Din is-sena hemm fis-seħħ regolamenti li jirridwardjaw il-livielli tal-ożonju u l-partiċelli PM 10 fl-arja speċjalment fl-abitat. Jista' il-Ministru jgħidilna kemm il-darba qabżu l-livelli tal-ożonju u PM 10 fl-arja matul dawn l-aħħar 13 il-xahar? Kemm-il ġimgħa kien hemm fejn sar moniteraġġ bl-istazzjoni mobbli u meta kien bil-ħsara jew ma joperax? Ittieħdu xi passi dixxiplinarji kontra min ma tax l-apporvazzjoni biex l-istazzjon mobbili jissewwa? Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istazzjon mobbili għandux il-monitors jaħdmu kollha jew le? U jekk le għaliex ma ttieħdux passi urġenti biex dawn jissewwew? Kif ser jiġu mterpretati dawn ir-riżultati għas-sena 2002?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni dwar kemm-il darba nqabżu l-livelli fl-ożonju u l-PM 10 fl-arja għadhom qegħdin jiġu nterpretati u kkompilati.
L-istazzjoni mobbli ma ħadimx bejn Marzu u Lulju 2002, minħabba nuqqas ta` staff. F`Ottubru xi monitors kienu bil-ħsara u ingħatat l-ordni għal manutenzjoni. Ma kienx hemm bżonn azzjoni dixxiplinarja għax l-approvazzjoni biex l-istazzjoni mobbli issirlu mantenzjoni ingħatat. Bħalissa tlieta minn ħames monitors qegħdin jaħdmu u l-oħrajn qegħdin jiġu serviced u jkunu lesti fi żmien qasir.
Dawn ir-riżultati ser jiġu nterpretati bid-data li hemm storjata fil-computer u jinħarġu fir-rapport annwali.
Dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent — Awdituri tal-Unjoni Ewropea
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 36344 fejn intqal li minħabba li l-awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux ma kif ġew imħallsa l-konsulenti maltin; tant li d-dipartiment għall-Ħarsien tal-Ambjent kellu jirrifuża s-somma ta' 74,777.50 euro, jista' jgħid meta minn fejn ġiet rifuża din is-somma ta' flus? Mill-fondi li ngħataw minn Brussel taħt il-"LIFE" jew mill-Budget tad-Dipartiment li jħallas il-poplu? Min ta l-awtorizazzjoni biex titħallas din is-somma? Min kien id-direttur u l-kor-ordinatur ta' dan il-proġett? Kemm tħallsu tax-xogħol li għamlu? Għaliex dan l-Istate of the Environment Report 1994 qatt ma ssemma u qatt ma ġie ppubblikat mill-Gvern Nazzjonalista? Tista' kopja ta' dan ir-rapport titpoġġa mill-Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
L-ewwelnett ta` min jgħid li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36344 ma ntqalx li "l-awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux ma` kif ġew imħallsa l-konsulenti Maltin", iżda "l-Awdituri tal-Unjoni Ewropea ma qablux li r-rati li ġew użati biex jiġi valutat ix-xogħol ...ikunu fuq l-istess livell tar-rati li tħallsu lill-konsulenti barranin". Nerġa` ntenni li l-ebda uffiċjal pubbliku ma ħa flus bħala kumpens għal dan il-proġett.
Is-somma ta` flus in kwistjoni ġiet rifjuża fil-11 ta` Mejju 2000 u tħallset mill-flus allokati għad-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent u mhux mill-fondi li ngħataw minn Brussels taħt il-"LIFE".
