Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CV tal-kwalifiki li kellha l-persuna li isimha qed tidher separatament meta ingħata kuntratt ta' konsulent mill-Ministru tal-Intern u Politika Soċjali f'Diċembru 1989? Għaliex inħass il-bżonn li din il-persuna jkun impjegata bħala konsulent tal-Ministeru? Kemm dam fil-kariga ta' konsulent, fejn kien l-uffiċju tiegħu? Kemm-il darba siefer fuq xogħol ministerjali u min kien jifforma parti mid-delegazzjoni li ħa sehem fiha.
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'passi ħadu l-pulizija biex ikun ritranċjat il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament. X'irriżulta minn dawn il-passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru tentattivi ma` l-awtoritajiet Taljani, fejn il-Pulizija kellha indikazzjonijiet li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant tista` tkun, pero` s`issa għad ma kienx hemm riżultat pożittiv. Ma nħossx illi tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija f`investigazzjoni li għad mhix konkluża, għandu jkun ippublikat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż li saru fil-compound il-ġdid tal-pulizija? Liema kienu l-kuntratturi li wettqu xi xogħol f'dan il-compound? X'tip ta' xogħol għamlu? Meta ħarġu t-tenders u kemm kien l-ammont ta' kull kumpanija li tħallset? Għaliex dan il-compound li kellu jinfetaħ nhar it-Tnejn li għadda, ċ-ċerimonja kienet posposta? X'se jsir mill-irħama li diġa' kienet lesta bid-data tindika nhar it-Tnejn li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar l-ewwel 3 partijiet tal-Mistoqsija huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn it-tenders kienu ħarġu bejn l-1997 u din is-sena. Kif diġa` kien ġie avżat fi stqarrija għall-istampa, iċ-ċerimonja tal-ftuħ li kellha ssir nhar it-Tlieta 10 ta` Lulju 2001, kienet ġiet posposta minħabba breakdown fis-sistema tal-arja kondizzjonata. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-irħama kommemorattiva baqgħet fejn kienet u inbidel biss numru wieħed.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont minn Ottubru 1998 sa Ġunju 2001 minn fejn xtraw prodotti jew oġġetti l-Korp tal-Pulizija? Kemm kien il-ħlas u x'inxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex jinġabar it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jenħtieġ ammont sostanzjali ta` ħin. Jekk l-Onorevoli Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob t-tagħrif hekk dettaljat, inkun f`pożizzjoni li nordna li jinġabar dan it-tagħrif.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-mistednin (guest list) għar-riċeviment li ta' l-Kummissarju tal-Pulizija fl-okkazzjoni tal-Milied 1998, 1999, 2000 u l-Police Day 1999, 2000 u 2001?
Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm ħruq fir-residenza tal-Ambaxxatur Malta f'Washington? Meta sar dan il-ħruq? Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien infurmat minn xhur ilu wara ħruq f'inħawi simili minħabba problemi fis-sistema tad-dawl? X'passi ttieħdu wara r-rapporti dwar il-problemi fl-inħawi?
Response (BORG, JOE)
Nikkonferma li nhar l-Erbgħa 11 ta' Lulju madwar it-tmienja u nofs ta' fil-għodu kien hemm ħruq żgħir fir-residenza ta' l-Ambaxxatur ikkawżat minn difett elettriku li żviluppa fil-cooling system tar-residenza.
Għar-rigward tat-tielet u r-raba parti tal-mistoqsija, nixtieq ngħid li f'Ottubru 2000 il-Ministeru kien ġie mgħarraf li kien hemm ħtieġa ta' xogħolijiet ta' manutenzjoni nklużi dawk ta' l-elettriku u plumbing. Fil-fatt il-Ministeru ħa ħsieb li tiżdied l-allokazzjoni ta' fondi, li minn LM5,700 fis-sena 2000 żdiedet għal LM9,000 għas-sena finanzjarja kurrenti u diġa f'Ġunju li għadda ngħatat l-awtoriżżazzjoni meħtieġa biex isiru diversi xogħolijiet ta' manutenzjoni fir-residenza. Inoltre qed jittieħdu passi biex jiġu determinati x-xogħolojiet meħtieġa fis-sistema ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid l-persuna li isimha qed jidher separatament bediex jaqdi rwol eżekuttiv fl-MIA? Għaliex u kemm jitħallas ta' kull ġurnata li jagħmel?
