Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28550 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dawl fit-Toroq

Question

B'referenza għal-arbli tad-dawl ġodda fi Triq is-Sebbelliki u Triq 'l Għakru f'Ħaż-Żabbar. Peress li dan l-aħħar f'dawn it-toroq twaħħlu arbli tad-dawl ġodda fuq il-bankini biex jinqalgħu l-lampi antiki imwaħħlin mal-ħitan tad-djar peress li ma wieħed minn dawn l-arbli twaħħlet tabella li tindika li x-xogħol inbeda fis-9 ta' Frar 2001, liema tabella għada mwaħħla hemm sal-lum. Peress li dawn l-arbli ilhom lesti għal żmien twil bil-lampi ikkonettjati u xi xhur ilu ġew mixgħul bi prova, jista' l-Ministru jinfurma lill din il-Kamra x'inhu jiġri, għaliex kull meta l-Kunsill ta' Ħaż-Żabbar ġie mistoqsi għaliex dawn il-lampi m'humiex jinxtgħelu, il-kunsill jirrispondi li suppost li ilhom ħafna mixgħula, anki kienu sorprizi li għadhom ma nxtegħlux u fejn anke ir-residenti ġew infurmati biex ikellmu lill-engineer. Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi li jinxtelu l-lampi l-ġodda jew l-antiki li għadhom fil-post?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #27541 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

DNA

Question

No question text.

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-preżent hemm disgħa (9) każijiet quddiem il-Qrati tal-Maġistrati (Malta) li fihom ġew maħtura esperti fil-qasam tad-DNA. L-informazzjoni l-oħra mitluba ma nistax tingħata għax hija ta natura konfidenzjali.
Leg 9 PQ #27577 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

FMSS

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha jidher under separate cover għamel żmien b'uffiċju f'Gattard House, fejn kellha l-kwartieri tagħha l-FMSS? Meta kien dan? U għaliex ingħata uffiċju? Meta evakwa l-uffiċju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-persuna msemmija kellha uffiċju f'Gattard House meta kienet ingaġġata bħala 'Professional Support and Advisory Services' ma` l-istess Fondazzjoni. Huwa evakwa l-uffiċju meta ġie tterminat il-kuntratt f'Ottubru 1996.
Leg 9 PQ #27887 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

FMSS

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament kellu uffiċju fil-bini li kienet tokkupa l-FMSS f'Gattard House wara Diċembru 1994? Għaliex kellu dan l-uffiċju? X'ħidma kien jagħmel minn dan l-uffiċju? Kif ingħata dan l-uffiċju meta kien hemm oggezzjoni biex jinħatar konsulent mill-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija kienet tagħti s-servizz tagħha mill-uffiċju ta` l-FMS f'Gattard House. Il-persuna kellha dan l-uffiċju għaliex kienet ingaġġata bħala 'Professional Support and Advisory Services'. Il-fondazzjoni ma hix informata li kien hemm xi oġġezzjoni biex din il-persuna tinħatar konsulent mill-ġdid u miż-żminijiet imsemmija ħadd ma ġie ngaġġat bħala konsulent għal Professional Support and Advisory Services.'
Leg 9 PQ #27818 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Estradizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li bħallissa għaddejja proċeduri biex tkun estradita', ta' liema ċittadinanza kienet qabel saret Maltija? Meta saret Maltija din iċ-ċittadina?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji tal-persuna li dwarha qiegħed jintalab dan it-tagħrif.