L-awtorizzazzjoni biex isir dan il-ħlas ingħatat mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent wara li ġie konfermat mill-Ministeru tal-Finanzi illi l-awtorizzazzjoni tagħhom ma kienitx meħtieġa. Il-ko-ordinatur ta` dan il-proġett kien is-Sur Louis Vella, li kien ukoll id-Direttur għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Skond dan il-proġett kellu jsir "An Eco-Audit and Preparation of an Environmental Action Plan". Dan ir-rapport kien baqa` dejjem bħala abbozz u għalhekk qatt ma ġie publikat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi investigazzjoni, anke mill-OPM, li rriżulta li wieħed mid-diretturi tal-MEPA mexa b'mod diskriminatorju ma' l-istaff? Jista' l-Ministru jikkonferma li lil xi wħud mill-ħaddiema approvalhom il-leave bla tlaqliq waqt li lil oħrajn ma' approvalhomx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda investigazzjoni fuq l-allegazzjonijiet ta` diskriminazzjoni magħmula mill-Onor. Interpellant. Ma jirriżulta mkien li kien hemm xi rapport ta` din it-tip ta` diskriminazzjoni.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija dwar il-'leave', nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36780.
Fl-Environment Directorate u l-Environment Management Unit tal-MEPA, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx konsulenti li japprovaw l-Environment Impact Assessments li m'għandhomx First Degree imma Second Degree biss? Kien hemm ċirkostanzi fejn saret diskriminazzjoni favur dawn il-konsulenti, għad-detriment ta' oħrajn aktar kwalifikati? Hemm xi nies fl-EMU li m'għandhomx kwalifiki neċessarji fuq l-impatt fuq is-saħħa, li għamlu studji li ġew aċċettati u dan mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur tas-Saħħa Pubblika? Kien hemm xi Manager u ħaddiema oħra fl-Environment Management Unit u fl-Environment Protection Directorate li għamlu l-Environment Impact Assessments flimkien ma' professuri ta' l-Universita' fl-istess żmien li l-Manager u l-ħaddiema kienu qed jagħmlu kors immexxi mill-istess professuri?
Fl-għażla ta' l-EIA, jistgħu l-istaff fl-EMU u l-Environment Protection Directorate jgħidulna x'metodu intuża biex ikun assigurat li r-riżultati huma korretti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Fl-Environment Protection Directorate u l-Environment Management Unit tal-MEPA, m`hemmx konsulenti li japprovaw l-EIA. L-ebda konsulent ma jista` japprova EIAs.
L-ebda Manager u ħaddiem ieħor fl-EMU u l-EPD ma għamel EIAs kif indikat mill-Onor. Interpellant.
Meta jiġi sottomess l-EIA dan jiġi evalwat:
Skond it-termini ta` referenza li jinħarġu mill-MEPA u huma speċifiċi skond l-iżvilupp propost;
Minn nies impjegati tal-MEPA skond l-'
expertise
' tagħhom;
Skond kriterji ta` reviżjoni li jinħarġu minn istuzzjonijiet internazzjonali.
Issir ukoll konsultazzjoni ma` Dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern li l-MEPA jidhrilha li jkun opportun li tikkonsulta, kif ukoll il-Kunsill Lokali li jkollu r-responsabbilita` tal-lokalita` fejn ikun qed jiġi propost li jsir l-iżvilupp, u Kunsilli Lokali tal-madwar jekk ix-xorta jew l-impatti tal-proġett ikunu tali li jistgħu jaffetwawhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ għar-rimi ta' skart tossiku u skart ieħor perikoluż, biex jintrema' l-Magħtab? Id-direttur ta' l-ambjent ħareġ xi permessi jew approva li jinħarġu tali permessi għal traġitt fuq il-baħar jew fil-portijiet ta' skart b'kontenut ta' sustanza radjoattiva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għal dawn l-aħħar snin kien hemm bosta permessi li nħarġu biex jintrema kull tip ta` skart fil-Magħtab u dan peress li għad ma hemmx engineered landfill fil-pajjiż. Id-Direttur ta` l-Ambjent la ħareġ u lanqas approva li jinħarġu tali permessi għat-traġitt fuq il-baħar jew fil-portijiet ta` skart b`kontenut ta` sustanza radjoattiva.