Minn meta beda jaqdi din il-funzjoni kemm tħallas tal-ġranet li għamel u x'allowances oħra ingħatawlu xahar b'xahar minn meta ħa l-ħatra sal-aħħar ta' Ġunju?
Għaliex ma ngħatatx ħatra ta' Chief Executive? Min meta ma kienx hemm Chief Executive?
Minn kemm ilu direttur tal-MIA, kemm-il darba siefer, fejn mar u meta siefer fuq xogħol tal-kumpanija? X'allowance extra ingħata għal kull ġurnata li kien impenjat xogħol barra, barra s-salarju u l-allowance li kien qiegħed jingħata għal full time executive role sal-aħħar ta' Ġunju li għadda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li qed issir riferenza għaliha ma bdietx taqdi rwol eżekuttiv fl-M.I.A. Din il-persuna hija direttur tal-Kumpanija u bħal kull direttur ieħor tal-Kumpanija tirċievi remunerazzjoni ta' Lm800 fis-sena u Lm30 għal kull laqgħa li jattendi li ma tkunx dik tad-Diretturi.
Id-doveri ta' Chief Executive tal-Kumpanija jaqdihom ic-Chairman, u dan ilu jagħmlu mis-26 ta' Ottubru 1998.
L-informazzjoni li qed tintalab fl-aħħar parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma nħossx li din għandha tiġi ppubblikata.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ tal-flus mislufa mill-gvern li għadhom jidhru fit-treasury clearance fund u dan kif kien jirriżulta fl-aħħar ta' Marzu 2001?
Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ tal-garanziji u letters of comfort li l-gvern kien ħareġ biex jagħmel tajjeb għad-dejn ta' diversi korporazzjonijiet u soċjetajiet, kemm jekk pubbliċi kif wkoll privati, u dan dejjem kif kienu fl-aħħar ta' Marzu 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel paragrafu tista tinkiseb mil-Financial Report 2000.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 21090 f'seduta 424
Jista' l-Ministru jgħid x'ħatra ingħatat il-persuna li isimha qed jidher separatament fid-Dipartiment ta' l-Artijiet? Minn meta ingħatat il-ħatra, kemm se jitħallas? Minħabba li fi tweġiba oħra diġa kont għidt li kien sar festin meta din il-persuna kienet irtirat bil-penzjoni, tista' tgħid ir-riċeviment li sar f'Ġunju għal liema skop sar?
Xi spejjeż kienu saru fl-uffiċċju tad-direttur fl-estate managments minn meta ħa l-ħatra ta' direttur? Illum għadu juża dan l-istess uffiċju u jekk qiegħed f'uffiċju ieħor xi spejjeż saru biex kien trasferit l-uffiċju u addattat biex jilqa' ġo fih lid-direttur li ismu qed jidher separatament?
Min hu d-direttur ġenerali tad-Dipartiment tal-Artijiet u l-estate management bħalissa? Meta kien iffirmat il-kuntratt ta' direttur ġenerali li kien skada aktar kmieni din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onor. Membru ngħatat ħatra ta` konsulent għal perijodu ta` sitt xhur li beda mill-1 ta` Ġunju 2001. Il-persuna hija marbuta tagħti 25 siegħa ta` ħidma fil-ġimgħa b`remunerazzjoni ta` Lm2.88c5 fis-siegħa. Din il-persuna tgawdi minn esperjenza enormi fix-xogħol tad-Dipartiment ta` l-Artijiet peress illi ħadmet f`dan id-dipartiment għall-aktar minn 40 sena, u ftit qabel din il-ħatra irtirat mill-impjieg.
L-okkażjoni msemmija mill-Onor. Membru bħala riċeviment kienet biss il-laqgħa għall-ħaddiema tat-Taqsima li ssir kull sitt xhur, biex l-istess ħaddiema jingħataw rendikont tal-ħidma li tkun saret. Il-ħaddiema tat-Taqsima ħadu din l-okkażjoni biex taw rigal ta` tifkira li xtraw minn buthom stess lill-persuna konċernata.
Ma saru l-ebda spejjeż fl-uffiċċju tad-Direttur għat-Tmexxija tal-Proprjeta` minn mindu ħa l-ħatra. Peress li kien hemm il-ħsieb illi f`dan l-uffiċċju jsiru xogħlijiet ma` l-ewwel fażi tar-rijabilitazzjoni tal-Berġa tal-Baviera, id-Direttur għat-Tmexxija tal-Proprjeta` kien juża parti mill-uffiċċju tas-Segretarjat tiegħu. Illum, li din l-ewwel fażi ta` xogħlijiet bdiet, id-Direttur u s-Segretarjat tiegħu kellhom jivvakaw din il-kamra wkoll u marru f`kamra oħra. F`din l-aħħar kamra, ma saru l-ebda spejjeż biex tilqa` ġo fiha lid-Direttur, ħlief tibjida tal-ħitan li qamet seba` liri u sebgħin ċenteżmu (Lm7.70).
