Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4959 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Furjana — St Francis Ravelin - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parking li hemm f'St Francis Ravelin, fil-Furjana huwiex adekwat biex jilqa' n-nies li jżuru l-Planning Authority u r-Radju Mediterran?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-opinjoni tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fil-kumpless tal-bini ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hemm biżżejjed postijiet ta' parkeġġ biex jissodisfa dak li hu meħtieġ għall-ammont ta' uffiċini, skond kif normalment titlob l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Sadanittant lill-Ministeru jaslulu diversi ilmenti li l-pubbliku ma jsibx fejn jipparkja. Għaldaqstant il-Ministeru talab lill-Bord ta' l-Awtorita' jistudja l-possibilita' li jaddotta s-sistema ta' 'park & ride system' fejn numru ta' ħaddiema li ma jużawx il-vettura tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol, ikunu offruti spazju ta' parkeġġ f'car park fl-inħawi u minn hemm jitwasslu lejn il-post tax-xogħol u lura. Jekk din il-proposta tkun viabbli wieħed jifhem li jiġu vakati numru ta' spazji ta' reserved parking għall-pubbliku li jżur l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Sadanittant nemmen li bis-servizzi ta' informazzjoni li ġew implimentati f'dawn l-aħħar ġimgħat u dawk li qed naħsbu li ndaħħlu fil-futur ser inaqqsu l-ħtieġa li l-pubbliku jkollu għalfejn imur fiżikament f'dawn l-uffiċini. 01.03.99
Leg 9 PQ #4960 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Xrob l-Għaġin — Park Nazzjonali

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4474, jista' l-Ministru jgħid fejn fir-risposta hemm imsemmi s-sit tad-Deutsche Welle, f'Delimara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ir-risposta għad-domanda 4474, kienet tikkomprendi parti mill-kuntratt li ġie iffirmat bejn il-Gvern u s-sid tal-Propjeta' "L-Għarix" u f'liema kuntratt hemm indikat ċar u tond li: u li "fil-każ illi l-permessi tal-bini ma jkunux approvati u/jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma jsirux u/jew ma jiġux kompletati fi żmien sena minn meta jiġu approvati l-permessi, il-Gvern jaċċetta u jobbliga ruħu, li jassenja lill-familja Mintoff jew akkomodazzjoni alternattiva aċċettabbli mill-istess familja Mintoff fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha jew, alternattivament, li jħallas lill-istess familja Mintoff dik is-somma li tiġi talvolta maqbula bejn il-Gvern u l-familja Mintoff.
Leg 9 PQ #4961 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — VAT fuq trasport ta' l-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri qed jiġu ċċarġjati 15% VAT fuq it-trasport għall-iskejjel meta suppost li m'hemmx VAT fuq l-edukazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bl-Att ta` l-1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, trasport għal skola huwa eżenti bil-kreditu u għaldaqstant m`hemmx VAT fuqu kemm-il darba: i. ikun provvist minn stabbiliment edukattiv; ii. ikun provvist lil xi stabbiliment edukattiv bil-għan li jiġi provdut minnu bħala trasport għal skola; iii. ikun organizzat jew provvist minn uffiċċju ċentrali. Id-dipartiment tal-VAT lest li jieħu passi kontra dawk il-persuni li b`xi mod jinstabu li jkunu qed jiksru l-liġi.

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-postijiet li ġew allokati mill-elezzjoni sal-lum? F'liema lokalita' u f'liema dati ġew allokati? Jista' l-Ministru jinformana wkoll dwar il-marki li kellhom biex ikkwalifikaw biex jieħdu l-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qeda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 23.2.99
Leg 9 PQ #4602 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

B'riferenza għat-tħaffir tal-Bir Madonna taż-Żejt ġewwa Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux se jinvolvih spejjeż? Jekk fl-affermattiv, xi kemm jammontaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż kollha konnessi mat-tħaffir tal-bir f'Għawdex huma mħallsa mill-Gvern Malti, iżda Lm4.8 miljun taħt ir-Raba Protokol bejn Malta u l-Italja qed jiġu utilizzati għal dan l-iskop. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nerġa ntenni dak li rrispondejt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1449, li peress li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, mhux prudenti li tingħata.
Leg 9 PQ #4603 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk barra l-kuntratti li saru mill-Gvern Laburista preċedenti fejn jidħol id-Diviżjoni taż-Żejt, Esplorazzjoni taż-Żejt, sarux xi kuntratti ġodda mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, ma' min saru u meta saru? Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji jekk hux għat-tħaffir jew riċerka?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum ma sarux kuntratti ġodda fil-qasam tat-tiftix għaż-żejt.
Leg 9 PQ #4748 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Malta Film Studios

