Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li għandhom każ pendenti l-qorti u ħarbu minn Malta? X'akkużi għandhom kontrihom u quddiem liema qorti qiegħed jinstema' l-każ tagħhom?
Mera saret l-aħħar seduta fil-każ tagħhom?
Imħareġ mandat ta' arrest internazzjonali kontrihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha jidher under separate cover għamel żmien b'uffiċju f'Gattard House, fejn kellha l-kwartieri tagħha l-FMSS? Meta kien dan? U għaliex ingħata uffiċju? Meta evakwa l-uffiċju?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-perit li ismu jidher under separate cover ma ffirmax il-kuntratt bħala direttur ġenerali li skadielu fil-21 ta' Ottubru 2000? Jista' jikkonferma li l-perit inkwistjoni qiegħed jaqdi l-funzjoni tiegħu bla kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li għalkemm il-Perit in kwistjoni għadu ma hux f`pożizzjoni li jiffirma l-kuntratt ta` Direttur Ġenerali għal raġunijiet personali, dan qiegħed jaqdi l-funzjonijiet u l-obbligi kollha li tirrikjedi din il-kariga.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li bħalissa qegħdin jaqdu l-funzjoni ta' direttur ġenerali ta' dipartiment mingħajr ma għandhom kuntratt iffirmat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ Diretturi Ġenerali li għadhom ma ffirmawx il-“performance agreement”.
Wieħed minn dawn il-kuntratti ma ġiex iffirmat minħabba illi l-ħatra saret ftit tal-jiem ilu.
Jista' l-Ministru jikkonferma li avviċina numru ta' persuni biex jinħatru Imħallfin jew maġistrati? Meta l-Gvern bi ħsiebu jaħtar Imħallef ġdid? Meta l-gvern bi ħsiebu jaħtar maġistrat ġdid? Kien identifikati l-persuni li se jinħatru? Aċċettaw li jservu fil-qorti?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Gvern beħsiebu jaħtar Mħallef biex jagħmel tajjeb għall-assenza tal-Imħallef Carmel A.Agius li f' Novembru mistenni jieħu l-post li għalih ġie elett fil-Qorti Internazzjonali għall-ex Jugoslavja.
Biex jiżgura li ma jkunx hemm "vacuum" u li min jidħol ġdid ikun jista' jagħmel il-pjani tiegħu u b'hekk ma jkunx hemm żmien meta ma jsirux seduti, il-Gvern identifika min għandu jkun Imħallef il-ġdid u dan ġie avviċinat u aċċetta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li kienet se tingħata lill-Konsorzju tal-Kottonera fir-Rinella biex issir boat yard għadhiex f'idejhom jew inkella ingħatatx lil xi ħadd ieħor għal xi proġett ieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet m`għandu l-ebda inidikazzjoni li l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant m`għadhiex f`idejn il-Konsortju tal-Kottonera.
Jista' l-Ministru jgħid fit-12 ta' Lulju 2001 meta l-uffiċjali tad-dwana qabdu d-droga eroina fuq Filippina, għaliex ma kienux infurmati l-pulizija minnufih? Veru li l-media kienet infurmata qabel il-pulizija?
Jikkonferma l-Ministru li dan l-aġir tellef lill-pulizija milli ssegwi għal min kienet destinata d-droga f'Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandi dwar il-każ jirriżulta illi d-Dwana għarrfet lill-Pulizija malli kien hemm konferma li t-trab misjub kien eroina.
Id-Dwana ma għamlet l-ebda kuntatt mal-media qabel ma avżat lill-Pulizija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma kienx ħalla lill-ministru ta' l-intern u l-ministru għall-politika soċjali jġedded il-kuntratt ta' konsulenza ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Kont informat li minn wara din id-data dan il-bniedem kompla jirrappreżenta lill-ministru fuq il-bord tal-pulizija dwar l-għoti tal-liċenzji? Kont informat li ngħata uffiċċju f'Goddard House fejn kien hemm l-FMSS wara li int ma ħallejtx lill-ministeru ta' l-intern iġedded il-kuntratt u li ngħata xogħol ieħor ta' konsulenza f'din il-fondazzjoni in konnessjoni ma' l-Isptar San Raffaele?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25611, ma saritli ebda talba biex wara l-1994 il-kuntratt jiġi mġedded.
Ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, filwaqt li r-risposta għat-tielet mistoqsija hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li għandhom każ pendenti l-qorti u ħarbu minn Malta? X'akkużi għandhom kontrihom u quddiem liema qorti qiegħed jinstema' l-każ tagħhom? Meta saret l-aħħar seduta fil-każ tagħhom? Imħareġ mandat ta' arrest internazzjonali fil-kontront tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif meħtieġ hu fil-pussess tal-Puluzija, u d-domanda trid issir lill-Ministru ta` l-Intern.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari nru. 27451, kemm ilu direttur Joe R Darmannin fl-MIA? Mill-ħatra tiegħu sal-llum kemm-il laqgħa żejda għamel barra dawk tal-bord tad-diretturi u tħallas tletin lira? Kemm huma l-ħlasijiet li ha mill-MIA kemm ilu fil-kariga ta' direttur u meta saru? Minħabba li l-ammont ta' safar ta' persuna li hu direttur ta' kumpanija pubblika mhux ta' natura kummerċjali iżda hu ta' interess pubbliku, jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' meta dan id-Direttur siefer fuq xogħol, fejn mar u kemm tħallas f'allowances żejda għal dawn iż-żjarat barra minn xtutna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mis-26 ta' Ottubru 1998, kull darba li xi direttur ta' l-M.I.A. siefer, u l-ispejjeż ta' dan is-safar tħallas mill-Kumpanija, dan kien dejjem konness ma' xogħol ta' l-istess Kumpanija u għax kien hemm bżonn.
Fir-rigward tal-ħlas lid-diretturi għal laqgħat li mhumiex dawk tal-Bord, jiena nfurmat li l-prattika li qed tintuża llum hija l-istess li kienet tintuża mill-Bord tal-Kumpanija fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Tajjeb jingħad li skond il-liġi, l-M.I.A. tippubblika kemm ħadu flus id-Diretturi tagħha matul sena finanzjarja. L-ammont totali f'dawn l-aħħar snin kien kif ġej:
April 1998 - Marzu 1999 Lm23,688
April 1999 - Marzu 2000 Lm22,140
April 2000 - Marzu 2001 Lm23,725
Jista' l-Ministru jgħid x'kommunikazzjoni saret bejn l-awtoritajiet Maltin u barranin dwar it-traġedja ta' lejlet il-Milied li kienet tinvolvi traffikar ta' immigranti illegali? Meta nbdiet l-inkjesta maġisterjali u xi trid tistabilixxi din l-inkjesta? Kien hemm xi eżitu minn din l-inkjesta? Hemm awtoritajiet barranin li talbu lil Malta tgħinhom dwar dan il-każ? Min huma dawn l-awtoritajiet? Meta saret it-talba? X'riedu? Jeżistu proċeduri kriminali barra minn Malta dwar persun involuti f'dan il-każ traġiku li hemm involuti fih ċittadin Malti u Grieġ miżżewweġ Maltija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta magisterjali dwar il-kaz imsemmi infethet fid-29 ta’ Dicembru 1996. Din izda ma tistax tinghalaq minhabba li l-awtoritajiet Maltin ghadhom qed jistennew l-ezekuzzjoni ta’ l-ittra rogatorja li kienet intbaghtet lill-awtoritajiet Griegi f’Dicembru 1999.Kif jaf l-Onorevoli Interpellant l- inkjesta minn natura taghha hija wahda kunfidenzjali.
Fis-17 ta’ Dicembru 1999, fuq talba tal-awtoritajiet investigattivi Maltin, l-Avukat Generali baghat ittra rogatorja lill-awtoritajiet Griegi fejn intalbet assistenza bl-iskop li jkompli l-gbir tal-provi dwar il-kaz. Sallum din ghadha ma gietx esegwita .
Bhala talbiet li kellu dan l-ufficcju ghall-assistenza dwar il-kaz minn awtoritajiet barranin, kien hemm talba mill-Italja (ezattament mill-Procura della Repubblica presso il Tribunale di Reggio Calabria) li waslet ghand l-Avukat Generali fit-28 ta’ Mejju 1997. It-talbiet tal-istat Taljan ghall-assistenza gew esegwiti u dak kollu migbur in esekuzzjoni tal-istess ntbaghat lill-istess awtorita’ nhar is-16 ta’ Gunju 1998.