Ministeru ta' l-Ambjent — Studju fuq skart ta' żejt
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-protagonista għal studju fuq skart ta' żejt kummissjonat mill-Ministeru ta' l-Ambjent sentejn ilu? Kien hemm xi ħadd mill-konsulenti li ħadu l-issues ta' l-ambjent li għandhom konnessjoni diretta mal-Waste Oil Co. Ltd. u li jaħdmu mal-MEPA? X'azzjoni legali ttieħdet kontra l-Enemalta, il-Malta Offshore Bunkering u l-Waste Oils Company Ltd., għall-ħruġ ta' intejjen li nittnu l-lokal tal-Menqa u li keinu ta' danu għas-saħħa tal-ħaddiema tal-bank, tal-Maltacom u r-residenti fil-qrib? X'sar biex isir magħruf ta' min hi l-ħtija? X'azzjoni ttieħdet? Hemm liċenzja tal-pulizija jew liċenzja biex jopera biex dan ix-xogħol isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istudju kien kummissjonat mill-Ministeru ta` l-Ambjent lil Eco Standards Services Ltd.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36783.
Dwar l-intejjen fil-madwar tal-Menqa nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36783 fuq l-azzjoni li ħadet il-MEPA f`dan ir-rigward. Is-sitwazzjoni qed tiġi mmonitorjata u jekk ikun hemm bżonn ta` azzjoni din tittieħed.
Infurmat ukoll illi l-Waste Oils Co Ltd hija koperta b`liċenzja tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pubbliku mhux jiġi nformat dwar l-ambjent ta' l-arja? X'arranġamenti saru mill-IT Section tal-MEPA sabiex il-pubbliku jkun mgħarraf b'dawn ir-riżultati u li dawn ir-riżultati huma sikuri u ta' kwalita' tajba? Għalkemm f'xi lokalitajiet il-livelli ta' PM10, taċ-ċomb u benzina fl-arja kienu ħafna iktar mil-livelli aċċettati, għaliex il-MEPA ma nformatx b'dan lill-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Hemm nuqqas ta` data li kellha tinġabar u għalhekk ma ġietx ikkomunikata. Is-sikurezza u l-kwalita` tar-riżultati ma jiddependix mill-IT Section imma minn min għandu d-dover li jiġborha, jikkompilaha u jikkomunika. Riżultati oħra jridu jiġu kkalkulati. Ir-riżultati preliminari tal-livelli taċ-ċomb fl-arja ser jiġu kkomunikati fi żmien qarib.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Direttur tal-MEPA mhux qed jerfa' r-responsabbilta' għall-ħlas ta' eluf ta' liri lil Malta National Laboratory, minkejja li dan il-kuntratt sar wara li ġie maħtur l-istess direttur? X'azzjoni qegħda tittieħed biex jiġi żgurat li jinħarġu sejħiet għall-offerti għall-analisi tal-kampjuni? Mill-kampjuni li ntbagħtu lil Malta National Laboratory, kemm minnhom intbagħtu f'laboratorji oħra sabiex jiġi żgurat li l-Malta National Laboratory qegħda tagħti riżultati xierqa tal-kwalita' ta' l-ilma baħar u biex jiġi żgurat ukoll li sakemm jaslu għand il-pubbliku dawn ir-riżultati mhumiex imbagħbsa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mhux minnu li saru xi kuntratti mal-Malta National Laboratory wara li nħatar id-Direttur tal-MEPA preżenti.
Id-Direttur preżenti qed jitlob offerti oħra fuq analiżi ta’ kampjuni.
L-MNL, li huwa aġenzija tal-Gvern, mhux l-uniku laboratorju ikkommissjonat mid-Direttorat għall-Ambjent għall-analiżi ta’ kampjuni. Il-kampjuni jintbagħtu lil laboratorji differenti skond il-kompetenza u l-ispeċjalizzazjoni tal-laboratorju ikkonċernat.