Id-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Proprjeta` tal-Gvern li fiha tinkorpora d-Dipartimenti ta` l-Artijiet u t-Tmexxija tal-Proprjeta` huwa l-Perit John Sciberras. Dan ilu fil-kariga mill-21 t`Ottubru 1997. Il-Perit Sciberras għadu ma ffirmax il-kuntratt ta` Direttur Ġenerali għal tlett snin oħra mill-21 t`Ottubru 2000, li dan il-Gvern għoġbu joffrilu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċivil li bħalissa jinsabu sospiżi minħabba li għandhom każ pendenti kriminali fil-qorti? X'akkużi għandhom fil-konfront tagħhom? Liema huma dawk li jaħdmu maċ-ċivil li għandhom każ pendenti l-qorti u m'humiex sospiżi mix-xogħol? X'akkużi għandhom kontrihom u fejn jinsabu stazzjonati? Fil-każijiet kollha, jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta' meta l-persuni tressqu l-Qorti u quddiem liema maġistrat qiegħed jinstema' l-każ tagħhom li għadu pendenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina fl-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet ta’ l-uffiċjali pubbliċi li jkunu nvoluti f’każijiet kriminali, m’għadhomx iżjed jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi, ħlief dawk fejn l-uffiċjali nvoluti jkunu nterdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom.
Ninsab infurmat li bħalissa hemm tlieta u erbgħin uffiċjal pubbliku li huma interdetti. L-informazzjoni mitluba dwar x’inhuma l-akkużi kriminali kontrihom, tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dettalji dwar id-data meta tressqu l-Qorti dawn l-uffiċjali pubbliċi u quddiem liema Maġistrat qiegħed jinstema’ l-każ tagħhom, ma jinżammux.
Dwar il-każijiet ta’ l-uffiċjali pubbliċi li ma jkunux ġew interdetti, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Fir-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda uffiċjal pubbliku li għandu xi każ kriminali pendenti u li ma ġiex interdett.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-rakkomandazzjoni li ta' t-tribunal għall-investigazzjoni tal-ingustizzji wettaq? Liema kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, meta ngħatat is-sentenza u meta ngħata r-rimedju? Fil-każijiet li l-qorti rrakomandat rimedju u s'issa għadu ma ngħatax, għaliex ma ngħatax, u meta se jingħata? F'kull każ li twettqet ir-rakkomandazzjoni kemm kien il-kumpens li ngħata lil kull individwu u kemm kienet l-ispiża tal-Korporazzjoni jew dipartiment li kellu jagħti promozzjoni b'data lura rakomandata mill-Imħallef Lino Farrugia Sacco.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tagħrif qiegħed jinġabar u jingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li wara l-1994, persuna li isimha qed tidher separatament kellu uffiċċju Gattard House fejn kien hemm l-uffiċċju tal-FMSS? Minn meta beda juża l-uffiċċju u sakemm uża dan l-uffiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Villa Portelli fil-Kalkara tingħata, jew ingħatatx diġa', b'kera jew b'ċens jew b'xiri? Jekk fl-affermattiv, lil min ingħatat u b'liema kundizzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Hemm decizjoni sabiex Villa Portelli fil-Kalkara tinghata lill-Kunsill Malti ghall-Arti, Xjenza u Teknologija (MCAST) b'titolu minn sena ghal sena.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċizjoni mill-Kabinet dwar artijiet u propjeta tal-Gvern fil-Kalkara? Jekk fl-affermattiv, liema huma l-artijiet, għalxiex ingħataw u ser jingħataw u lill-min? X'inhuma r-raġunijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li l-Kabinett iddeċieda li l-propjeta u art tal-Gvern fil-Kalkara li fuqha hemm dawk magħrufa bħala l-“Auxiliary Hospital” u ċ-“Chaplain’s House” jinkrew lill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija sabiex, wara restawr xieraq, il-propjeta issir is-sit permanenti ta’ l-Istitut għal Studji Marittimi li twaqqaf fi ħdan il-kulleġġ wara taħdidiet ma’ l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta.