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-bejgħ tal-Malta Film Studios fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x'kondizzjonijiet saru max-xerrej dwar il-ħaddiema?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minħabba n-natura kummerċjali tal-kontenut tal-kopja li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, ma narax li jkun etikament ġust li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kopja in kwistjoni.
Leg 9 PQ #4749 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Banek — Mid-Med - Chairman

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki akkademiċi kollha li għandha l-persuna li ġiet maħtura chairman tal-Mid-Med Bank? Jista' f'kull każ il-Ministru jagħti d-data meta tkun inkisbet il-kwalifika?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kwalifiki akkademiċi li għandha l-persuna li fil-preżent qed tokkupa l-kariga ta' Chairman tal-Mid-Med Bank huma dawn: Mill-Universita ta' Malta: B.A.(Hons)Econ. miksuba fl-1971 M.A.(Econ) miksuba fl-1974 Mill-Universita ta' Oxford: M.Litt (Oxon) miksuba fl-1982
Leg 9 PQ #4855 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li biha jimxi d-dipartiment ta' l-Inland Revenue dwar nies li għandhom jieħdu refunds ta' taxxa żejda li tkun tħallset? Huwa minnu li jekk ma jkunx hemm flus ivvotati min għandu jieħu ma jieħux ir-refund? Hemm xi limitu ta' snin li persuna tista' ddum tistenna biex tieħu lura r-refunds? Kemm fil-fatt kien hemm flus ivvotati għar-refunds mill-1992 sal-lum sena b'sena? Huwa possibbli li min ilu jistenna biex jieħu refund ta' Lm650 mill-1992 jingħata dan ir-refund bl-imgħax?

Response (DALLI, JOHN)

Il-flus ivvotati għar-refunds mill-1992 sal-lum kienu ta` Lm18,241,000 maqsuma hekk: 1992 2,000,000 1993 1,500,000 1994 1,500,000 1995 1,400,000 1996 3,000,000 1997 3,000,000 1998 2,841,000 1999 3,000,000 Kif diġa kelli l-okkażjoni ngħid is-sistema tar-refunds fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandha tinbidel u kulmin ikollu jieħu lura xi taxxa li tkun tħallset żejda din għandha titħallas lura fi żmien determinat, u jekk id-Dipartiment jonqos li jħallas f`dan iż-żmien ikollu jħallas l-interessi. Il-lum il-liġi ma tipprovdix sa meta għandu jsir il-ħlas tar-refunds jew li dawn għandhom jitħallsu b`xi imgħax. Kif għidt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4674 l-ammont ta` ħlas ta` refunds huwa marbut mal-flus ivvotati fl-estimi finanzjarji annwali. Meta d-Dipartiment jiġi biex jiddetermina liema refunds għandhom jitħallsu jieħu in konsiderazzjoni diversi fatturi bħalma huma l-ammont dovut, kemm ilu dovut, il-kategorija tat-taxpayer u dan dejjem fil-kuntest tal-flus ivvotati.
Leg 9 PQ #4297 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Roħs fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk illum, xahar wara mill-introduzzjoni tal-VAT, għadux bil-fehma li esprima jumejn wara l-Budget ta' l-1999, fis-sens li bil-VAT kellhom jorħsu 40,000 prodott? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-prodotti li raħsu u b'kemm raħsu? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li wassluh biex jibdel il-fehma tiegħu?

