Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista bl-ismijiet tal-persuni jew ditti li ġew magħżula mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija, kemm se jingħataw fondi għar-riċerka għal kull applikazzjoni li ntagħżlet u x'kien is-suġġett tar-riċerka?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programm tar-Riċerka u Innovazzjoni huwa proċess ta’ żewġ stadji (two stage evaluation process). L-ewwel stadju ta’ shortlisting ġie konkluż u r-riżultat ġie ppubblikat fuq il-website tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija f’Ottubru tas-sena 2006. Ir-rapport tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni huwa lest u issa ġie sottomess lill-Bord tal-MCST għall-approvazzjoni tiegħu. Il-lista finali tiġi ppubblikata wara li tingħata din l-approvazzjoni mill-Bord. Huwa previst li l-MCST tippubblika r-riżultati f’Marzu ta’ din is-sena.

MMA — Fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża fuel kull xahar fl-2006 minn kull min għandu karozza ta' l-Malta Martime Authority (MMA)( manager/senior staff, diretturi)?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

MMA — Call for application

Question

Għaliex fir-Records Department tal-MMA biex jiġu nies minn dipartimenti oħra ma ssirx call for application meta f'dipartimenti oħra ikun hemm call for application?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-politika tal-Awtorita’ hija li tagħmel l-aħjar użu mill-impjegati. Fil-każ imsemmi, ma kienx hemm ħtiega li tinħareg sejħa għal-applikazzjonijiet meta l-impjegat jibqa fl-istess grad.

MMA — Safar

Question

Mill-ewwel tas-sena 2007 sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq safar mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita’ Marittima nefqet Lm25,334.76 fuq safar minn Jannar sa Frar 2007. Huwa mistenni li Lm7,130 minn dan l-ammont jiġu rifonduti minn proġetti ta’ l-Unjoni Ewropea.

Reġistrazzjoni ta' vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jiġu reġistrati vapuri jew tankers li għandhom 'il fuq minn 25 sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hija l-prattika li l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta tirreġistra vapuri ta’ mhux iktar minn 25 sena. Madanakollu jeżistu ċirkostanzi , fejn, sidien li għandhom diversi bastimenti oħra diġa jtajru ser itajjru il-bandiera Maltija, kien ikollhom ifittxu bandiera oħra sabiex jirreġistraw il-bastimenti tagħhom ta’ eta’ ta’ 25 sena jew iktar. Għaldaqstant, f’każijiet bħal dawn, l-Awtorita’ tikkonsidra l-possibilita’ ta’ reġistrazzjonijiet ta’ vapuri ta’ eta’ ta’ 25 sena jew iktar. Dawn il-konsiderazzjonijiet bl-ebda mod ma jnaqqsu mill-kontrolli meħtieġa. Fil-fatt, l-Awtorita’ dejjem issostni sistema fejn bastimenti ta’ 25 sena jew iktar ikunu suġġetti għal spezzjonijiet riġidi, saħansitra qabel ma dawn jiġu aċċettati għar-reġistrazzjoni.

Vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kull tanker/vapur li hu reġistrat taħt il-bandiera Maltija li għandu 'il fuq minn 25 sena u jgħid min huma l-aġenti lokali f'kull każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija ta’ natura kummerċjali u ma nħossx li għandha tiġi mgħotija.
Leg 10 PQ #24371 Sitting 506 2007-03-13 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

ADT — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tal-kuntratti kollha li ngħata jew li kien involut fihom mingħand l-ADT il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-1 ta' Jannar 1999 sat-28 ta' Frar 2007? Jista' jgħid f'liema kariga jew kapaċita' esegwixxa l-kuntratt? Jista' jgħid kemm tħallas għal kull kuntratt b'riferenza kuntratt, kuntratt? Jista' jgħid jekk il-persuna ngħatatx il-kuntratti lilha personalment jew lil xi kumpannija/ditta/soċjeta'/partnership li fiha għandu interess u jagħti l-isem tagħha? Jista' jgħid inħarġitx sejħa għall-offerti jew ingħatawx direct orders riferibbilment għal kull kuntratt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

MMA — Xogħlijiet fiċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid, bejn wieħed u ieħor, id-data ta' meta hu mistenni li jitlesta l-proġett taċ-Ċirkewwa u kemm hi l-aħħar ċifra ta' flus li se tiġi mħallsa mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-proġett tal-mollijiet u t-terminals fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr huwa stmat li jiswa madwar Lm14.55 miljun. Bħalissa, l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta qegħda tipprepara sabiex toħroġ it-tenders neċessarji għall-bini ta’ terminal fiċ-Ċirkewwa permezz ta’ fondi mill-European Regional Development Fund. L-informazzjoni fuq l-ispiża ta’ dawn ix-xogħolijiet għadha qegħda tinġabar u tkun tista’ tingħata aktar tard.

