Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Applikazzjoni

Question

Jaf l-Ministru li saret applikazzjoni nru: 0764806 lill-MEPA konċernanti żvilupp ta' proprjeta' ġewwa l-Pieta'? Jaf li din l-applikazzjoni ilha pendenti għal żmien twil ħafna sabiex tinstema' quddiem id-DCC Board B? Jista' jispjega r-raġuni għal dan id-dewmien kollu u jistax jintervjeni sabiex il-proċeduri jsiru b'aktar speditezza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika, permezz ta’ site plan, il-post eżatt li qed jirreferi għalih. Jidher li huwa għandu żball fid-dettalji li ta fil-mistoqsija għax l-applikazzjoni PA 07648/06 ma tirreferix għall-Pietà.

MEPA — Applikazzjoni għall-iżvilupp

Question

Jaf il-Ministru li saret applikazzjoni bin-numru li qed jintbagħat separatament, lill-MEPA konċernanti żvilupp ta' proprjeta' ġewwa Tal-Pieta'? Jaf li din l-applikazzjoni ilha pendenti żmien twil sabiex tinstema' quddiem id-DCC Board B? Jista' jispjega x'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien kollu u jista' jintervjeni sabiex il-proċeduri jsiru b'aktar speditezza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 468/06 ma tikkonċernax il-Pietà u kienet deċiża fid-19 ta' Ġunju 2006.

Protezzjoni Ċivili

Question

Jaf l-Viċi Prim Ministru li minħabba li ma sarx fire station, id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu juża garage tal-Head Quarters tal-Pulizija, Floriana u li dan ħoloq tensjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Nagħmel riferenza għar-Risposta li tajt għad-Domanda Nru. 29550 u nerġa' nsostni li l-Fire Station tal-Furjana kien u għadu jeżisti fil-Garage tal-Pulizija. Nassigura kemm lill-Onorevoli Interpellant kif ukoll lill-poplu Malti kollu li r-relazzjoni bejn il-Kap tal-Protezzjoni Ċivili (li hu wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija) u l-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma kienu tajbin daqs kemm huma llum. Dan jirriżulta speċjalment minn koperazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Dipartimenti li kemm il-darba jidhru fil-pubbliku jaħdmu id f'id.

Fireman

Question

Jaf l-Viċi Prim Ministru li llum hemm biss żewġ fireman għaż-żona tal-Floriana u rapid response unit waħda (small fire engine) għall-zona, li mhuwiex suffiċjenti? Jaf ukoll li dan jikkrea periklu għall-istess ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (BORG, TONIO)

F'Malta jeżisti Fire Department wieħed li huwa mmexxi mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ninsab infurmat illi għal aktar effiċjenza, il-Fire Department huwa mqassam madwar Malta permezz ta' erbgħa Fire Stations sabiex tintlaħaq kull esiġenza fl-inqas ħin possibbli, pero' f'każ ta' ħtieġa tissejjaħ għajnuna minn xi stazzjon viċin. Fil-każ tal-Furjana, din tissejjaħ minn Kordin. Dawn l-arranġamenti ilhom fis-seħħ għal madwar sena u ma hemm l-ebda diffikulta' sabiex jitħaddmu.

Eurocity Fire Brigade

Question

Jaf l-Viċi Prim Ministru li kellu jiġi kreat Eurocity Fire Brigade għall-Belt? Jaf li dan qatt ma sar u għalhekk teknikament l-Belt tiddependi fuq dawn iż-żewġ ħaddiema tal-Floriana?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-terminu Eurocity jirreferi għal tip ta' vettura ta' kontra in-nirien li minnhom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jipposjedi waħda. Sa fejn hu magħruf, ma teżisti ebda Eurocity Fire Brigade, u għalhekk qatt ma kien hemm xi ħsieb li din titwaqqaf kif l-Onor Interpellant indika fil-Mistoqsija tiegħu.

Reġistrazzjoni ta' bastiment

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-deletion certificate Libjana tal-bastiment imsejjaħ Ta' Mattew, numru tal-liċenzja MFA 515, qabel denominat NAWRAS, u li kien reġistrat il-Libja? Japprezza li fuq ir-reġistrazzjoni ta' dan il-vapur ma' l-Awtorita' Marittima Maltija saru bosta allegazzjonijiet serji li jikkonċernaw il-ġenwinita' o meno ta' dan iċ-ċertifikat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma jirriżulta l-ebda dubju dwar il-ġenwita taċ-ċertifikat imsemmi. M'għandix dubju li l-Onor. Interpellant japprezza li mhux prattiku li ċertifikat bħal dan jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fl-istess waqt nistieden lil Onor. Interpellant biex jekk għandu xi nformazzjoni differenti minn din, jghaddiha biex tigi nvestigata.

Trasferiment ta' uffiċjal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni inqala inġustament l-uffiċjal, li ismu qed jidher separatament, minn Division 12 tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li inizzja proċeduri ta' mandat ta' inibizzjoni u sussegwentement kawża kostituzzjonali fil-konfront tad-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u issa ġie trasferit f'St Michael's Ward fl-Isptar San Luqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċċjal li saret riferenza għalih fil-mistoqsija ġie trasferit minn sezzjoni għal oħra għax hekk kienu jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-gwardjani tal-Ħabs jagħtu is-servizz tagħhom lill-korp dixxiplinat bħal m'hu dak tal-Pulizija u l-Armata.