Response (DALLI, JOHN)

Jekk wieħed jara r-rapport fuq l-impatt soċjali li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra jara li hemm eluf ta` prodotti li għandhom jorħsu bl-introduzzjoni tal-VAT. Dawn huma l-prodotti kollha li l-Gvern li kien jagħmel parti minnu l-Onor Interpellant impona fuqhom taxxa tal-Konsum ta` 21% u li issa din tniżżlet għal 15%. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-Gvern li kien jagħmel parti minnu kellu pjani biex il-prodotti kollha maħdumin Malta wkoll jispiċċaw b` taxxa ta` 21%.
Leg 9 PQ #4298 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-mira tal-gvern li jmexxi hu, hijiex li bil-VAT jorħsu 40,000 prodott? Jekk it-tweġiba hija fil-pożittiv, jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-prodotti li kellhom jorħsu u b'kemm kellhom jorħsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dan il-Gvern b'responsabbilta kbira u b'konsultazzjoni ma kull min kien interessat, ħadem sabiex pajjiżna jkollu sistema ta' tassazzjoni ndiretta li tkun kemm effiċjenti kif ukoll ġusta. Kif joħroġ mir-rapport li poġġa fuq il- mejda tal-Kamra l-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, mhux mistenni li jkun hemm xi impatt partikulari fuq il- prezzijiet bħala riżultat ta' l-introduzzjoni tal-VAT. Fl-istess waqt, il-Gvern jikkundanna kull ċaqlieq inġust fil-prezzijiet li jista jsir fiż-żmien ta' bidla fit- taxxa. Għaldaqstant, kull fejn jinstab l-abbuż, dan jiġi kkoreġut u b'impenn naraw li l-iżball ma jiġix irrepetut.
Leg 9 PQ #4359 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Kalkara — Berġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Berġa tal-Kalkara se tixxiftja għall-post il-ġdida fl-area ta' Bighi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ma hemm l-ebda pjan biex fil-futur qarib il-klinika tal-Kalkara tixxiftja għall-'area' ta' Bighi.
Leg 9 PQ #4360 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reserved parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ħareġ għar-reserved parking f'kull lokalita' separata f'Malta u Għawdex mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum u f'liema xhur ħareġ kull permess?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-Trasport. 22.02.99
Leg 9 PQ #4453 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Indipendenza — Attivitajiet

Question

Fid-dawl ta' dikjarazzjoni li għamel fl-attivitajiet ta' l-Indipendenza tal-PN għal 1998, fis-sens li mhux sewwa li l-Gvern ineħħi Chairmen bla ebda raġuni serja, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet serji li wasslu lill-gvern tiegħu biex ineħħi għadd ta' Chairmen minn korporazzjonijiet u kumpanniji parastatali minn wara l-elezzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onor Membru, wara kull Elezzjoni Ġenerali, il- Membri kollha tal-bordijiet governattivi, inklużi iċ- Chairpersons, huma mistennija li joffru r-riżenja tagħhom lill-Gvern il-ġdid, proprju biex isiru xi tibdiliet li jkunu meħtieġa. Il-Gvern tiegħi ma mexiex bil-politika ta' tqaċċit ta' rjus anzi pprefera li l-biċċa l-kbira tal- persuni nominati jkomplu l-ħatra tagħhom sakemm tiskadi. Ħadd ma għandu jippretendi li jibqa fuq Bord għal żmien twil iżżejjed, lanqas jekk ma jinbidilx il-Gvern. Kien hemm Chairpersons li wrew ix-xewqa li ma jkomplux iservu fuq il-Bord tagħhom iżda kien hemm ukoll oħrajn li l-Gvern il-ġdid ġedded il-ħatra tagħhom.
Leg 9 PQ #4474 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Xrob l-Għaġin — Park nazzjonali