Tul dawn l-aħħar erba' xhur, jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt għal servizz jew prodott għamel id-Direttur tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali tal-MEPA? Saru xi kuntratti diretti bla ma nħarġet sejħa għall-offerti? Jekk saru dawn is-servizzi, għax inħass li kellha tittieħed azzjoni urġenti? Għaliex ma ħarġitx sejħa għall-offerti wara tant xhur li tħaddmu dawn is-servizzi? Kemm ġie jqum kull servizz? Għaliex sar dan is-servizz mgħoddi b'kuntratt lil terzi persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uniku xiri ta` servizz jew prodott f`dawn l-aħħar 4 xhur mid-Direttur tad-Direttorat tal-Protezzjoni Ambjentali kienu servizz ta` labourer biex ikun jista` jitħaddem il-Mobile Air Monitoring Station u ghajnuna fl-immuntar ta’ passive tubes monitors għal monitoraġġ ta’ l-arja. Id-Direttur kif assuma l-kariga tiegħu ħass immedjatament il-ħtieġa li jixtri dan is-servizz ad hoc peress li ma kienx fl-interess pubbliku li l-monitoragg ta’ l-arja ma jsirx jew jiġi mxellef il-pjan ta l-istess monitoraġġ. Dan is-servizz qed jinxtara bir-rata ta’ Lm4.25 fis-siegħa. Il-kap tal-Pollution Unit hu inkarigat biex jara li dan is-servizz jintuża bl-aktar mod għaqli. Dan is-servizz jiġi mwaqqaf meta tinħass il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħaddiema li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' Direttur ġdid, li ismu qed jintbagħat separatament, tal-MEPA, li jagħmlu xogħol wara l-ħin għall-kumpannija privata/terzi persuni, liema xogħol hu f'konflitt dirett max-xogħol tagħhom fil-MEPA? Għaliex fl-għażla ta' nies ġodda fl-Environment Protection Directorate l-ebda head ta' xi section ma' kien fil-bord ta' l-għażla?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ma taf bl-ebda impjegat tal-MEPA li jaqa` taħt ir-responsabilita` tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant u li qed jagħmel xogħol li hu f`konflitt dirett mal-kariga tal-istess impjegat fil-MEPA.
Infurmat ukoll illi l-Bord tal-għażla għall-impjegati ġodda fl-Environment Protection Directorate kien kompost skond il-proċeduri normali tal-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sistema tar-registy ta' l-ex Environment Protection Department m'għadhiex tintuża mill-MEPA? Għaliex il-files ta' l-ex Dipartiment ta' l-Ambjent ġew abbandunati għal aktar minn sena? X'sar biex dawn il-files jiġu protetti? Kemm kien in-numru ta' avviżi u każi ta' files fis-sistema ta' l-IT li l-files intilfu f'dawn l-aħħar tlett snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Mhux minnu li s-sistema tar-registry ta` l-Ex Environment Protection Department ma għadiex tintuża. F`din l-aħħar sena il-files xorta baqgħu jintużaw regolarment tant illi x-xogħol baqa` miexi normali.
Fil-premises tal-Ex Environment Protection Department hemm watchman lejl u nhar.
L-Awtorita` ma żżomx rendikont ta` kull min jgħid li ma jistax isib xi file.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi xiri mill-MEPA ta' provvisti, bħal karta, xorb minerali, prodotti iġeniċi, eċċ. bla ma kien hemm sejħa għall-offerti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xiri tal-prodotti msemmija jsir fuq bażi ta` 'quotation' fejn l-ammont hu inqas minn Lm5,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet miċ-chairman tal-MEPA u mid-direttur, li isimhom qed jintbagħat separatament, u x'azzjoni ttieħdet f'kull każ? Kien hemm investigazzjoni sabiex isir magħruf min kien ħa xi flus għax ħadem jew b'xi mod ikkontribwixxa fi proġetti f'fondi internazzjonali (u dan kontra l-istess politika ta' dawn l-istituzzjonijiet)? Kien hemm xi impjegati li tħallsu ta' xogħol taħt proġett tal-CAMP (Coastal Area Management Programme) li kien tħallas mill-fondi tal-Priority Actions? Għaliex wara investigazzjoni nterna sabiex isir magħruf għaliex l-Air Monitoring System ma' tħaddmitx għal bosta xhur, ma ttieħdet ebda azzjoni fuq min kien responsabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kienet saret investigazzjoni waħda mic-Chairman tal-MEPA u nħarġet stqarrija dwarha fl-1 ta` Diċembru 2001.
