Fid-dawl ta' l-Att tad-29 ta' Settembru 2006 ta' l-USA li ikkriminalizza l-logħob ta' l-Online Gambling fil-USA, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita tal-lotteriji u logħob ħaditx prekawzjoni tassigura lis-service provider ewlenija BellMed ma tagħtix servizzi lil soċjetajiet li jaċċettaw skommessi minn ċittadini Amerikani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jispjega kif f'risposta parlamentari ad hoc spjega kif l-assi/flus tal-BICAL u l-kumpanniji assoċjati ma' l-istess dalwaqt se jiġu likwidati u maqsuma lill-kredituri meta hemm sekwestru għal madwar Lm1 miljun kontra l-istess BICAL, liema sekwestru għadu viġenti sal-lum?
Jista' jgħid liema huma l-kumpanniji assoċjati mal-BICAL?
Kemm ġew depositati flus fil-banek wara li nbiegħu l-assi ta' dawn il-kumpanniji assoċjati?
Jista' jindika min huma l-likwidaturi ta' dawn il-kumpanniji u l-avukati rispettivi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi hija u kienet l-intenzjoni tal-Kontrollur li l-kumpanija in kwistjoni jiġu likwidati u l-flus mqassma bejn kull min huwa intitolat għalihom mill-aktar fis possibli. Dan ġie dikjarat qabel ma ġie ppreżentat il-Qorti il-mandat għall-liema l-Onorevoli jagħmel referenza. Naturalment il-preżentat ta’ dak il-mandat tikkomplika s-sitwazzjoni u tirrendi d-distribuzzjoni tal-flus diffiċli. B’dana kollu l-Kontrollur qiegħed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex din il-kwistjoni tiġi finalizzata fl-aktar żmien qasir biex il-likwidazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji titkompla sal-finali distribuzzjoni ta’ dak kollu dovut fl-iqsar żmien possibli.
Il-kumpanniji assoċjati mal-BICAL huma :
Adelphi Investments Limited
Carways Limited
Dolphin Builders Limited
Finexport Limited
Finindustry Limited
G.H.E. Limited
Harris Hughes and Johns Limited
John Bezzina and Sons Limited
John N. Cassar Limited
Malta and Europe Hotels Limited
Malta Maritime Services Limited
Malta Ropes Limited
Maltese National Lines Limited
Maltese Properties Limited
Marine Enterprise (Malta) Limited
Marine Industries Limited
M.I.D.C. Limited
Pabros Limited
Polymports Limited
President Cleaners Limited
President Hotels Limited
Rockyvale Alpino (Malta) Limited
Sinet Limited
Sunshine Cruises Limited
Tigullio Limited
Tradefin Limited
Universal Investment Company Limited
V.I.P. Limited
Dwar il-flus li ġew iddepositati fil-banek mill-bejgħ tal-kumpaniji assoċjati dan jirrizulta fid-dettal mill-kontijiet tal-kumpaniji u mir-rapporti li perjodikament jagħmlu l-Kontrulluri u li l-Onor Membru jista jara privatament fil-Ministeru tal-Finanzi.
Dr Robert Tufigno, LL.D. ġie maħtur likwidatur tas-soċjeta’ Malta and Europe Hotels Limited b’seħħ mit-23 ta’ Marzu 2004 (Gażżetta tal-Gvern ta’ Malta – 17658 ta’ 1 ta’ Ottubru 2004)
Is-sur Raymond Gatt FIA CPA, ġie maħtur likwidatur b’seħħ mill-10 ta’ April 2006 (Gażżetta tal-Gvern ta’ Malta – 17908 ta’ 13 ta’ April 2006) tas-soċjetajiet :
Finexport Limited
Finindustry Limited
John Bezzina and Sons Limited
John N. Cassar Limited
Malta Maritime Services Limited
Maltese National Lines Limited
Maltese Properties Limited
Marine Enterprise (Malta) Limited
M.I.D.C. Limited
Pabros Limited
Polymports Limited
President Hotels Limited
Sunshine Cruises Limited
Tradefin Limited
Universal Investment Company Limited
V.I.P. Limited
L-avukati rispettivi tagħhom huma Profs. Ian Refalo B.A. LL.D. u Dr. Joseph A. Schembri LL.D
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar jekk jeżistix fond biex jagħmel tajjeb għal min ikun għamel żmien taħt arrest inutilment? Jiftakar il-Viċi Prim Ministru li din kienet ġiet premessa mill-gvern xi snin ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ma jeżisti ebda "fond" kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21836 dwar in-nomina ta' imħallfin Maltin fil-Qorti ta' Strasbourg, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk attwalment hemmx rakkmandazzjoni magħmula minn kumitat ad hoc sabiex in-nomini jiġu rifjutati għax m'hemmx mara nominata, anke jekk dan il-kumitat mhux wieħed formali u li l-prinċipju li jrid ikun hemm mara nominata qed titqies ultra vires?