Konsulent fil-Ministeru tal-Politika Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-kwalifiki li kellu l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex jinħatar fil-Ministeru tal-Politika Soċjali? Jista' l-Ministru jpoġġi CV tal-persuna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-file relatat ta' din il-persuna bħala konsulent tal-Ministeru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25608 f'Seduta Numru 536. Il-personal file hu dokument kunfidenzjali. Jien ma nsibx oġġezzjoni li nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-personal file tal-persuna konċernata, inkluż is-CV li hemm fih, kemm il-darba l-Onor. Interpellant iġibli l-awtoriżżazzjoni bil-miktub ta' l-istess persuna.
Leg 9 PQ #27455 Sitting 592 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-rakkomandazzjoni li ta' t-tribunal għall-investigazzjoni tal-ingustizzji wettaq? Liema kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, meta ngħatat is-sentenza u meta ngħata r-rimedju? Fil-każijiet li l-qorti rrakomandat rimedju u s'issa għadu ma ngħatax, għaliex ma ngħatax, u meta se jingħata? F'kull każ li twettqet ir-rakkomandazzjoni kemm kien il-kumpens li ngħata lil kull individwu u kemm kienet l-ispiża tal-Korporazzjoni jew dipartiment li kellu jagħti promozzjoni b'data lura rakomandata mill-Imħallef Lino Farrugia Sacco.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li, s’issa, kien hemm 159 rapport fejn it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji sab li l-ilment hu ġustifikat u għamel rakkomandazzjoni favur ir-rikorrent. Minn dawn, 108 ġew konklużi. Fil-każijiet fejn it-Tribunal irrakkomanda rimedju u, s’issa, dan għadu ma ngħatax hemm: - każ fejn il-mertu ta’ l-ilment ġie ċedut; - każ fejn id-deċiżjoni qed tiġi kkontestata; - żewġ każi fejn intalbet ritrattazzjoni; u, - tmien każi fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ddeċidiet li ma tistax tattwa r-rakkomandazzjoni tat-Tribunal. l-oħrajn, ħafna minnhom aktarx reċenti, għandhom qed jiġu pproċessati. Il-proċeduri stabbiliti jridu jiġu segwiti u, għaldaqstant, mhux magħruf meta jkun jista’ jingħata rimedju. Biex jinġabar it-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onoroveli Interpellant jinħtieġ volum kbir ta’ xogħol. Barra minn hekk, kif għidt drabi oħra, ma nħossx li hija etika li ċertu tagħrif jingħata. Li nista’ ngħid hu li, s’issa, il-Gvern u l-Korporazzjonijiet diġa ħallsu mal-Lm223,437 f’kumpens jew arretrati tad-differenza fis-salarju.
Leg 9 PQ #26082 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li administrative officers u faculty officers fl-Universita' ta' Malta jiffirmaw kollha l-ħin li jidħlu u jitilqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Administrative Officers u Faculty Officers fl-Universita` ta' Malta jiffirmaw.
Leg 9 PQ #26092 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi l-Universita' ta' Malta għall-użu tagħha? Jista' jgħid minn min dawn il-karozzi qed jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita` ta' Malta għandha 22 karozza għall-użu tagħha. Lista li tagħti dettalji ta' liema huma dawn il-vetturi u min qed jużahom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27710 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Estradizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proċeduri ta' estradizzjoni kontra żewġ persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament għadhom għaddejjin fil-qrati Maltin u allura ma kienux liberati mill-akkużi kif kien rapurtat mill-media? Jekk għad hemm il-proċeduri pendenti quddiem il-qrati Maltin, veru li kien hemm talba oħra ta' estradizzjoni għall-istess persuni? Il-persuna l-oħra li wkoll għaddejja proċeduri biex tkun estradita, ta' liema ċittadinanza kienet qabel saret Maltija? Meta din iċ-ċittadina saret Maltija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm iż-żewġ persuni msemmija ġew rilaxxati mill-Maġistrat, hemm pendenti fil-każ tagħhom Appell quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali intavolat mill-Avukat Ġenerali u għalhekk il-"liberazzjoni" tagħhom mill-Maġistrat ma tidħolx fis-seħħ sakemm il-Qorti tal-Appell Kriminali ma tikkonfermax id-deċiżjoni tal-Maġistrat. L-Avukat Ġenerali ma waslitlu ebda talba oħra għal estradizzjoni ta' l-imsemmija persuni għalkemm kien hemm kliem f'dak is-sens fil-media. Il-persuna l-oħra, qabel saret Maltija kienet Marokkina.
Leg 9 PQ #27711 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li illum hi ċittadina Maltija. Meta saret ċittadina Maltija? X'ċittadinanza kellha din il-persuna qabel saret Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija magħmula mill-persuna indikata mill-Onor. Membru kienet ġiet miċħuda.
Leg 9 PQ #27712 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Diplomatic Bag

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm investigazzjoni dwar id-diplomatic bag ta' xi ambaxxata Maltija? Meta saret l-investigazzjoni? X'irriżulta? U x'passi ttieħdu jekk kien hemm xi abbuż?