L-informazzjoni dwar kuntatti u /jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet investigattivi kemm barranin kif ukoll lokali ghandhom jigu riferuti lill-Ministru koncernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta fil-kontront ta' avukat Għawdxi dwar l-abbużi fic-children allowance? Meta l-każ għadda għand il-pulizija? X'eżitu kien hemm fil-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-persuna u persuni oħra bħalha irrifondew l-ammonti kollha li kienu tħallsu lilhom u għalhekk dawn il-każijiet illum huma magħluqin.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar il-każ ta' avukat Għawdxi li ismu qed jingħata separatament in konnessjoni ma' abbużi fic-children allowance? Min kien l-ispettur li investiga l-każ? Jekk il-każ ittieħed il-qorti f'liema stadju wasal? U jekk il-każ ma wasalx il-qorti jew inkella twaqqfu l-proċeduri għaliex? Jista' jikkonferma li l-Kummissarju tal-Pulizija ordna lill-ispettur li nvestiga l-każ biex iwaqqaf il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, fuq talba tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, kienet bdiet proċeduri krimiali kontra l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Kienet ġiet ippreżentata ċ-ċitazzjoni fil-Qorti, pero` din ġiet irtirata wara li l-Pulizija kienet ġiet infurmata mill-istess Dipartiment, illi l-każ bejn id-Direttur tas-Sigurta` Soċjali u l-persuna msemmija kien ġie konkluż u għaldaqstant id-Dipartiment ma kienx aktar interessat fil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin jiskontaw sentenzi ta' priġunerija barra minn Malta? Fejn qegħdin jiskontaw? Fuq liema reatri? Meta ngħatat is-sentenza fil-konfront tagħhom? Meta se jiskontaw is-sentenza tagħhom?
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-jiem li għaddew delegazzjoni immexxija minnu kienet il-Libja kif irraporta l-BBC? Min kien jifforma parti minn din id-delegazzjoni? X'laqgħat saru u ma min? Jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ftehim maqbul bejn id-delegazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Id-delegazzjoni Maltija żaret il-Libja bejn l-14 u l-15 ta` Lulju 2001. Id-delegazzjoni iltaqgħet man-naħa Libjana bħala Kumitat Konġunt taħt il-provvediment tal-Ftehim ta` l-1995 dwar Kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u l-kriminalita` organizzata. Ġie diskuss ukoll il-ftehim ta` Kooperazzjoni ta` l-1985 u l-ftehim ta` l-1994 dwar tibdil ta` priġunieri.
Id-delegazzjoni Maltija kienet iffurmata minn:
L-Onor. Tonio Borg, Ministeru ta` l-Intern
Dr R. Vella Laurenti, Ambaxxatur
Dr Anthony Borg Barthet, Avukat Ġenerali
Sur Louis Cilia, Segretarju Permanenti
Sur George Grech, Kummissarju tal-Pulizija
Sur Michael Cassar, Assistent Kummissarju tal-Pulizija
Sur Andrew Seychell, Assistent Kummissarju tal-Pulizija
Sur Martin Valentino, Kunsillier fl-Ambaxxata
Sur J. Scerri, Assistent Personali tal-Ministru
Ma ġie ffirmat l-ebda ftehim ġdid iżda ġie miftiehem li jsiru laqgħat fuq bażi regolari kemm fuq livell ministerjali kif ukoll fuq livell tekniku dwar is-suġġetti koperti fil-ftehim fuq imsemmija.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar qabda tad-droga fl-ajruport fit-12 ta' Lulju 2001, il-pulizija kienu infurmati madwar siegħa u nofs wara li daħal l-ajruplan mit-Turkija fl-ajruport? Veru li l-media kienet infurmata qabel il-pulizija? Jikkonferma li minħabba li l-pulizija ma kinux infurmati qabel, kien diffiċli biex isegwu għal min kienet destinata d-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ġew infurmati bil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għal ħabta tat-8.10am. Ninsab infurmat ukoll li ma kinetx il-Pulizija li nfurmat lill-media. Bħal kull każ ieħor meta il-media jiġu informati f`każijiet bħal dawn, dana ifixkel l-investigazzjoni tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra l-kuntistabbli li isimhom qed jintbagħat separatament li t-tnejn ħadmu fil-ħabs ta' Kordin, issieħbu ma' mara ta' persuna misjuba ħatja ta' traffikar ta' droga f'kumpannija privata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nbdew proċeduri ta` dixxiplina kontra l-uffiċjali in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26845?
Response (BORG, JOE)
Minħabba fil-kobor ta' din id-diżgrazzja fatali, sar sforz komuni bejn l-Italja, l-Greċja u Malta biex l-investigazzjonijiet li għadhom sejrin jagħtu r-riżultat mixtieq. Nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għadu qed jagħti kontribut siewi skond il-ħtieġa fir-rigward ta' din it-traġedja.
Għar-rigward tat-tieni parti tal-mostoqsija nixtieq nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet kompetenti dejjem jieħdu in konsiderazzjoni kull informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet tagħhom.