Response (BORG, TONIO)
In-nomini kif preżentati mill-Gvern Malti ġew approvati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Jeżisti Kumitat 'Ad Hoc' ta' l-Assemblea Parlamentari li qed jiddiskuti il-kwestjoni tan-nomini mgħoddija lilu mill-Kumitat tal-Ministri. Kien hemm opinjonijiet konfliġġenti fuq jekk lista hix valida jekk ma jkunx fiha kandidata mara.
Ser tittieħed deċiżjoni dwar dan fis-17 ta' Novembru, 2006.
Il-Gvern Malti mbagħad jiddeċiedi x'jagħmel wara li jirċievi deċiżjoni finali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega x'sar mill-file indikat separatament? Japprezza l-Viċi Prim Ministru li jekk dan il-proċess ma' jinstabx hemm min se jbati danni kbar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċess tas-subbasta fl-ismijiet li kienu ġew indikati separatament għadu fl-istadju fejn ġie nominat il-perit għal fini ta' valutazzjoni u deskrizzjoni.
Jista' il-Ministru jispjega u jagħti dettalji x'sar mill-ishma tal-Maltapost? Jikkonferma li dawn fil-maġġoranza tagħhom illum jappartjenu lil Lombard Bank? Jista' jgħid jekk l-azzjonisti oriġinali għadx għandhom interessi u jagħti dettalji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega dettaljament x'ġara minn nomina ta' l-imħallfin għall-qorti tad-drittjiiet tal-bniedem, fi Strasbourg u għal xiex din ġiet rifjutata?
Jista' jgħid jekk il-gvern reġgħex innomina mħallfin oħra u jekk hemmx mara nominata?
Jista' jgħid meta jagħlaq iż-żmien għal Giovanni Bonello?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern ma rċieva ebda komunikazzjoni mill-Kunsill ta' l-Ewropa li t-tliet nomini tiegħu għal Imħallef tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem ġew rifjutati.
F'każ li dana jiġri, il-Gvern jieħu deċiżjoni wara li jeżamina liema kienu r-raġunijiet ta' rifjut, jekk dan isir.
Sadanittant skond il-provvedimenti tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Imħallef Malti attwali fuq il-Qorti, li għalaq 70 sena fil-11 ta' Ġunju, 2006, jibqa' fil-kariga sakemm jinħatar, mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-persuna li tissotitwih.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm qed jiġu iġġenerati flus mil-lotteries and gaming industry?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ flus li qed jiġi iġġenerat b’mod dirett mill-industija tal-lotteriji u logħob ieħor hu :
DATA
DUTY
LICENSE FEES
TOTAL
Jannar – Diċembru 2005
Lm11,186,813
Lm108,390
Lm11,295,203
Jannar – Settembru 2006
Lm9,881,771
Lm251,500
Lm10,133,271
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm licence holders ta' on line betting li qed jużaw lis-soċjeta' BELMED bħala ISP provider?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Awtorita’ tal-Lotteriji u l-Logħob m’għandha l-ebda rabta mal-kumpaniji li joffru servizi lir-remote gaming liċenzjati Malta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarġet liċenzji l-lotteries and gaming authority f'dawn l-aħħar sentejn?
Kemm ġew rifjutati liċenzji mill-awtorita' msemmija fl-istess perijodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi matul is-snin 2005 u 2006, l-Awtorita tal-Lotteriji u l-Logħob ħarġet 63 liċenzja. Apparti minnhekk, 61 kumpanija ngħatatilhom liċenzja proviżorja u qegħdin fl-aħħar stadju tal-proċess sakemm jiksbu l-liċenzja finali.
Matul il-perjodu msemmi, l-Awtorita’ irrifjutat erba’ kumpaniji peress li dawn ma laħqux il-kriterji meħtieġa mill-Awtorita’ biex tingħatalhom il-liċenzja.
Ma jidhirlux il-Prim Ministru li fil-kuntratt ta' l-impjieg mal-lotteries and gaming authority għandu jitniżżel li dak li jkun m'għandux isib xogħol jew jaħdem f'xogħol konness mal-gambling għal ċertu perijodu? Jaf il-Prim Ministru li ex-legal inspector illum qed jaħdem f'dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Awtorita’ m’għandhiex stipulat fil-kuntratt ta’ l-impjiegi tagħha l-perjodu li ma jistgħux jaħdmu fil-qasam tal-logħob għaliex l-Awtorita’ tħaddem esperti f’dan il-qasam u għalhekk dawn jistgħu jsibu opportunitajiet oħra biss fl-istess qasam.
Pero’ l-Awtorita’ dejjem applikat il-prinċipju tal-leave with pay għall-perjodu tan-notice kull meta xi persuna mit-tmexxija ddeċiedi li jtemm l-impjieg tiegħu minn ma’ l-Awtorita’.
B’referenza għall-mistoqsija dwar l-ex-legal inspector, ninsab infurmat illi l-Awtorita’ fl-ebda perjodu ma kellha impjegati magħha fil-kariga ta’ legal inspector.
Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma preżunzjalment l-azzjonisti u diretturi ta' l-ISP provider BELLMED responsabbli mil-lotteries and gaming authority? Jista' jgħid min kienu l-azzjonisti konċernati meta ġiet regolata din is-soċjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija jista’ jinkiseb minn kulħadd mir-Reġistru tal-Kumpaniji. Fuq it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi s-soċjeta imsemmija la hija regolata mill-Awtorita’ tal-Lotteriji u l-Logħob u lanqas mill-MFSA.
Jikkonferma l-Prim Ministru li fi żmien qasir se joħorġu l-promozzjonijiet fl-armata?
Jidhirlu l-Prim Ministru wara li fil-passat kienu saru ħafna allegazzjonijiet ta' inġustizzji f'dan ir-rigward u li saħansitra kienu nqatgħu ħafna każi f'dan is-sens mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji, li din id-darba l-gvern irid juri ferm iktar trasparenza u ġustizzja fil-mod ta' kif se jingħataw dawn il-promozzjonijiet, fosthom li jitqies is-seniority ta' dak li jkun u l-kwalifiki meħtieġa biex b'hekk jiġi evitat dak li ġara fil-passat meta membri tal-forza ħassew sens kbir ta' diskriminazzjoni u frustrazzjoni?
Jikkonferma wkoll il-Prim Ministru li fost il-promozzjonijiet indikati hemm ukoll kontemplati promozzjonijiet fl-ogħla livelli ta' l-armata fosthom il-karigi ta' Logotenent Kurunell?
Jidhirlu l-Prim Ministru li anke f'din il-kariga daqstant sensittiva għandux ukoll jittieħed in konsiderazzjoni l-anzjanita' (seniority) tal-kandidat, l-esperjenza ta' l-istess u x-xogħol li jkun ġie assenjat lilu matul is-snin?
Jidhirlu wkoll il-Prim Ministru li meta jasal il-mument għax-xelta, jekk ikun hemm xi kwestjonijiet li jkunu jridu jiġu kkjarifikati minħabba l-proċess ta' l-għażla għandux ta' l-inqas jibgħat għal dak li jkun sabiex jekk ikun hemm xi problemi dak li jkun jiġi rinfaċċjat bihom u jkollu l-jedd li jirribatti, jispjega u jiċċara biex b'hekk żgur tiġi evitata inġustizzja inutilment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħalissa qed isir iżerċizzju sħiħ ta’ promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn ir-rakkomandazzjoni se tkun imsejsa fuq il-kriterji stabiliti mill-Forzi Armati.
Jaf il-Ministru dwar l-ilmenti ta' pazjenti li għandhom bżonn l-operazzjoni ta' hip replacement li qed jilmentaw dwar id-dewmien ta' 'il fuq minn sentejn u nofs? X'beħsiebu jagħmel il-Ministru sabiex jispedixxi l-proċess tan-nies li qegħdin jistennew fil-waiting list?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Ministru huwa konxju tat-tul tal-waiting lists għall-operazzjoni ta' Hip Replacement u qed jesplora soluzzjonijiet ġodda biex dan id-dewmien jitnaqqas.
Jista' il-Prim Ministru jispjega kif f'risposta parlamentari ad hoc spjega kif l-assi/flus tal-BICAL u l-kumpanniji assoċjati ma' l-istess dalwaqt se jiġu likwidati u maqsuma lill-kredituri meta hemm sekwestru għal madwar Lm1 miljun kontra l-istess BICAL, liema sekwestru għadu viġenti sal-lum?
Jista' jgħid liema huma l-kumpanniji assoċjati mal-BICAL?
Kemm ġew depositati flus fil-banek wara li nbiegħu l-assi ta' dawn il-kumpanniji assoċjati?
Jista' jindika min huma l-likwidaturi ta' dawn il-kumpanniji u l-avukati rispettivi tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħat tweġiba f’xi seduta oħra.
Il-persuni imsemmija separatament fetħu inkjesta dwar inċident li ssuċċeda l-isptar nhar is-27 ta' Diċembru 2004, liema inkjesta ġiet konkluża mill-Maġistrat Dr Michael Mallia nhar it-12 ta' Lulju 2006. Peress li din l-inkjesta tista' tkun ta' interess ġenerali, jista' il-Viċi Prim Ministru jintavola kopja ta' l-istess inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Għandu jingħad qabel xejn li l-inċident li dwaru talbu li ssir inkjesta l-persuni indikati mill-Onor. Interpellant, ġara fis-27 ta' Diċembru 2004 mentri t-talba għall-inkjesta saret f'Lulju 2006. Fiċ-ċirkostanzi, l-Maġistrat li lilu ġiet riferuta t-talba kien tal-fehma li ma kienx il-każ li tinfetaħ inkjesta Maġisterjali u għalhekk ċaħad it-talba għal inkjesta bil-konsegwenza li ma hemm ebda proċess verbal x'jiġi esibit.