Infurmat ukoll illi ma saret l-ebda investigazzjoni mill-imsemmi Direttur ta` l-Ambjent.
Informazzjoni dwar kontribuzzjonijiet fi proġetti f`fondi internazzjonali kienet ingħatat fi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36348.
Rigward il-mistoqsija relatata mal-proġett CAMP, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36728.
Ma saret l-ebda investigazzjoni mid-Direttur il-ġdid ta` l-Ambjent fuq l-Air Monitoring Station għala din ma ħadmitx fi żmien meta hu ma kienx fil-kariga preżenti. Id-Direttur ipprova jiġbor xi fatti biex jara x`jista` jsir biex sitwazzjonijiet simili ma jerġgħux jiġru.
Jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, Malta ssir parti mir-Regional Economic Organization li fih trattati dwar rapportaġġ? Il-Gvern Malti hu mistenni li jonora l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea li huma aktar ħorox mill-obbliġi tal-Habitats Directive u l-Birds Directive Diversity?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma jeżistux obbligi addizzjonali għad-direttivi msemmija.
Għal dawk it-trattati ambjentali li Malta tifforma parti minnhom x'kontribuzzjoni annawali qed tagħti Malta issa u x'se tkun il-kontribuzzjoni kull sena jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropa? Il-pagamenti dovuti għal din is-sena saru mill-MEPA? Jekk Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, il-kontribuzzjoni lejn l-U N tiġi b'xi mod affettwata? Il-Kummissjoni Ewropa għamlet xi kummenti dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` kontribuzzjonijiet annwali li qed tagħti Malta għal konvenzjonijiet internazzjonali huwa ta` 14 li jammontaw għal total ta` Lm21,445. Infurmat ukoll li l-kontribuzzjonijiet għal din is-sena ma sarux mill-MEPA.
Il-ħlas huwa marbut mal-istatus ekonomiku tal-pajjiż, u m`għandux x`jaqsam mas-sħubija jew le ta` Malta fl-Unjoni Ewropea.
Rapporti dwar il-konvenzjoni tad-diversita' bioloġika
Question
Malta ġiet mitluba tagħmel xi rapport taħt il-konvenzjoni tad-diversita' bioloġika? Tlesta xi rapport nazzjonali? X'inhi l-politika jew pjan ta' azzjoni li beħsiebha tadotta Malta? Sħubija sħiħa kif se taffettwa dawn il-policies? Veru li mad-dħul Malta jkollha tiffirma l-konvnezjoni u bla ebda riserva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li Malta ġiet mitluba rapport taħt il-Konvenzjoni tad-Diversita Bijoloġika.
Dan ir-rapport sejjer jiġi ppreżentat lill-konferenza ta` l-imsieħba li sejra ssir madwar sentejn oħra, u dan skond Art 26 tal-Konvenzjoni.
Dwar il-parti l-oħra tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37704.
Matul dawn l-aħħar erba' snin x' kien il-kontribut ta' Malta fir-rigward tal-wirt naturali skond il-World Heritage Convention of 1972 ta' l-UNESCO? Ġie rapportat xi ksur minn naħa ta' Malta tul dawn l-aħħar erba' snin? Kien hemm xi referenza mill-IUCN għan-nuqqas ta' Malta li żżom ma l-obligi tul dawn l-aħħar erba' snin?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
CITES — Konvenzjoni dwar il-kummerċ ta' speċi protetti
Question
Malta tifforma parti miċ-CITES, il-konvenzjoni dwar il-kummerċ ta' speċi protetti? Is-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kif se taffettwa l-proċeduri preżenti rigward is-sorveljanza fil-portijiet? Veru li l-proċeduri li se jadotta l-kontrollur tad-Dwana se jkunu liberali u se jdgħajfu l-infurzar ta' spzzjonijiet, skond kif kien isir tul dawn l-aħħar għaxar snin? Veru li r-regoli preżenti tas-CITES se jiġu ridotti għal sempliċi spot checks? Dan ma jagħtix aktar lok għall-abbuż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li Malta, (bħall-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropeja) iffirmat il-Konvenzjoni tas–CITES fl-1989 u bdiet timplimentaha bil-ħruġ tal-Avviż Legali 19 ta’ l-1992 hekk kif emendata.