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4241, jista' l-Ministru jgħid liema huwa "il-ftehim bejn il-gvern u s-sid tal-proprjeta' "L-Għarix" wara s-sentenza tal-qorti relattiva", u d-data tal-ftehim?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-ftehim bejn il-Gvern u s-sid tal-propjeta' "L-Għarix" mhu xejn ħlief dak illi ġie iffirmat fit-22 ta' Mejju ta' l-1998 li qiegħed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra fejn fost affarijiet oħra ġie miftiehem li: "Tiġi assenjata u trasferita biċċa art fil-Fawwara kompriżi l-benefikanti eretti fuqha" u li "fil-każ illi l-permessi tal-bini ma jkunux approvati u/jew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni ma jsirux u/jew ma jiġux kompletati fi żmien sena minn meta jiġu approvati l-permessi, l-Gvern jaċċetta u jobbliga ruħu, li jassenja lill-familja Mintoff jew akkomodazzjoni alternattiva aċċettabbli mill-istess familja Mintoff fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha jew, alternattivament, li jħallas lill-istess familja Mintoff dik is-somma li tiġi talvolta maqbula bejn il-Gvern u l-familja Mintoff".
Leg 9 PQ #4266 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar 1999, kemm kien in-numru ta' reati kriminali rapportati lill-pulizija u x'tip ta' reati kienu? Kemm kien in-numru ta' attakki bi vjolenza fuq l-anzjani u x'kienu l-etajiet ta' l-anzjani? Kemm kien in-numru ta' hold-ups u l-ammont ta' flus misruqa f'dawn il-hold-ups? Kemm kienu d-drabi li nstabet droga fil-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar in-numru ta' hold ups irrapurtati lill-Pulizija bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-12 ta' Jannar, 1999, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3517 f'Seduta 52. Ninsab infurmat ukoll li bejn it-13 ta' Jannar u l-31 ta' Jannar, 1999, ġew irrapurtati lill-Pulizija 3 hold ups u kien hemm ukoll 2 rapporti ta' tentattivi ta' hold ups li fihom ma nsteraq xejn. L-ammont fi flus kontanti li ġew irrapurtati li nsterqu fil-hold ups bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-31 ta' Jannar, 1999, kien ta' madwar Lm38,276. F'żewġ każijiet, fejn ġie rappurtat serq ta' flus, l-ammont ma ġiex speċifikat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li fl-istess perijodu (05/09/98 - 31/01/99) ġew irrapurtati lill-Pulizija żewġ każi ta' sejbiet ta' droga fil-Ħabs. 17.02.99
Leg 9 PQ #4267 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot u kemm kienet in-nefqa tal-gvern f'manutenzjoni ta' skejjel bejn l-1987 u l-1998? Kemm hija n-nefqa vvotata għal din is-sena u f'liema skejjel se jsir ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4268 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi dwar il-Preskrizzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jressaq quddiem dan il-Parlament liġi biex tneħħi l-preskrizzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-preskrizzjoni hi meħtieġa għaliex mhux sew li persuna tiġi mressqa quddiem qrati fi żmien meta x-xhieda, jekk ikunu għadhom ħajjin, ikunu diġa insew ħafna mid-dettalji tal-fatti li fuqhom iridu jixhdu. Fl-istess ħin anki l-akkużat ikunlu ferm diffiċli biex jagħmel difiża sew għax ikun nesa ċirkostanzi importanti tal-każ. L-istess raġunijiet japplikaw ukoll għall- preskrizzjoni ċivili. Il-parir li għandu l-Gvern hu li l-preskrizzjoni għandha tibqa.
Leg 9 PQ #4269 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal servizz ġdid ta' l-ilma mal-Water Services Corporation bejn Novembru 1997 u Novembru 1998?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-perjodu msemmi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha 2747 applikazzjoni għal servizz ġdid tal-ilma.
Leg 9 PQ #4270 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Intervisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Janna,r 1999 kemm kienu d-drabi li ġew intervistati mill-PBS kull ministru u segretarju parlamentari? Kemm kienu d-drabi li ġew intervistati mill-PBS kull deputat Laburista? Kemm kienu l-protesti li rċieva l-PBS mingħand il-Partit Laburista u mingħand il-Partit Nazzjonalista?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu msemmi saru 113 intervista ma' Ministri u Segretarji Parlamentari, filwaqt li kien hemm 9 intervisti ma' Membri Parlamentari ta' l-Oppożizzjoni. Fl-istess perjodu, kien hemm tliet protesti mill-Parti Nazzjonalista u tnax mill-Partit Laburista. Il-pożizzjoni tal-PBS hi li fejn jidħlu ġrajjiet ta' kuljum, huma l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tal-gvern tal-ġurnata li jkollhom it-tagħrif meħtieġ xi jwasslu lill-pubbliku dwar proġetti u żviluppi ġodda fil-pajjiż. B'danakollu, fuq materji li jikkonċernaw policy jew kontroversja, ċ-Ċentru ta' l-Aħbarijiet jesiġi li jkollu l-fehmiet tal-partijiet kollha. Tajjeb jingħad ukoll li n-numru ta' protesti li jsiru mill-partiti politiċi mhux bilfors jirrifletti l-għadd ta' każijiet milqugħa mill-Awtorita' tax-Xandir.