Ġie deciż ukoll li propjeta oħra tal-Gvern fil-Kalkara, Villa Portelli, tinkera lill-MCAST biex tintuża bħala bażi temporanja ta’ l-Istitut il-ġdid sakemm jitlesta s-sit permanenti – li għandu l-vantaġġ li qiegħed mal-baħar.
Jista' l-Ministru jikkonferma li qed isir tkabbir ta' ton fl-ibħra territorjali Malti mingħajr il-permess meħtieġ ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Hemm sit wiehed permess ghat-tkabbir ta' tonn, li jinsab 'il barra minn San Pawl il-Bahar.
Hemm ukoll fl'ibhra territorjali tragitt ta' gagga li tintuza fl-akwakultura li jehtigielha xi tiswija ta' hsarat ikkagunati mill-maltemp. Saret talba ghal post temporanju sabiex tissewwa l-gagga, liema talba l-Awtorita' ta' l-Ippjanar accettat sakemm ix-xoghol fuqha isir kif specifikat mill-Awtorita` Marittima.
Jista' l-Ministru jgħidli jekk petrol stations li ma jgħatux servizz awtomatiku wara l-ħin, imma jingħata servizz permess ta' attendant fil-petrol station wara l-ħin ikunu qed jiksru il-liġi jew xi regolamenti? Jista' jgħidli jekk petrol station li tagħti servizz awtomatiku wara l-ħin permess ta' ħlas awtomatiku tkunx qed tikser xi liġi jew xi regolament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-hinijiet tal-ftuh tal-petrol stations huwa regolat b'Kapitolu 155 tal-Ligijiet ta' Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ kien hemm quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fejn applikazzjoni ġiet rifjutata mill-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u wara li intalbet reconsideration inħareġ il-permess minn kemm ila mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sal-lum? Jista' l-Ministru jgħati wkoll in-numru tal-file u min kien l-applikant?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta giet imwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kien hemm 11,272 applikazzjoni li gew rifjutati. Minn dawn l-applikazzjonijiet 1,586 applikazzjoni kellhom rikonsiderazzjoni li giet approvata. It-tabella annessa turi n-numru ta' l-applikazzjoni kif kien mitlub. Ma jidhirlix illi ghandi naghti ukoll l-isem ta' l-applikant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-permess ħareġ deemed approved mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn kemm ila mwaqqfa sal-lum? Jista' l-Ministru jgħati l-file number u flimkien mal-lokalita? Meta ġew approvati?
Response (BORG, TONIO)
Kull applikazzjoni li jinhareg permess ghaliha tigi ppublikata fuq agenda u diskussa waqt il-Bord tal-Kontroll ta' l-izvilupp skond il-policies tal-Pjan ta' Struttura avolja ikun hemm kaz ta' deemed approved minhabba li jkun ghadda z-zmien stipulat.
Ma tinzammx statistika tal-kazi fejn l-applikant jippretendi li l-applikazzjoni tieghu tkun deemed approved.
Jista' l-Ministru jgħid wara l-verdett tal-ġuri ta' Meinrad Calleja fejn l-akkużat instab ħati ta' assoċjazzjoni ma' Charles Muscat magħruf bħala l-Pipi u Raymond Debono, x'passi ttieħdu mill-avukat ġenerali biex jittieħdu passi kontra dawn iż-żewġ persuni imsemmija fl-att tal-akkuża preparata mill-uffiċju tal-avukat ġenerali?
Response (GATT, AUSTIN)
L-aġir ta` l-Avukat Generali fil-konfront ta` prosekuzzjonijiet Kriminali hu ggvernat bl-artikolu 91 tal-Kostituzzjoni. Ma dan kollu ninstab infurmat mill-Avukat Generali illi m`hemmx disponibbli l-evidenza kollha meħtieġa, u li kienet disponibbli fil-każ ta` Meinrad Calleja, fil-każ ta' Charles Muscat (il-pips) u ta` Raymond Debono. Ma dan kollu l-każ għadu miftuħ.
Jista' l-Ministru jgħid wara l-verdett tal-ġuri ta' Meinrad Calleja fejn instab ħati ta' assoċjazzjoni ma' persuni oħra fi traffikar ta' droga, x'passi ttieħdu kontra Charles Muscat u Raymond Debono li ssemmew fl-att ta' akkuża li dwarha Calleja instab ħati? Jekk ma ttieħdux passi, għaliex? Se jittieħdu passi u meta se jittieħdu dawn il-passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għad m`hix konkluża.