Fis-26 ta’ Mejju 1997, l-Unjoni Ewropeja addottat ir-Regolament 338/97, li jipprovdi kontroll effettiv dwar kummerċ f’eżemplari ta’ annimali u pjanti, speċjalment dawk inklużi fl-iskedi tal-Konvenzjoni. Dan isir permezz ta’ kontrolli min nies speċjalizzati f’dawn il-proċeduri li jkunu preżenti fil-portijiet.
Il-proċeduri ġodda li ser jiġu addottati mid-Dwana fi żmien qarib, ma għandhomx jaffettwaw spezzjonijiet li jsiru minn Spetturi ta’ l-Ambjent kif kien isir f’dawn l-aħħar għaxar snin. Fil-fatt, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, qiegħed jipprepara sistema kompjuterizzata biex l-importatur u l-esportatur jottjeni l-awtorizzazjoni ta’ rilaxx ta’ annimali u pjanti mid-dwana. Dan biex tkun tista’ tħaddem b’mod effettiv l-obbligi kollha ta’ din il-Konvenzjoni, irrespittivament minn kull tibdil fil-futur. Dawn is-sistemi ser jikkumplimentaw is-sistemi ġodda li ħa taddotta id-Dwana.
B’dan it-tibdil għall-aħjar, is-sistemi il-ġodda għhandhom ikunu aktar effettivi minn qatt qabel biex irażżnu kull lok ta’ abbuż fit-traffikar ta’ eżemplari mħarsa b’ din il-Konvenzjoni.
Peress li Malta għandha ħafna obligi taħt ir-Ramsar Convention on Wetlands speċjalment ir-Ramsar Strategic Plan 1997-2002, x'kontribut tat Malta dwar dawn l-obbligi? Ir-rapport finali bagħtitu l-MEPA u x'kien il-progress fuq dawn is-siti peress li l-aħħar rapport li ntbagħat lis-Segretrjat kien fl-1995?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ir-Ramsar Convention barra milli titlob protezzjoni tal-bwar, issa tirreferi ukoll għall-"wise use" tal-wetlands. Il-kontribut prinċipali huwa f`forma ta` edukazzjoni lill-pubbliku u t-tfal ta` l-iskejjel. F`Malta għandna żewġt ibwar: dak ta` l-Għadira u l-ieħor tas-Simar fejn dawn qegħdin jiġu immaniġġati minn organizazzjonijiet mhux governattivi.
Ir-rapport ser jintbgħat sa l-aħħar ta` Frar 2003.
Kien hemm xi ħaddiema mill-MEPA jew mill-Ministeru ta' l-Ambjent jew mill-ex-Dipartiment għall-Protezzjoni Ambjentali involuti fl-African/Eurasian Waterways Flyways GEF Project jew il-LIFE project relatati ma' African Eurasian Migratory Water Birds Projects jew il-Global Register for Migratory Species jew xi proġett ieħor ta' assistenza? Min kienu dan l-impjegati? Kienu mħallsa għall-kontribut tagħhom? Ix-xogħol kien relatat mal-pożizzjoni tagħhom? Kien hemm xi speċi oħra miżjuda mill-awtoritajiet maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda ħaddiema mill-entitajiet imsemmija li kienu involuti fil-proġetti imsemmija. Ma kienx hemm speċi oħra miżjuda mill-awtoritajiet Maltin.