MMA

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm għajjat fil-kurituri ta' l-awtorita' marittima ta' Malta bejn min qed imexxi l-proġett taċ-Ċirkewwa u ċ-chairman ta' l-awtorita'? Dan l-inċident għandu x'jaqsam mal-mollijiet taċ-Ċirkewwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma kienx hemm għajjat fil-kuruturi ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta bejn min qed imexxi l-proġett taċ-Ċirkewwa u ċ-Chairman ta' l-Awtorita'.

MCMP Outlook Magazine

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-ispiża tal-magazin "MCMP Outlook" li ntbagħat fid-djar dan l-aħħar? Min għamel id-disinn? Min stampah? Kemm kienet l-ispiża tal-posta? Ħarġet tender biex seta' isir ix-xogħol tad-disinn u l-istampar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm żewġ ħarġiet tal-MCMP outlook, l-ispiża totali għall-istampar, disinn u pustaġġ ta' l-ewwel edizzjoni kienet ta' Lm643.77. Ix-xogħol tad-disinn sar mill-Kumpanija 26th Frame filwaqt li l-Printline Printers ħadu ħsieb l-istampar. Dawn intagħżlu wara sejħa għall-kwotazzjonijiet. L-istess kumpaniji ntużaw ukoll għat-tieni edizzjoni.

Insulina LANTUS

Question

Peress li l-insulina LANTUS għandha l-vantaġġ li taħdem b'mod uniformi għal 24 siegħa u wkoll permezz tagħha wieħed jagħmel injezzjoni waħda biss kuljum minflok tnejn jew tlieta, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li din l-insulina tiġi ntrodotta fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Insulina Glargine (LANTUS) ġiet introdotta fil-formularju governattiv fit-3 ta' Ottubru 2006 għall-pazjenti dijabetiċi 'Type 1' li: - għandhom il-fuq minn 6 snin - ilhom minn ta' l-anqas 6 xhur fuq insulina konvenzjonali u li qed jieħdu iktar minn 4 injezzjonijiet kuljum - kienu qegħdin jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm 4 darbiet kuljum għal dawn l-aħħar 3 xhur - il-livell taz-zokkor fid-demm juri varjazzjonijiet frekwenti u li jitbaxxilhom iz-zokkor matul il-lejl f'medja ta' darbtejn fil-ġimgħa.

MEPA

Question

B'riferenza għall-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament,, jista' l-Ministru jikkonferma li kull min kellu dritt jiġi magħruf ġie magħruf sa meta kellu jsir l-appell?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

MMA — Postijiet ta' irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli fl-awtorita' marittima Maltija li jagħti l-postijiet ta' l-irmiġġi ġodda? Kif jingħataw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jin infurmat li l-irmiġġi fil-Yacht Marinas jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-Berthing Master fil-Yachting Centres Directorate. Irmiġġi ġodda fil-Marinas tal-Awtorita' Marittima ta' Malta jingħataw skond il-waiting list iżda l-ebda rmiġġ ma ġie allokat mis-sena 2001 peress li m'hemmx irmiġġi vakanti. Irmiġġi temporanji fil-bajjiet madwar Malta u Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tas-Small Ships Administrator ta’ l-Small Ships Section tal-Yachting Centres Directorate. Fejn hemm pjani ta' irmiġġi organiżżati mill-Awtorita', ma hemmx postijiet vakanti. Rigward irmiġġi oħra trid issir applikazzjoni flimkien ma’ pjanta tal-post fejn jiġi indikat l-irmiġġ. Wara li jiġi żgurat li m'hemmx xi ostakoli għan-navigazzjoni jew perikli oħra, normalment jingħata l-permess.

