Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni u jgħid għaliex is-sensiela televiżiva ta' "Fredu l-Fra" li ġiet iffilmjata kollha għal TVM twaqqfet milli tiġi mxandra? Il-Ministru kien responsabbli għal din id-deċiżjoni? Din id-deċiżjoni kienet deċiżjoni politika fi sfera għal kollox kulturali? Jaħseb il-Ministru li l-pubbliku għandu jkun imgħarraf biż-żamma ta' din is-sensiela peress li l-istess spettatur kien ġie aċċertat uffiċjalment permezz ta' "Il-Gwida" nhar l-20 ta' Settembru, 1998 li din is-sensiela kellha tkun fl-iskeda ta' Jannar, 1999? Jaqbel il-Ministru li t-telespettatur Malti għandu jiġi rispettat u mogħti spjegazzjoni ta' deċiżjoni, meta għadu sal-lum jistaqsi jekk is-sensiela ta' "Fredu l-Fra" hijiex se tintwera minn TVM fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministru lanqas biss kien jaf li jeżisti "Fredu l-Fra" aħseb u ara kemm seta' jindaħal f'xi deċiżjoni kif bi tmasħin qed jallega l-Onor. Ħabib tiegħi.
Informat li s-sensiela Fredu l-Fra ġiet iffilmjata kollha. Tul l-aħħar xhur tas-sena li għaddiet kien hemm għadd kbir ta' produzzjonijiet lokali li ħolqu prijoritajiet differenti għad-diriġenti tal-PBS u għalhekk iddeċidew li s-sensiela ma tiġix editjata għalissa. Ix-xogħol ta' post-produzzjoni tressaq b'ċertu żmien biex il-kwalita' tkun l-aħjar possibbli.
Ix-xogħol fuqha qed jiġi ppjanat u s-sensiela tixxandar aktar 'il quddiem. "Fredu l-Fra" jieħu gost tassew li qabel biss wiċċu xiref fost il-poplu tagħna diġa' sab minn fost ir-Rappreżentanti tiegħu min iħarislu l-ġiejjieni tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni bdew jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li marru jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 kien ta' 1,234, 1,353, 1,212, 1,071 rispettivament.
8.2.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' serq irrapportati lill-pulizija minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi, xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' serq minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi li ġew irrapurtati lill-Pulizija, xahar b'xahar, bejn Settembru 1998, u Jannar 1999,
kienu kif ġej : -
Xahar Każi
----- ----
Settembru 4
Ottubru 14
Novembru 9
Diċembru 3
Jannar 4
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Jannar, 1999 kemm kienu rrapportati xahar b'xahar każijiet ta' stupru, korruzzjoni ta' minorenni u attentati fuq il-pudur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' offiżi li speċifika l-Onorevoli Interpellant kien kif ġej : -
Xahar u Sena Stupru Korruzzjoni ta' Attentat fuq
Minorenni il-pudur
Settembru 1998 xejn 2 3
Ottubru 1998 xejn 1 2
Novembru 1998 1 1 1
Diċembru 1998 xejn xejn xejn
Jannar 1999 2 xejn xejn
08.02.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3778, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ewwel rapport tal-Kumitat imwaqqaf fit-2 ta' Settembru, 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif ġa għidt fir-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 3778 il-ftehim milħuq fit-2 ta' Settembru 1998, huwa bbażat fuq tlett punti li huma:-
a) il-ħruġ ta' liċenzji ta' spiżeriji ġodda skond pjan nazzjonali.
b) il-kundizzjonijiet neċessarji biex l-ispiżeriji fil-komunita' jgħollu l-livell ta' servizzi farmaċewtiċi offruti fil-komunita'.
ċ) li l-ispiżeriji fil-komunita jservu l-komunita' l-mediċini disponibbli taħt l-iskema tas-Sigurta' Soċjali.
Għalkemm ġie sottomess l-ewwel abbozz, dan ma' jittrattax il-tlett punti kollha u għalhekk id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin. Ir-rapport globali jiġi ppublikat meta jitlesta.
