġu kunsidrati għal impiegi “full time” fl-uffiċċju.
Għad illi saru diversi ‘interviews’ fit-tul, sa issa għadu ma ġie impjegat ħadd insegwitu għall imsemmija sejħiet.
Preżentement l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali ma jagħmilx ‘farming out' ta’ xogħol legali assenjat lilu. Il-'farming out' għadu ma nħassx il-bzonn illi jsir rikors għaliha peress illi l-uffiċċju sa issa dejjem ipprefera li jibbaża ruħu fuq Avukati li l-karriera tagħhom tkun dedikata biss għax-xogħol legali tal-Gvern.