Uffiċjal nqala mix-shift tiegħu

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-uffiċjal korretiv, li ismu qed jidher separatament, ġie trasferit minn diviżjoni 11 għad-diviżjoni Yours u nqala' mix-shift tiegħu, wara li rraporta sejba ta' mobile u foil maħruġ fuq żewġ priġunieri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-uffiċjal li saret riferenza għalih fil-mistoqsija ġie trasferit minn sezzjoni għal oħra għax hekk kienu jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-gwardjani tal-Ħabs jagħtu s-servizz tagħhom lill-korp dixxiplinat bħal m'hu dak tal-Pulizija u l-Armata.

Omnibus pool — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu jissussidja l-Omnibus pool il-gvern matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tagħjt għall-mistoqsija numru 27296 fis-16 ta' Lulju, 2007.

ADT — Karru minflok trailor

Question

Jaf il-ministru li minflok ma qed jintuża trailor kif suppost, qed jintuża karru żgħir meta dan mhux suppost għax lanqas qed jintuża żiemel?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-uzu ta' karru zgħir miġbud minn trakk huwa konformi mal-Liġi Sussidjarja 65.18(it-Tielet Skeda) skond AL 14/2004, li pero ġiet amendata permezz ta' AL 25/2007 fil-bidu ta' din is-sena kurrenti. Il-vetturi li jintuzaw għat- test (inkluz Trailers ) li ma baqgħux jissodisfaw il-kriterji minimi imsemmija fl-AL 25/2007 jistgħu jibqgħu jintuzaw sal-31 ta' Dicembru 2010. Fiz-zewg Avvizi Legali (fit- Tielet Skeda) msemmija, huwa permess li għat- test tat- Trailer , jistgħu jintuzaw tagħqida ta' vetturi magħmula minn vettura li tintuza għat-test tal- Kategorija C (Trakk) flimkien ma' Trailer.

ADT — Użu ta' karru waqt l-eżami

Question

Jaf il-Ministru li llum waqt l-eżami m'għadux jintuża trailor imma sempliċement biċċa karru u dan sabiex jiffranka l-ispiża tal-liċenzja u l-insurance taż-żiemel u dan presumibilment biex jiġu vvantaġġjati ċerti persuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-uzu ta' karru jew trailer huwa permess mil-liġi basta jilħaq ir-rekwiziti tekniċi minimi kif imfisser fit- Tielet Skeda tal-Liġi Sussidjarja 65.18 skond AL 14/2004 (wieħed jista jara wkoll spjegazzjoni fit-tweġibiet għal Mistoqsijiet Numri 27364 u 27366). Dwar il-kwistjoni ta' l- insurance din hija r-responsabbilta ta' l- 'owner' tal-vettura.

Special licence

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persentaġġi ta' nies li qed jgħaddu għall-ispecial licence ma' garaxx u motoring school li isimhom qed jintbagħat separatament? Ma jidhirlux li d-differenza hija disproporzjonata għall-aħħar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li prezentament miz-zewg garaxijiet li l-isem tagħhom kien anness, huwa rrappurtat li matul il-perjodu Jannar sa’ Lulju 2007, wieħed mil-Motoring Schools kellu 79% li għaddew mit-test u li-ieħor kellu 46.4% li għaddew mit-test. Hemm hafna fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għal din id-diskrepanza bħal per ezempju, numri ta’ lezzjonijiet, metodu ta’ tagħlim, livell ta’ vetturi użati, etc.

Mall — Inawgurazzjoni ta' xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa l-festin li sar dan l-aħħar fuq il-Mall fejn ġew inawgurati xi xogħlijiet mill-Prim Ministru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bord Mediku — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna għaddiet bord mediku u ngħatat l-għajnuna finanzjarja neċessarja matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Jista' jgħid min kienu l-membri tal-bordijiet mediċi f'dan il-perijodu u jagħti dettalji ta' kif il-bordijiet kienu komposti u jispeċifika kemm-il kaz kull bord mediku individwali kif kompost laqa' talbiet minn individwi partikolari?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali.

Awtorita' Marittima — Vapuri reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jagħti dettalji kemm-il vapur li għandu aktar minn 25 sena ġie reġistrat ma' l-Awtorita' Marittima Maltija matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Peress li dawn il-bastimenti mhux suppost li jiġu aċċettati li jiġu reġistrati taħt il-bandiera Maltija, jista' jgħid xi kriterju qed jintuża sabiex issir deroga minn din ir-regola? Jista' jgħid kemm-il persuna li kienet tidditjeni liċenzja sabiex issuq bastiment jew dgħajsa ġiet mitluba tirritorna lura l-liċenzja matul is-sena 2007?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mkien ma hemm stipulat li bastimenti ta’ ħamsa u għoxrin sena jew iżjed ma jiġux aċċettati għar-reġistrazzjoni. F’każijiet bħal dawn kull ma jimponi l-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili huwa li reġistrazzjoni bħal din trid issir mir-Reġistratur Ġenerali jew bil-permess tiegħu. Huwa ċar li f’każijiet bħal dawn ir-Reġistratur Ġenerali jimxi fuq policy li tkun maqbula minn qabel. Għal din il-parti tal-mistoqsija l-Onor. Membru jista` jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24369. Qed nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra d-dettalji ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 27343.