Pension Provision in Malta/Averting the Pensions Crisis — Rapporti
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ rapporti li tkellem dwarhom mal-ġurnalisti: Pension Provision in Malta - Watson Wyatt Ltd u Averting the Pensions Crisis - the case of Malta - MCED?
Response (DALLI, JOHN)
Dawn ir-rapporti jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra meta jkun il-waqt.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3056, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel it-talba biex il-bini ta'l-ex-Deutsche Welle jinbidel għal użu residenzjali? Jista' l-Ministru jgħid għal-liema tip ta' użu residenzjali qed issir it-talba?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
It-talba qed tagħmilha t-Taqsima tax-Xogħlijiet bħala akkomodazzjoni alternattiva skond il-ftehim bejn il-Gvern u s-sid tal-propjeta' "l-Għarix", Delimara wara s-sentenza tal-Qorti relattiva.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3341, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-istħarriġ tad-Dipartiment tal-Kummerċ dwar fees minn clinics privati u spiżeriji talli tistenna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mhux il-kompitu tad-Dipartiment tal-Kummerċ kif jagħmel l-istħarriġ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: Min hu Roving Invigilator li hemm l-Universita' għat-test week ta' Jannar 1999?
Min ħatru?
X'inhuma d-dmirijiet tiegħu u lil min jirrapporta?
Kemm jitħallas?
Liema kriterji jintużaw biex jintgħażel dan l-invigilator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-invigilators għall-eżamijiet u t-testijiet ta' l-Universita' jinħatru mill-uffiċju tar-Reġistratur minn fost dawk li juru nteress li jagħmlu dan ix-xogħol u li jkollhom il-kwalifiki u esperjenza meħtieġa. Il-lista ta' l-invigilators ilha tinbena matul is-snin u tkun miżjuda u/jew emendata skond il-ħtieġa.
Ma hemm ħadd li hu maħtur speċifikament bħala "Roving Invigilator" iżda għal kull sessjoni u skond kemm-il eżami jkun hemm, xi invigilator/s, li fl-opinjoni ta' l-uffiċjal inkarigat ikollhom il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa, ikunu mitluba li jgħinu l-amministrazzjoni biex ikun assigurat li kollox miexi sew (per eżempju li f'kull kamra hemm invigilator/s biżżejjed, li ma jkunx hemm studenti jitħallew jitlajjaw fil-kurituri waqt l-eżamijiet) u li tittieħed azzjoni meħtieġa fejn ikun hemm xi problema. Dawn l-invigilators jitħallsu bl-istess rata ta' l-invigilators l-oħra i.e. LM4 għal kull sessjoni ta' l-eżami.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3635, jista' l-Prim Ministru jgħid kif se taħdem is-sistema għad-devoluzzjoni lokali ta' proprjeta' pubblika? Meta se jibda l-proċess u meta hu maħsub li l-ewwel proprjeta' tiġi mgħoddija lil xi kunsill lokali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Hija l-intenzjoni tal-Gvern li propjeta pubblika li mhix
użata sewwa jew li tista` tiġi utilizzata aħjar għal
skopijiet kulturali, soċjali jew turistiċi, għandha tgħaddi
b'titolu ta` amministrazzjoni f'idejn il-Kunsilli Lokali.
Ninsab infurmat li bħalissa, id-Dipartiment tal-Kunsilli
Lokali qed ikollu taħdidiet mad-Dipartiment ta` l-Artijiet
biex jitfassal ftehim legali.
Il-Kunsilli Lokali se jkunu mitluba jagħmlu eżerċizzju
serju fuq it-talbiet tagħhom, biex jiġi assigurat li dawn
huma amministrattivament u finanzjarjament vijabbli.
Hu maħsub li dan isir f'qasir zmien.
Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-ewwel recreation park li se jibda? Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li jibda dan il-proġett u meta hemm il-ħsieb li jkun lest?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-pjanti għall-bini tan-National Parks għadhom qed jiġu mħejjija mit-Taqsima tax-Xogħlijiet bl-għan li jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hekk kif dawn ikunu approvati jkun jista' jibda x-xogħol. Bħala ordni ta' prijorita' qed insegwu:
1. Cottonera Heritage Park
2. Ta' Qali National Park
3. Burmarrad National Park
4. Delimara National Park
Nista' nassigura lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsieb tal-Gvern huwa li dawn l-erba' Parks Nazzjonali jsiru kollha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3645, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt jew fuq bażi part-time, casual fil-perijodu: (1) bejn 1989 - 1996; (2) mill-1996 sa l-1998; u (3) minn 1998 s'issa? F'liema kapaċitajiet/gradi ġew ingaġġati dawn in-nies u kemm huma stmati s-salarji globali tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jindika meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull post?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qegħda
tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jindika l-isem tat-triq u l-lokal fejn ingħataw reserve parking għal nies bi bżonnijiet speċjali, mis-6 ta'Settembru, 1998 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq niċċara li l-allokazzjoni ta' "reserved parking spaces" lil persuni b'diżabilita' issir mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku (li jaqa' taħt Ministeru ieħor) fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Minħabba n-natura personali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru, ma naħsibx li jkun prudenti li din l-informazzjoni tingħata. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal xi każ jew każijiet partikolari, l-informazzjoni nkun nista' nagħtihielu b'mod kunfidenzjali.
21.1.99
Jista' l-Ministru jgħid meta sar rapport lill-Enemalta biex tinbidel lampa maqtugħa inti u dieħel Bruno Stores fejn il-pet shop Golden Eden, Kalkara, u l-lampa li qiegħda fi Triq Missjoni Taljana fid-daħla tal-Housing Estate Rinella bypass li qiegħda l-ħin kollha tixgħel u titfi? Għaliex ma sarx ix-xogħol li hemm bżonn isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qatt ma waslulha rapporti dwar lampi maħruqa fl-inħawi msemmija. Il-manutenzjoni meħtieġa saret.
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuini kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtu? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti/ftehim tal-
persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat tiegħi
u f'dak tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi
għadu mhux konkluż.
Qed nehmeż l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant
dwar dawk il-persuni f'dawn iz-żewġ Segretarjati Privati li
diġa iffirmaw il-kuntratt/ftehim. Aktar dettalji fuq ir-
responsabbiltajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta' dawn l-
individwi jinsabu fid-dokument Engagement of Staff for
Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2
ta' Novembru 1998.
Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għal mistoqsijiet
oħra simili tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'riferenza għat-Tweġiba temporanja li kont tajt għal din il-Mistoqsija fis-Seduta Nru. 4, għandi ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba issa nġabret.
Jirriżulta li, fid-Dipartimenti u fl-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, waqt li hemm numru sostanzjali ta' mpjegati li abel il-5 ta' Settembru 1998 kienu u fil-fatt għadhom qed jirċievu xi forma ta' allowance (eż: Qualification Allowance, Shift Allowance, On Call at Home Allowance), ma kien hemm l-ebda mpjegat li beda jirċievi xi allowance wara d-data ndikata.
17.12.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk il-minuti tal-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (bħala koporazzjoni pubblika) humiex uffiċjalment pubbliċi? Jekk iva, meta ġew ippubblikati l-aħħar dawn il-minuti? Jekk le, x'aċċess jeżisti għalihom?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa infurmat illi dawn il-minuti mhumiex pubbliċi u huma aċċessibbli biss għall-membri tal-bord.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont iddettaljat ta' kemm mill-impjegati ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma? Jista' jgħid ukoll: (a) kemm hemm impjegati li għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma, fil-kuntratt tagħhom; (b) liema gradi u karigi jokkupaw dawn l-impjegati; (ċ) id-dati ta' meta ngħataw il-karozzi u l-allowances in kwestjoni; u (d) kemm hemm xufiera u karozzi impressed jaħdmu ma' l-awtorita' jew mqabbda fuq bażi kuntrattwali?
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont iddettaljat tal-kondizzjonijiet, benefiċċji u bonuses kuntrattwali li għandhom l-membri individwali tal-management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar inkluż ż-żewġ diretturi?
Jista' l-Ministru jipprovdi ukoll rendikont tal-performance bonuses li ngħataw lid-Direttur ta' l-Ippjanar, lill-managers individwali u lill-impjegati?