MMA — Evalwazzjoni tat-tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif isiru l-evalwazzjonijiet tat-tenders fl-awtorita' marittima Maltija? Min jagħmel dawn l-evalwazzjonijiet u liema kriterja tintuża biex jintgħażlu dawn in-nies li jevalwaw it-tenders?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċċifika għall-liema tenders qed jirreferi.

Liġi tal-Konsumaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi li ttellgħu l-qorti taħt il-liġi tal-konsumaturi? Jista' jagħti l-lista ta' dawn l-okkażjonijiet li turi n-numri ta' każi, it-tip (taħt liema artiklu tal-liġi), kemm instabu ħatja u kemm kienet il-penali meta nstabu ħatja? Kemm kien hemm każi li ttellgħu l-qorti għaliex kienu qed jiksru l-avviż legali 283 ta' l-2002 tal-prezzijiet (price indications)? Kemm minnhom instabu ħatja u kemm kienet il-piena? Rigward id-direttiva ta' l-unfair commercial practices, saret konsultazzjoni pubblika dwar kif beħsiebu jimplimentaha l-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li qed jirreferi għaliħ.

Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: 1) kemm hemm pulizija Maltin li llum huma stazzjonati Għawdex? 2) kemm hemm pulizija Għawdxin li llum huma stazzjonati Malta? Liema rank jokkupaw? 3) meta l-Maltin ikunu stazzjonati Għawdex u viċi versa, min hu responsabbli biex jipprovdilhom fejn joqogħdu? 4) jista' jgħidilna fejn qed jiġu alloġġjati dawk il-Maltin li ġew stazzjonati Għawdex u viċi versa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm Supretendent u Spettur residenti Malta li qegħdin assenjati xogħol Għawdex, filwaqt li hemm Supretendent, 5 Spetturi, 2 Surġenti Maġġuri, 11-il Surġent u 56 Kuntistabbli residenti Għawdex li huma assenjati xogħol Malta. Kif kienet minn dejjem il-policy, dawk il-membri tal-Korp li minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom ikunu meħtieġa li jibqgħu on call, bħal ma huma l-fizzjali fid-Distretti, il-Korp jipprovdi akkomodazzjoni lilhom ġewwa Għases li jkollhom din il-faċilita'. Fil-każ ta' dawk il-membri tal-Korp l-oħra, min jagħżel li jibqa' Malta jew Għawdex bejn shift u ieħor, jista' wkoll jagħmel użu minn għases li għandhom il-faċilita' għal tali akkomodazzjoni. Ta' min iżid, illi l-Korp għadu kemm xtara appartament ġewwa l-Qala sabiex jinbidel mal-appartament li l-Korp kellu f'Taċ-Ċawla, fejn ikunu jistgħu jkunu alloġjati dawk il-membri tal-Korp, residenti Malta, li n-natura tax-xogħol tagħhom tkun tenħtieġ li jibqgħu on call.

Esperti tal-qorti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' l-esperti tal-qorti li ntużaw dan l-aħħar tliet snin dwar id-DNA u testijiet oħra dwar id-drogi? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Kull ġudikant huwa liberu li jqabbad persuna biex tagħmilha ta' 'espert tal-Qorti' dwar kull materja partikolari li dwarha l-Qorti jkun jidrilha li jkun jeħtieġ rapport tekniku. F'dawn il-materji, ovvjament hemm testijiet ta' DNA u Drogi. Kull ġudikant ikun sodisfatt li l-persuna li tkun ser tiġi mqabbda li tirrediġi rapport tekniku bħala espert tal-Qorti jkollha l-kwalifiki meħtieġa biex taqdi d-dmirijiet tagħha. L-inkjesta hija materja tal-Maġistrat Inkwerenti u mhux ta' xi Qorti jew tar-Reġistratur. Ir-Reġistratur ma għandux l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari.

MMA — Records department

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'qed ifisser meta qed jgħid li "ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?"

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija — National Research and Innovation Programme

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma d-ditti jew koordinaturi li applikaw u ġew magħżula għal national research and innovation programme ta' l-2006, amministrat mill-kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija (MCST) f'Bighi u x'kienu l-kriterji wżati biex issir l-għażla u min kien fuq il-bord ta' l-għażla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.