Response (BORG, JOE)

Minn indaġni li l-Ministru tiegħi għamel, ma rriżultax li qed isir abbuż mill-valiġġa diplomatika ta' xi Ambaxxata Maltija. Għaldaqstant, ma kienx hemm ebda ħtieġa li ssir xi investigazzjoni. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu x'informazzjoni speċifika, nitlobu jgħaddhieli, sabiex inkun nista` nagħmel l-indaġnijiet neċessarji.
Leg 9 PQ #27713 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Priġuneri — Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li talbu li jsegwu kors l-Universita'? Dawn il-priġunieri qegħdin jiskontaw sentenza ta' priġunerija? Kemm hi is-sentenza? Kemm baqagħlhom jiskontaw? U ta' x'hiex instabu ħatja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm priġunier li diġa` ilu sena isegwi kors fl-Universita`. Hemm priġunier ieħor li wara li għadu kif ġab ir-rekwiżiti neċessarji biex jattendi kors l-Universita` għamel it-talba biex jattendi. Dan il-priġunier qiegħed jiskonta sentenza ta` seba snin wara li nstab ħati ta` pussess u traffikar ta` droga. Huwa jiskonta s-sentenza fid-29 ta` Awissu 2002.
Leg 9 PQ #27714 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ uffiċjali tal-pulizija li qegħdin jittieħdu proċeduri kontrihom minħabba li assoċjaw ruħhom ma' mara ta' priġunier li qiegħed jiskonta sentenza ta' priġunerija f'kumpanija privata humiex sospiżi sakemm jintemmu l-proċeduri ta' dixxiplina? X'proċeduri ta' dixxiplina inbdew kontra l-pulizija? Min qiegħed jisma' dawn il-proċeduri?

Response (BORG, TONIO)

Il-każ ġie riferut lill-Kummissjoni Servizz Pubbliku u fi żmien qasir għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-kwestjonijiet msemmija fid-Domanda Parlamentari.
Leg 9 PQ #27715 Sitting 591 2001-07-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27575, qed jidher separatament l-isem. Mill-ammonti li ħadu d-diretturi fis-snin imsemmija, kemm kien l-ammont li ħadet din il-persuna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena ta' l-opinjoni li ma jkunx prudenti li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru tiġi ippubblikata.
Leg 9 PQ #27704 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Maltin f'Ħabsijiet Barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-Maltin li bħalissa jinsabu jiskontaw sentenza f'ħabsijiet barra minn Malta? Ta' x'hiex instabu ħatja, meta kienu kkundannati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #27705 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali

Akkużi Kriminali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-Maltin li fl-aħħar 25 sena nstabu ħatja ta' akkużi kriminali barra min Malta u x'kien l-eżitu ta' kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #27706 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Media

Question

B'referenza għall-każ tal-Filippina li waslet f'Malta dan l-aħħar u nqabdet bid-droga, jista' l-Ministru jivverifika u jieħu tweġiba korretta dwar jekk il-media kinetx infurmata b'mod informali qabel kienu infurmati bil-każ b'mod formali? Għaliex il-pulizija kienu infurmati fit-8.10 am bil-qabda meta l-passiġġiera Filippina waslet Malta fis-sebgħa neqsin kwart ta' filgħodu?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ħadd min-nies tad-Dwana ma infurmaw lill-Media fuq il-qabda tad-droga la b'mod informali u lanqas b'mod formali. Il-pulizija, speċifikament lis-Skwadra ta' Kontra d-Droga, ġiet infurmata immedjatament li d-Dwana identifikat li l-bagalja tal-Filippina kellha sustanza li kienet tindika li setgħet tkun droga.
Leg 9 PQ #27707 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Media

Question

B'referenza għall-każ tal-Filippina li waslet f'Malta dan l-aħħar u nqabdet bid-droga, jista' l-Ministru b'mod kategoriku jiċħad li xi ħadd mid-dwana ċempel lil xi persuna jew persuni fil-media jinfurmhom bil-qabda qabel kienu infurmati l-pulizija? Jista' jgħid kienx hemm xi ħadd b'kariga għolja fid-dwana li nforma lil xi persuna jew persuni fil-media b'mod informali qabel kienu infurmati l-pulizija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultalix li xi ħadd mid-dwana ċempel lill-Media b'mod informali qabel kienu nfurmati l-pulizija. Jekk l-Onorevoli Membru għandu xi indizji li dan ġara, jgħaddili l-informazzjoni biex isiru l-investigazzjonijiet meħtiġa.
Leg 9 PQ #27708 Sitting 590 2001-07-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għandux informazzjoni li kien hemm membri tal-media li kienu jafu bil-qabda tad-droga fuq il-Filippina li nqabdet dan l-aħħar bid-droga fl-ajruport qabel kienu infurmati l-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ma għandi xejn x`inżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27537.